Saturday, 5 April 2008

Mietet tirrakkonta lit-Torċa... Ħarbet minn Malta b’jott għax kienet gay

http://www.it-torca.com/news.asp?newsitemid=6781

minn Victor Vella (victorvella2002@yahoo.com)
23 ta’ Marzu 2008

Kienet il-ġurnata tas-Sibt, 15 ta’ Marzu. Dakinhar jien u l-mara iddeċidejna li nqattgħu ġurnata barra. Kif irritornajna lura, tard wara nofsinhar, insibu messaġġ mir-Renju Unit fuq l-imejl. Kien Antoine. Infurmana li Janice, li l-istorja tagħha qiegħda tidher illum, kienet mietet. Lil Janice kont ikkomunikajt magħha f’nofs il-ġimgħa rigward l-istorja tagħha bħala persuna Maltija b’orjentazzjoni sesswali gay li bħal ħafna oħrajn kellha teżilja ruħha biex tgħix mas-sieħba tagħha li tant kienet tħobb. Janice mietet bil-laptop mixgħul fuq is-sodda, bil-messaġġ tiegħi għadu jidher fuqu. Għalkemm ma laħqitx lestiet l-istorja kollha, qabel ħallietna hi laħqet kitbet dak li għaddiet minnu, kif kellha tħalli Malta u l-esperjenzi tagħha.

L-istorja Janice
Janice tibda r-rakkont tagħha hekk:

"ħallejt din il-gżira tagħna ħafna żmien ilu u qatt ma ħarist lura. Għext ħajja ta’ lussu u privileġġi iżda mhux dejjem kont xortija tajba. L-ewwel snin ta’ ħajti kienu karatterizzati minn traġedji. Jien tlift kemm lill-ġenituri tiegħi kif ukoll liż-żewġ ħuti subien, ftit żmien wara li bdew jindaqqu s-sireni biex juruna li ġejjin l-attakki mill-ajru. Tlifthom fi-x-xahar ta’ Ġunju qabel għabet ix-xemx. Kienet is-sena 1939 u jien kont għadni tifla żgħira.

"Minn dakinhar l-hawn jien spiċċajt ngħix mal-ġirien, li bdew jieħdu ħsiebi f’dawk iż-żminijiet diffiċli. Kienu jittrattawni tajjeb ħafna u jien kont ngħinhom fix-xogħol tad-dar mill-aħjar li nista’. Kull fil-għodu kont inqum ottimista, bit-tama li din kienet xi ħolma kerha. Maż-żmien irrealizzajt li dan ma kinitx ħolma, imma kont tlift lill-membri tal-familja kollha."

Janice tkompli tgħidilna li

"għext iż-żminjiet tat-tieni ġwerra dinjija. Meta spiċċat il-gwerra, kulħadd beda jipprova jibni ħajtu mill-ġdid. Kien fl-ewwel snin ta’ l-erbgħijnijiet meta jien iltqajt ma ma’ mara barranija. Kienet tilbes pulit ħafna u kellha wiċċha ħelu. Iltqajt magħha waqt li kienet qegħda tixtri l-ħobż. L-ewwel kliem li qaltli kienu ‘għandek dehra ta’ waħda li kont l-infern u erġajt lura". Jien irrispondejtha li "kollha spiċċajna hekk, imma issa qed nippruvaw ngħixu mill-ġdid." Qabel telqet tbissmitli u missitli wiċċi bi tmellisha ħelwa. Dak il-ħin ħassejt qalbi tħabbat b’mod differenti. Qatt ma ħabbtet hekk. Ħarist madwari u nnutajt li n-nisa l-oħra li kien hemm għand tal-ħobż baqgħu iħarsu iċċassati lejja, qisni għamilt xi ħaġa ħażina jew inqasthom. Jien kont għadi kif esperjenzajt l-aħjar mument mindu tlift lill-ġenituri tiegħi".

L-imħabba ma’ Zehuva

Janice tkompli tgħidilna li

"kull fil-għodu kont inmur bi ħġari għand tal-ħobż, bit-tama li nara lil din il-mara. Il-mara kien jisimha Zehuva. Hi dejjem kienet puntwali u maż-żmien bdejna ngħaddu ħafna ħin flimkien. Kienet semmietli kif kienet tilfet lill-ommha, meta huma ppruvaw jaħarbu mill-Ġermanja. Hekk kif kienu qegħdin jaħarbu mis-suldati, il-karozza tagħhom kienet il-mira ta’ diversi tiri mill-istess suldati. Ommha ntqatlet. Il-karozza kien qed isuqha z-ziju tagħha u hu rnexxielu jwassal il-karozza f’post il-bogħod mill-periklu. Difnu lil ommha u komplew bil-vjaġġ tagħhom. Id-destinazzjoni kienet il-Messiku. Fl-ewwel parti tal-vjaġġ huma marru l-Italja u wara ġew Malta. F’Malta kienu qegħdin jisennew l-ewwel opportunità, biex jitilqu minn hawn u jkomplu bil-vjaġġ. Meta kienu qegħdin jistennew li jkomplu bil-vjaġġ, iz-ziju tagħha irċieva l-aħbar li ħuh, jiġifieri missierha, kien għadu ħaj u kellu bżonn l-għajnuna. Iz-ziju mar Praga biex jgħinu u jingħaqdu flimkien. Sadanittant, Zehuva jew ‘Z’ kif jien kont ngħidilha, baqgħet f’Malta, tistenna lil zijuha jġib lill-missierha. Qatt ma semgħet f’zijuha u missierha aktar."

Janice tkompli tgħidilna li

"ir-relazzjoni tagħna kompliet tikber u fil-bidu tal-ħamsinijiet, jien kont bdejt ngħix ma’ Zehuva. Bl-għajnuna tal-qraba li kien għad fadlilha rnexxielha b’suċċess tiret, parti mill-ġid tal-familja tagħha u għalkemm dan ma ġabx lura il dawk li mietu, għenna biex infiqu flimkien minn dak kollu li għaddejna mingħajr ma jkollna nittalbu l-flus. Imma l-ġlidiet personali f’dan iż-żmien kienu għadhom se jibdew. Konna kuntenti ħafna flimkien, iżda kien qed jidher biċ-ċar li n-nies fil-komunità tagħna ma kinux kuntenti bir-relazzjoni tagħna. Bdiet issir pressjoni mentali fuqna u jien ma bdejtx niflaħ għaliha. Din laħqet il-quċċata meta l-familja li rabbietni fi żmien il-gwerra, kienu qaluli li ma kontx milqugħa aktar id-dar sakemm jien nibqa’ b’relazzjoni u kuntatt max-‘xitan’. Kontiwament kont niġġieled miegħi nnifsi biex nipprova nifhem kif il-familja li tant uriet ġenerożità miegħi meta mietu l-membri tal-familja tiegħi, spiċċaw jarawni daqshekk f’dawl ikrah. Dan kollu għax kont qed ninħabb ma’ mara oħra. Kien diffiċli li nifhem dan, għax jien irraġunajt li huma għandhom ikunu kuntenti li jien kont qed ngħix ma xi ħadd li kien qed jieħu ħsiebi."


Jaħarbu minn Malta
Janice tkompli tgħidilna li

"għexna f’din it-tensjoni għal ftit snin oħra. Kemm Zehuva kif ukoll jien, qbilna li biex ngħixu ħajja normali, kien ikun aħjar għalina li nibdew ngħixu f’kommunità li taċċetta li jkun hemm koppja ffurmata minn żewġ nisa. Ma kinitx deċiżjoni faċli. Ridna għalhekk bil-fors inħallu l-Malta. Konna eskużi mill-bqija tas-soċjetà f’Malta, għalkemm aħna konna kuntenti. Jien kont inħobb lill-pajjiżi, iżda jien ma kontx aċċettata. F’Għawdex qatt ma kont mort.

"Zehuva kienet akbar minni u hi kellha esperjenzi diretti ta’ xi tfisser persekuzzjoni. Hi kienet Lhudija u bħal ħafna Lhud oħra, hi kienet determinata li ma tkunx trattata bħala ċittadina tat-tieni klassi. Hi kienet assiguratni li koppji lesbjani jkunu aktar aċċettati fil-komunità fejn il-familja tagħha kienet tgħaddi s-Sajf. Zehuva għamlet l-arranġamenti kollha biex inmorru ngħixu f’waħda mir-residenzi li hi kienet wirtet fl-iSvizzera.

"Ftit xhur wara ħrabna minn Malta fuq il-jott ta’ kuġinuha. Ma stajtx nemmen li kienu ġew għalina fuq dgħajsa privata. U s-sorpriżi komplew. L-ewwel li morna kien f’Venezja. Hemmhekk ġejna milqugħin mill-kuġina tagħha Yitta u r-raġel tagħha Ismail. Venezja kienet qisha dinja ġdida għalija. Dan kien il-bidu ta’ xi ħaġa ġdida, imma d-dwejjaq bdew ġejjin ukoll. Bdejt inħoss in-nuqqas ta’ Malta. Bdejt kontinwament inġib il-memorji ta’ qraba tiegħi qegħdin imutu. Bdejt nistaqsi għalfejn kelli nitlaq minn pajjiżi.

"Għodwa waħda, dgħajsa żgħira ħaditna minn Venezja lejn post ieħor fejn hemm sibna karozza tistenniena u bdejt vjaġġ twil. Bqajt impressjonata meta dħalna fil-grada prinċipali li kienet tagħti lejn id-dar ġdida tiegħi. Bdejt nieħu l-idea ta’ kemm Zehuva kienet privileġġjata. Ridt tieħu l-isbaħ ħames minuti sewqan biex mill-grada prinċipali tasal fid-dar. Kienet dar stupenda u mill-isbaħ. Kienet qisha Berġa, minn dak li bnew f’Malta il-Kavallieri. Il-ġonna ta’ madwar kienu kkultivati. Kien hemm għadd ta’ ħaddiema, impjegati magħhom, li kienu qegħdin jistennewna. F’dan il-ħin bdejt nibki. Bdejt inħossni qisni prinċipessa. Bdejt ngħix f’dan l-ambjent ġdid u jien apprezzajt ħafna il-ħajja ġdida. Sirna attivi f’dik il-komunità lokali. Konna aċċettati ħafna minn nies u fi ftit żmien sirna l-qalb ta’ dik il-komunità Svizzera".


Ħajja ġdida

"Minn dan il-mument jien u Zehuva bdejna ngħixu ħajja mill-ġdid. Iddeċidejna li ngawdu l-ħajja mill-aħjar li nistgħu. Bdejna norganizzaw diversi parties u attivitajiet soċjali u meta bdiet tiżdied il-popolarità tal-vjaġġi bl-ajru, bdejna nivvjaġġaw u nesploraw id-dinja. Għaddew erbgħin sena u għalkemm konna akbar fl-età sirna aktar naħsbu b’moħħna. Jien kont inweġġa’ meta niftakar li kelli nitlaq minn pajjiżi. Għadni nitnikket sa’ llum b’dan."

Weġgħat ġodda

"Illum għandi weġgħat ġodda. Weġgħat li ma nistax naħrab minnu u li bil-mod il-mod qegħdin jherruni minn ġewwa. Zehuva mietet fl-1993. Jien waqajt f’dipressjoni u ngħalaqt fid-dar għal aktar minn sena. F’dan iż-żmien ma kontx noħroġ mid-dar. L-anġlu kustodju tiegħi kienet mietet. Ftit żmien wara kelli ninħareġ mid-dar, biex ħaduni l-isptar. Kont waqajt f’salt u f’moħħi kont qed naħseb li kien xi attakk tal-qalb. Ma kienx hekk. It-tobba qaluli li kelli Kanċer, u tawni ftit xhur biss ħajja. Dan daqq bħal allarm f’widnejja. Jien kont wegħdt lil Zehuva li meta tmut hi, jien xorta kont se nibqa’ ngħix ħajja kuntenta. B’dan il-ħsieb f’moħħi bdejt naħseb biex ngħix ħajja ġdida. Bdejt nerġgħa nagħmel il-kuntatti mal-ħbieb u nies fil-kommunità u ntfajt b’ruħi u ġismi ngħin lill-komunità. L-intenzjoni tiegħi kienet li fl-aħħar ftit jiem inkompli ngawdi ħajti u ngħin".

Ftit xhur ħajja spiċċaw snin
Janice tkompli tgħidilna

"li l-ftit xhur ħajja spiċċaw kienu snin. Għaddew għaxar snin minn mindu qaluli li kelli ftit xhur ħajja. Jien kont spiċċajt ngħin lil-omosesswali jaħarbu minn reġimi ta’ dittaturi fl-Afrika u fil-Lvant Nofsani. M’iniex se nispeċifika fuq każijiet partikolari, iżda rrid ngħid li dawn l-attivitajiet u azzjonijiet kienu tawni l-ispirtu mill-ġdid. Kont inħossni kburija b’dak li kont qed nagħmel. Il-fatt li kont qed ngħin persuni bi problema jew persekuzzjoni kienet qiegħda ttini sodisfazzjon kbir. Inħoss li l-ħarsa fuq l-uċuħ tiswa ħafna aktar mid-deheb tad-dinja. Dawn kienu nies li anki fid-dinja ta’ llum, fl-istess pajjiżi dittatorjali qegħdin jiġu ppersegwitati u maqtula. Dawn il-persuni huma aħna, l-omosesswali. Aħna il-Lhud il-ġodda. Jekk taħseb li hi esaġerata erġa’ aħseb mill-ġdid. L-Iran pereżempju jagħmel spettakli pubbliċi minn nies bħalna billi jgħallaqhom fil-pubbliku. Fin-Niġerja, jpoġġu tyres tal-karozzi madwar għonq persuni omosesswali, jimlewhom bil-fjuwil u jtuhom in-nar. Jien smajt il-krib u l-weġgħat tagħhom. Smajna b’każijiet fejn rabtuhom ma trakkijiet u kaxkrhom. Dawn kienu l-istess tweżiqiet li l-ħbieb Lhud tiegħi semmewli. F’Malta qatt ma kien hemm dan l-istat. Minkejja l-istatus ċivilizzat ta’Malta, pajjiżkom qiegħed jittraskura l-bżonnijiet tal-persuni omosesswali. M’hemm riżorsi biżżejjed għall-familji omosesswali. Is-suwiċidji fost persuni ‘gay’ ftit li xejn jingħata kashom. Dawk li qegħdin jeżiljaw ruħhom minn pajjiżkom ukoll qegħdin jiġu injorati. Il-politiċi f’Malta m’għandhom il-kuraġġ li jieħdu pożizzjoni biex jgħinu l-kommunità omosesswali. Tlaqt minn pajjiżi aktar minn nofs seklu ilu. Riċentament jien sirt attiva ma’ attivisti Maltin biex dawn jieħdu d-drittijiet tagħhom bħala persuni omosesswali oħra fl-Unjoni Ewropea".


Il-kummenti ta’ Janice jieqfu hawn. Dan hu dak li laħqet kitbet, qabel ħallietna. Dawn instabu fuq il-laptop tagħha, li kien għadu mixgħul, bl-imejl tagħna fuq l-istess laptop.

3 comments:

  1. Kuntent li l-istorja ta' Janice ma ntilfitx mal-mewt taghħa.

    Għandna ċans nitghallmu mil-ħajja tagħha.

    ReplyDelete
  2. xi gmiel ta storja ...jalla il bambin itieha il gloria tral genna

    ReplyDelete
  3. xi gmiel ta storja vera din l mara kienet determinata u kuragguza u vera bl istorja taghha xtaqet tghin u taghti ezempju lill haddiehor j alla il bambin itiha l glorja tal genna mal mara li tant kienet thobb u issa igawdu il xulxin ghal dejjem

    ReplyDelete