Monday, 3 September 2012

PL: Chris Said jikkonferma l-politika omofobika ta’ GonziPN

Stqarrija 30 ta’ Awwissu 2012; Maħruġa mill-Uffiċċju tal-Kommunikazzjoni tal-Partit Laburista

Id-dikjarazzjoni tal-Ministru Chris Said tikkonferma l-omofobija istituzzjonalizzata tal-Gvern ta’ GonziPN.

Qal dan il-Mexxej tal-Partit Laburista Dr Joseph Muscat b’reazzjoni għall-kummenti tal-Ministru tal-Ġustizzja u l-Familja Chris Said, li koppji gay mhumiex familji.

Dr Muscat qal li din id-dikjarazzjoni ta’ prinċipju mhijiex aċċettabbli għaliex permezz tagħha, il-Gvern qiegħed jistituzzjonalizza l-omofobija. Dr Muscat saħaq li jekk Lawrence Gonzi jaqbel ma’ Chris Said, allura jkun qed jikkonferma kemm il-politika ta’ GonziPN hija omofobika. Jekk ma jaqbilx miegħu, allura għandu jwiddbu, żied jgħid Dr Muscat.

Dr Muscat qal li għall-Partit Laburista, familja hija ffurmata rrispettivament mill-orjentazzjoni sesswali tal-persuni.

Il-Mexxej Laburista fakkar kif l-omofobija ta’ GonziPN kienet ħarġet fid-diskussjoni dwar il-Liġi tal-Kera meta filwaqt li l-Oppożizzjoni pproponiet li l-protezzjoni tkun estiża wkoll għal koppji tal-istess sess, il-Gvern kien oġġezzjona, bil-Viċi-Prim Ministru Tonio Borg jgħid “hekk jonqos issa!”

Ufficcju tal-Komunikazzjoni
Partit Laburista

No comments:

Post a Comment