Monday, 6 September 2010

It-Torċa: Il-Pulizija tal-morali, mhux fl-Iran biss!

http://www.it-torca.com/news.asp?newsitemid=10209
5.9.10 minn Maria Borg Vella

Il-maġġoranza tagħna rridu nammettu li xi darba għedna jew dħakna ma’ xi ċajta dwar il-omosesswali. Forsi għax konna naħsbu li l-omosesswali mhumiex normali (nispera li m’għadkomx) jew għax niddejqu nsikktu lil min jiċċajta goff dwar din il-komunità. Inzertajt preżenti fejn ċajt fuq l-omosesswali ntqal quddiem it-tfal. Hija ironika kif il-familji Maltin jgħallmu lit-tfal iħobbu l-proxxmu imma fl-istess ħin jitkellmu b’dan il-mod quddiemhom.

Meta jien u r-raġel ngħaddu mit-toroq tar-raħal inżommu idejn xulxin, spiss niltaqgħu ma’ qraba u ħbieb li jidħkulna u jgħidulna li qisna għadna miżżewġin friski. Jiggustawna nsomma.

X’nagħmlu aħna meta naraw koppja omosesswali jżommu idejn xulxin? Jew jitbewsu? Nitfixklu? Niġbdu lit-tfal biex ma jħarsux? Niddarsu? Ngħidu jaqq? Ma niddejqu xejn u nkomplu għaddejjin?

Il-koppji omosesswali fil-pubbliku

Fi stħarriġ ikkummissjonat mill-MGRM (Malta Gay Rights Movement), jirriżulta li l-Maltin ikollhom reazzjoni negattiva ħafna, saħansitra vjolenti. Ħafna persuni lesbjani u omosesswali kellhom esperjenzi xejn sbieħ meta ħarġu flimkien mas-sieħeb jew sieħba tagħhom bħala koppja. Persuna lesbjana rrakkuntat kif “f’Paceville gruppi ta’ rġiel kienu jiġu ħdejja u s-sieħba tiegħi jinkuna u jippruvaw jikkonvinċuna biex nippruvaw noħorġu ma’ raġel. Dan ġara aktar minn darba. L-istess jiġri fejn il-baħar.”

Raġel omosesswali rrakkonta kif “raġel kien għaddej bil-kelb. Rana u beda jgħajjarna u jgħid li jmisshom jaħarquna kollha. Meta weġibtu, resaq lejn il-karozza u ta daqqa fuq il-bonnet. Bdejt nibża’ noħroġ, speċjalment fl-istess post. Kelli mmur għall-counselling għax kelli ħolm ikrah wara din l-esperjenza, u dejjem naħseb li kieku ma konniex f’post pubbliku kien jagħmel agħar.”

Mara bisesswali ta’ bejn it-18 u l-25 sena qalet li “…jien u s-sieħba tiegħi nippruvaw ma nżommux idejn xulxin aktar fil-pubbliku – u jekk nagħmlu hekk nitilquhom jekk naraw lil xi ħadd qed iħares lejna… inkunu nervużi ħafna f’postijiet pubbliċi. Nibżgħu li jiġi xi ħadd warajna bħalma ġralna l-Imdina... raġel baqa’ jiġri warajna, u tant ippruvajna neħilsu minnu li spiċċajna ntlifna fit-toroq dojoq, u peress li laħaq dalam ma kienet esperjenza xejn sabiħa.”

... ir-risposta tal-komunità omosesswali

Tkellmet Paola Concia dwar din il-problema, deputata Taljana mal-Partit Demokratiku, li qiegħda tippjana ġurnata fejn koppji omosesswali joħorġu jitbewsu fil-pubbliku. Concia diġà organizzat attività bħal din, ‘Many Kisses Against Intolerance’, fejn madwar mitt koppja tbewsu fuq xtajta fl-Italja. Concia tgħid li din hija r-risposta tal-komunità omosesswali għall-fatt li f’ħafna bliet u rħula l-awtoritajiet lokali u anke l-pulizija qalu lil persuni omosesswali u lesbjani li ma jistgħux jitbewsu fit-triq.

Il-liġi u l-omosesswalità fil-pubbliku

F’Malta s-sitwazzjoni tidher li hija konfuża, b’mod partikolari bil-mod kif jaġixxu l-pulizija. It-TORĊA kellha rapporti minn persuni omosesswali u lesbjani li kienu avviċinati mill-pulizija biex jieqfu jitbewsu jew imorru f’postijiet fejn ma jagħtux fil-għajn. It-Torċa investigat ma’ diversi għases dwar dan il-fatt billi staqsiet x’pożizzjoni jieħdu f’każ ta’ rapport ta’ persuni omosesswali li jkunu qegħdin jitbewsu fil-pubbliku.

Fl-għassa ta’ Ħal Qormi l-uffiċjal li wieġeb it-telefonata qalilna li meta jkun hemm rapport bħal dan, huma jmorru fuq il-post minnufih. Emfasizza li r-rapport għandu jsir mill-ewwel biex il-koppja jinqabdu fuq il-post.

Mill-għassa tal-Belt Valletta, qalulna li normalment ma jidħlux f’każi bħal dawn. Biss f’każ ta’ rapport ta’ omosesswali jitbewsu f’post fejn ikun hemm it-tfal il-pulizija qalulna li jmorru fuq il-post u jippruvaw ikellmuhom biex jieqfu jew imorru x’imkien ieħor. Komplew li din mhix ħaġa faċli minħabba kwistonijiet ta’ drittijiet umani.

Mill-għassa taż-Żejtun, l-uffiċjal qalilna li f’każ ta’ mara u raġel jitbewsu l-pulizija ma tidħolx u għalhekk jaħseb li lanqas f’każ ta’ koppja omosesswali m’għandhom jidħlu. Biss qalilna li fejn jidħlu l-koppji omosesswali qiegħed f’diffikultà għax jifhem li l-bews kemm għall-omosesswali kif ukoll għall-koppji eterosesswali huwa parti mill-ħajja. Emfasizza li f’każ ta’ rapport fuq omosesswali ma jafx x’jaqbad jagħmel. Qalilna li l-aħjar isir rapport uffiċjali lill-pulizija biex jaraw x’jiġri f’sitwazzjonijiet bħal dawn.

Mill-għassa ta’ San Pawl il-Baħar qalulna li jippruvaw ikel-lmuhom bil-kelma t-tajba biex iwarrbu minn postijiet pubbliċi.

Jidher għalhekk li l-pulizija m’għandhiex regoli speċifiċi dwar kif timxi meta jidħol rapport fuq koppji omosesswali. Jidher li l-pulizija m’għandhom l-ebda dubju x’jagħmlu f’każ ta’ koppja eterosesswali, għax fi kliem l-istess pulizija, ħadd ma jċempel jirraporta lil dawn jitbewsu. Fil-każ ta’ koppji omosesswali jidher li hija differenti għax diversi għases ikunu lesti li joħorġu jkellmu lil dawn il-koppji u jintervjenu biex iċaqilquhom minn fuq il-post. Għaldaqstant, jidher li l-pulizija għandhom bżonn taħriġ u linji gwida dwar din il-materja biex tonqos il-konfużjoni u d-diskriminazzjoni fil-konfront tal-persuni ‘gay’.

L-għoti tad-demm

Sa ftit ilu l-Bank tad-Demm ma kienx jaċċetta donazzjoni ta’ demm mingħand persuni lesbjani, omosesswali u bisesswali. Inġibdet l-attenzjoni dwar dan il-fatt u minn dakinhar donaturi lesbjani bdew ikunu aċċettati. Madankollu rġiel omosesswali u bisesswali għadhom ma jistgħux jagħtu demm. Din hija deċiżjoni diskriminatorja għall-fatt li qegħdin jassumu li rġiel omosesswali u bisesswali jkollhom relazzjonijiet sesswali frekwenti u mingħajr prekawzjoni.

Il-Bank tad-Demm donnu qed jinsa li ħafna persuni eterosesswali wkoll jista’ jkollhom ħajja sesswali li tpoġġi fil-periklu s-saħħa sesswali tagħhom. Għalhekk għandha ssir kampanja biex id-donaturi tad-demm ikunu responsabbli, huma ta’ liema orjentazzjoni huma. Issir ukoll kampanja biex min iwieġeb kwestjonarju f’dan ir-rigward qabel jagħti d-demm ikun sinċier kemm jista’ jkun u b’hekk jevita li jpoġġi l-ħajja ta’ ħaddieħor fil-periklu.

Raġel omosesswali li kien ikkwotat fl-istħarriġ tal-MGRM saħaq li kien jagħmel donazzjoni ta’ demm fl-imgħoddi. “Meta sibt il-kuraġġ li ngħid min jien, il-Bank tad-Demm għalaqli l-bibien għax jien omosesswali. Sal-lum il-ġurnata ismi għadu ‘blacklisted’ mal-Bank tad-Demm u nkun ferħan ħafna jekk dan jinbidel.”

Poloz tas-sigurtà fuq il-ħajja

Sorprendenti l-fatt kif irġiel omosesswali ntalbu aktar flus fuq polza tas-sigurtà tal-ħajja minkejja li l-eżami mediku wera li kienu b’saħħithom. Raġel omosesswali jirrakkonta:

“Ħadt polza tas-sigurtà fuq il-ħajja minħabba dejn fuq id-dar. Intlabt €200 u ħallast mill-ewwel. Qabel ħadt il-polza kont mibgħut għand it-tabib għat-testijiet mediċi u dan staqsieni għal aktar minn darba jekk iniex omosesswali. Jien weġibt fin-negattiv għax ħassejt li ma kienx hemm raġuni għaliex għandu jistaqsi. It-testijiet kienu kollha tajbin.

“Madwar sitt ġimgħat wara, meta kelli niffirma l-kuntratt biex nixtri d-dar, irċevejt telefonata biex tinfurmani li kont għadni ma ħallastx il-polza. Sibt l-irċevuta ta’ €200 li ħallast u wrejthielhom. Meta talbuni €350 oħra, staqsejt ir-raġuni u ħadd ma weġibni. Ma kienx hemm triq oħra ħlief li nħallas din is-somma minħabba li kelli niffirma l-kuntratt dakinhar stess. Meta staqsejt lil xi persuni li kont naf, qaluli li dawk li huma omosesswali jew ikunu susspettati tali, jintalbu jħallsu aktar.”

L-istituzzjonijiet reliġjużi u persuni LGBT

Fl-istħarriġ tal-MGRM, 20% ta’ dawk li qalu li huma jew xi darba kienu Kattoliċi komplew li issa ma tantx għadhom prat-tikanti minħabba l-attitudni tal-Knisja lejn persuni LGB.

Ftit aktar minn nofs qalu li ilhom sentejn ma jkollhom kuntatt dirett ma’ rappreżentant tal-istituzzjonijiet reliġjużi li jattendu u dejjem ħbew l-orjentazzjoni sesswali. Minn dawk li qalu li fetħu qalbhom, 45.5% ħassewhom diskriminati.

Persuna lesbjana u oħra bisesswali qalu li l-qassis irrifjuta li jagħtihom l-assuluzzjoni. Raġel omosesswali ta’ bejn it-18 u l-25 sena ma tħalliex jitqarben quddiem knisja sħiħa fejn wara sar jaf li dan ġara għax hu omosesswali. Raġel ieħor omosesswali jistqarr li l-arċipriet qallu li sejjer l-infern għax hu omosesswali.

Interessanti kien kumment ta’ persuna lesbjana fl-istess stħarriġ li qalet: “Matul laqgħa uffiċjali mal-Arċisqof, persuna qrib tiegħu ħafna baqa’ jinsisti li r-relazzjoni mas-sieħba tiegħi mhix ġejja minn affettività ġenwina u jekk l-Istat jagħtina d-dritt li ngħixu bħala koppja bid-drittijiet u l-obbligi kollha, il-Knisja toġġezzjona għax dan ikun ifisser li l-Istat jafna bħala koppja u wieħed mid-drittijiet ikun żwieġ.”

Fuq il-post tax-xogħol

Minkejja li d-diskrimi-nazzjoni fuq il-post tax-xogħol minħabba orjentazzjoni ses-swali ma tistax issir skont il-liġi Maltija, 13.4% kienu diskriminati fuq il-post tax-xogħol.

Persuna lesbjana li kie-net taħdem f’restorant irrakkuntat kif klijenti kienu jirrufjutaw li jidħlu minħabba li hi kienet taħdem hemm.

Waqt li l-kuntratt ta’ mara lesbjana oħra ma kienx imġedded biex ikun “evitat l-inkwiet”. Bħalha kien hemm erba’ impjegati oħra li kollha nzertaw omosesswali jew lesbjani! Mara transesswali ngħatat xogħol fil-kostruz-zjoni għax għall-ETC baqgħet raġel!

… u aktar fatti

Skont dan ir-rapport 53.3% ta’ dawk li rrispondew għall-istħarriġ ta’ MGRM u li huma taħt it-18-il sena sofrew abbuż psikoloġiku minn sħabhom tal-iskola minn tal-anqas tliet darbiet.

8% qalu li kienu vittmi ta’ vjolenza fiżika, 34% sofrew abbuż psikoloġiku, 11.3% ingħataw fastidju f’istituzzjoni edukattiva, 5.6% kienu rifjutati impjieg, 1.8% kienu rifjutati promozzjoni, 10% sabu problemi biex jikru jew jixtru proprjetà meta ma ħbewx l-orjentazzjoni sesswali, 45.5% ħassew li kienu diskriminati minn organizzazzjoni ta’ fidi, u 74% qalu li jekk jistgħu jemigraw. Tagħtihom tort?

4 comments:

  1. naqbel ma dan kollu li ntqal. jien bhala persuni gay ma nhosniex iddiskriminat kemm fuq il post tax xol u kem skola ax dak li nghid huwa umli u mhux se noqod ninheba wara subaja alura ma min nitkelem kwazi bidiltilom lopinjoni taghhom dwar il gays u jahsbu fuq il pozittiv issa. izda affarijiet min taht xorta jsiru u diskriminazjoni xorta tezisti. ahna nies normali bhal kulhad, ma fiha xejn hazin billi natira ruhi lejn lirgiel. kas li kelli fuq il post tax xol kinet li mort nicajta mal kap tieghi u ghidtila ax qed nahsiba li naqleb trans u hi wigbitni bla cajt kiku ma tibqax tahdem mana. alija din hija diskriminazjoni ikbar. din linjoranza trid tinqata! il gays min dejjem ezistew izda qatt ma kinu jikxfu lilom infusom, id drittijiet socjali tal llum il gurnata ippermettew li il gays johorgu iktar fil berah mela society have to get used to it now!

    ReplyDelete
  2. How about the gay politicians, priests, policemen, soldiers, lawyers, doctors, bankers and without forgetting the gay builders, carpenters, mechanics etc etc ? The work and service they give is not the same? We are human beings like your son/daughter, sister/brother, niece/nephew, and like you. How do I harm you if I love and other human being of the same sex? What changes in your life? What do I do wrong for this society? Why do you keep hurting me? Why do you keep discriminating me? Why all this hate?

    ReplyDelete
  3. This is shocking! well done to those who thought about doing the police 'test'. I wouldn't have imagined such reactions which show discrimination up to this level. Maybe we should think about organising a gay (and others...) kiss-in in Valletta on Human rights day - 10th dec - even though it might be very difficult to find the crowd.

    ReplyDelete
  4. naqbel ma dak kollu li intqal. Ghandi rispett kbir lejl hbiebi il gays, u lejn dawk kolla li jridu jghixu hajitom kif jixtiequ huma. Jien mara seperata u emini li kultant insib listess difikulta taghkom, dan kollox ghax miniex bhal lohrajn. Din is socjeta, f Malta trid tinbidel. Hawn biss insibu dawn il hmerijiet, hawn biss jigudikaw kollox bdiskriminazjoni. Qisna ghadna nghixu fin 1900. Dawn in nies li ghandom din i, mibeda kolla, jipuntaw subajom huma listess nies li imoru jitqarbnu kuljum u jghidu li jisimaw il kelma ta Alla. Inbidlu nies, kunu ghafu li kulhadd ghandu qalb, kulhadd ihoss, kulhadd jixtieq limhabba u ir rispet, u kulhadd irid cans.

    ReplyDelete