Tuesday, 8 February 2011

It-Torċa: [2010] Sena ħelwa għall-gays madwar id-dinja... morra f'Malta

Iż-żwieġ gay jiddaħħal fl-Iżlanda, il-Portugall, l-Arġentina, il-bliet ta' Messiku u Kalifornja. Id-dritt ta' Partnership jiddaħħal fl-Irlanda.
6.2.2011 minn Dr Inġ. Patrick Attard

IS-SENA 2010 kienet importanti ħafna għall-Komunità Liżbjana, Gay, Bisesswali u Transesswali (LGBT) madwar id-dinja. Iż-żwieġ gay kien introdott fl-Iżlanda, il-Portugal, l-Arġentina, il-Belt ta' Messiku u Kalifornja. 'Partnership' bejn koppji tal-istess sess kien introdott fl-Irlanda.

Il-Portugall daħħal iż-żwieġ minkejja li l-Papa qal li dan hu theddida insidjuża u perikoluża għall-ġid komuni. Fl-Arġentina, il-Kardinal Bergoglio qal li ż-żwieġ bejn koppji gay hu x-xogħol tax-xitan u organizza protesti kbar b'aktar minn 80,000 ruħ fit-toroq tal-Kapitali Buenos Aires. Il-Knisja Kattolika ppruvat kull gambetta possibbli biex dan iż-żwieġ ma jidħolx u ngħaqdet saħansitra mal-Musulmani. Is-Sindku tal-Belt tal-Messiku għamel libell kontra l-isqof tal-Belt wara li qal li ż-żwieġ daħal wara li xxaħħmu l-Imħallfin biex tidħol il-liġi.

F'Kuba, Fidel Castro ħa responsabbiltà tal-persekuzzjoni ta' nies gay taħt ir-reġim tiegħu.

F'Malawi, koppja ta' rġiel gay ingħataw 14-il sena ħabs wara li għamlu ċelebrazzjoni simbolika ta' żwieġ. Huma nħelsu wara maħfra presidenzjali. Kien hemm pressjoni mill-Ġnus Magħquda li sejħu din is-sentenza bħala preċedent perikoluż.

Ħafna nies kienu msawta u arrestati wara li l-Pulizija waqqfet Gay Pride fil-Belarus.

Attivisti Gay ġo Moska kienu arrestati minn Pulizija Russa. Dawn l-attivisti kienu qed jipprotestaw fuq l-imġieba tas-Sindku li wera ħafna mibgħeda lejn l-omosesswali. Il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem ordnat kumpens lil dawn l-attivisti.

Il-Parlament Ewropew irid li l-pajjiżi fl-Unjoni Ewropea jirrikonoxxu relazzjonijiet bejn persuni tal-istess sess. Wara dan il-vot il-Kummisjoni Ewropea se tkompli taħdem fuq ir-rikonoxximent ta' partnerships jew żwiġijiet f'pajjiżi differenti għad-drittijiet ta' koppji tal-istess sess fl-Unjoni Ewropea.

Il-President tal-Istati Uniti, Barack Obama ħa sehem fil-kampanja 'It Gets Better' kontra s-suwiċidiji ta' persuni gay. Il-kampanja kienet organizzata wara s-suwiċidju ta' Tyler Clementi, student tal-mużika. Il-President Obama ukoll temm il-Policy Don't Ask Don't Tell fl-armata fejn persuni gay li ma ħbewx l-orjentazzjoni sesswali tagħhom m'għandhomx għalfejn jibżgħu li se jitkeċċew mill-armata.

Il-Knisja Kattolika kkawżat rabja kbira bl-iskandlu tal-abbuż sesswali fuq it-tfal. Il-Kardinal Bertone (In-numru tnejn tal-Papa) ddikjara li l-omosesswalità hi il-kawża tal-abbużi u ddefenda ċ-ċelibat. Il-kumment ħoloq rabja fost gruppi tad-drittijiet tal-persuni gay li qalu li l-iskandlu tal-abbuż sesswali minn membri tal-kleru mhux problema omosesswali.

Franza ikkundannat lill-Vatikan li pprova jitfa l-ħtija fuq il-qassisin gay. Wara, il-Kardinali Herranz u Sodano ddikjaraw li hawn kampanja ta' mibgħeda kontra l-Knisja Kattolika. Iżda l-Knisja Kattolika tal-Ingilterra u Wales qalet li ma taqbilx mal-kummenti tal-Kardinal Bertone. Father Marcus Stock qal li m'hemm l-ebda informazzjoni empirika li tgħaqqad l-omosesswalità mal-pedofelija. Il-Vatikan wara tbiegħed mill-kummenti ta' Bertone.

F' Malta Fr. Renè Camilleri f'intervista f'April qal li ma jaħsibx li l-omosesswalità hi l-problema. Id-deputat Helena Dalli kellha kliem iebes lejn il-Kardinal Bertone u qalet li l-Knisja tmur pass 'il quddiem u pass lura.

Il-Papa Benedittu XVI żar Malta u r-Renju Unit, fejn kien hemm protesti kontrih u fi Spanja ntlaqa' b' koppji gay jitbewsu fit-toroq li għadda minnhom. Is-sena spiċċat tajjeb għall-Papa li ammetta fil-Ktieb "Light of the World" li l-kondom jista' jintuża biex ikun evitat il-virus tal-AIDS. Qabel kien qajjem rabja fi triqtu lejn il-Kamerun fl-2009, meta kien qal li l-kondom ixerred il-virus.

U bil-ħaqq, Ricky Martin qalilna li hu gay u Elton John sar missier.

...morra f'Malta

Is-sena 2010 ma kienet tajba xejn għall-komunità LGBT Maltija.

Ftit ġranet ilu sirna nafu li mill-inqas 8 mil-31 suwiċidji li saru matul is-sena li għaddiet kienu minn persuni gay. Din hi figura tal-biżà meta tqis li 25% tas-suwiċidji saru minn 5% tal-popolazzjoni. Din hi figura allarmanti mmens u filwaqt li għandna nipproteġu l-privatezza tal-familja nvoluta ma jfissirx li m'għandna nagħmlu xejn. Wara kull mewta hemm familja mkissra u ma rridux ninsew li għal kull mewta hemm ħafna oħrajn li qegħdin ibatu iżda ma jaslux sa din l-estremità.

Intant, f'Jannar attivisti Gay oġġezzjonaw għall-kummenti tal-President George Abela meta kien qiegħed jagħti definizzjoni tal-familja.

Fi Frar, il-Mexxej tal-Partit Laburista (PL) Joseph Muscat qal li m'hemmx post għal nies li jobgħodu lill-gays fil-moviment ġdid tal-Labour. Hu qal ukoll li jrid Stat Sekulari bi ħbiberija mal-Knisja Kattolika.

Ktieb storiku

F'Marzu ħareġ ktieb fuq l-istorja Maltija rigward l-omosesswalità. 'Queer Mediterranean Memories' miktub mill-avukat Joseph Carmel Chetcuti ħoloq kontroversja għax fost ħafna affarijiet kien hemm li San Ġorġ Preca kien gay. Dan il-ktieb kien ikkundanndat mill-isqfijiet Maltin. Din il-kundanna kienet mogħtija prominenza fil-gazzetta 'IL-MUMENT' li s-soltu kważi qatt ma tikteb aħbarijiet fuq il-komunità gay.

Rapport fuq il-BBC dwar il-militari fl-Ewropa qal li nies gay ma jistgħux iservu apertament f'Malta. Dan kien miċħud mill-Forzi Armati ta' Malta li qalet li ma tagħmel l-ebda diskriminizazzjoni kontra nies gay u għandha attitudni "Live and Let Live" (Għix u ħalli lil min jgħix).

Karl Gouder (PN) kien elett fil-Parlament bħala l-ewwel deputat apertament gay. Sa issa jidher li ma għamel xejn għall-komunità gay.

Id-deputat Laburista Adrian Vassallo qal li jippreferi joqgħod fl-Iran. Forsi għandu jistaqsi lil Ebrahim Hamidi li kien se jiġi mgħallaq għax kien omosesswali.

Cyrus Engerer, kunsillier Nazzjonalista li ddikjara li hu gay qal li jaħsibha jibdilx għall-Partit Laburista jekk dan jirrikonoxxi żwieġ bejn koppji tal-istess sess. Il-Mexxej tal-Partit Laburista reġa' kkonferma li lest li joffri Partnership mingħajr adozzjoni. Cyrus Engerer qajjem kontroversja meta bies lill-partner tiegħu waqt il-gay pride u kumbinazzjoni deher fuq il-kamera tat-televiżjoni. Il-kunsilliera Sandra Camilleri qalet li Engerer kellu jitkeċċa mill-Parit Nazzjonalista talli wera l-attitudni tiegħu.

B'turija ta' rispett, lejn il-komunità Gay f'Malta, il-British High Commission tellgħet il-bandiera tal-qawsalla waqt il-ġimgħa tal-Gay Pride.

Ġo l-istat ta' Victoria, Awstralja, id-deputat sindku ta' Hobson Bay, Tony Briffa li twielet b'kundizzjoni Intersex iddikjara l-ġeneru tiegħu u qal li dejjem kellu jiġġieled biex isib lilu innifsu. Qal li ma kinetx fuq jekk isirx raġel iżda li kellu jsib lilu innifsu u mhux kif interferew it-tobba.

Reliġjon u Pulizija

F'mument rari ta' għaqda, il-mexxejja Musulmani u Kattoliċi Maltin ingħaqdu kontra ż-żwieġ gay. Il-qbil waqaf meta bdew jitkellmu fuq id-divorzju. Umanisti u attivisti gay iddeploraw dawn il-kummenti.

F'artiklu fit-TORĊA, Maria Borg Vella sabet li ma tistax tbus lill-partner tiegħek gay fil-pubbliku f' Ħal Qormi għax il-Pulizija jiġu għalik dak il-ħin stess iżda mhux daqshekk ħażin il-Belt, San Pawl il-Baħar u ż-Żejtun.

Parlament

Id-deputat Nazzjonalista Jeffrey Pullicino Orlando ppreżenta abozz ta' liġi għall-introduzzjoni tad-divorzju. F'Awwissu Mons. Gouder kien ikkwotat jgħid li dawk li jivvutaw favur id-divorzju ikunu qed jagħmlu dnub u dan qajjem reazzjoni qawwija.

Iktar 'il quddiem Jeffrey Pullicino Orlando ppreżenta abbozz ta' liġi mad-deputat Laburista Evarist Bartolo. Bartolo ukoll ippreżenta abozz ta' liġi li jipproteġi lil nies transesswali.

Id-Deputat Laburista Owen Bonnici staqsa lil Ministru tar-Riżorsi il-Perit George Pullicino jekk jiddiskriminax fuq bażi ta' orjentazzjoni sesswali meta jimpjega nies fis-segretarjat privat tiegħu. Ir-risposta kienet Le.

Evarist Bartolo staqsa lill-Ministru tal-Ġustizzja meta Malta se tagħti drittijiet lil koppji tal-istess sess u semma l-Irlanda bħala eżempju fejn il-Partnership ċivili kien għadu kif ġie introdott. Il-Ministru qal li dak li jiġri f'pajjiżi oħra m'għandux effett fuq Malta.

Bil-ħaqq, il-Prim Ministru wiegħed f'Mejju li għadda li sa l-aħħar tal-2010 kienet se tkun introdotta l-Liġi tal-Koabitazzjoni. S'issa lanqas l-abbozz ta' liġi ma kien ippreżentat.

Qorti Konstituzzjonali

Joanne Cassar, mara li twieldet b'organi sesswali ta' raġel u li għamlet l-operazzjonijiet meħtieġa biex il-ġisem tagħha jkun konformi ma' l-identità tagħha kienet għamlet l-aħbarijiet meta rebħet id-dritt li jinbidel iċ-ċertifikat ta-twelid u l-Karta ta' l-Identità. Madanakollu hi kienet imwaqqfa milli tiżżewweġ.

Rebħet id-dritt li tiżżewweġ f'Diċembru iżda l-Avukat Ġenerali appella, u l-appell se jinstema' l-14 ta' Frar, jum il-maħbubin!

L-Avukat Ġenerali fl-Appell tiegħu qal li jekk nagħtu d-dritt lil Joanne biex tiżżewweġ, ikunu jridu jiżżewġu ukoll l-gays u dan imur kontra l-Ordni Pubblika Maltija.

Intant, il-politika fuq is-saħħa sesswali kient ippreżentata wara għaxar snin, iżda l-kontenut kien muri lill-Kurja li naqqset s-sustanza.

Min-naħa l-oħra l-Ministru ta' l-Edukazzjoni, Dolores Cristina qalet li l-Kumissjoni għall-Promozzjoni tal-Ugwaljanza (NCPE) għandha tinkludi l-orjentazzjoni sesswali fil-kompetenza tagħha. Dan hu l-uniku sinjal pożittiv tal-Gvern Nazzjonalista fl-2010. Insomma, din m'għandha tissorprendi lil ħadd jekk il-Gvern Nazzjonalista jara l-omosesswalità bħala realtà ġdida skont il-kunsillier tax-Xagħra, Għawdex, Kevin Cutajar. Bil-ħaqq, issa l-Gvern jinteressah x'nagħmlu fil-kamra tas-sodda.

Il-Malta Gay Rights Movement stqarret li hemm diskriminazzjoni kbira kontra l-komunità LGBT fl-isferi kollha. Il-każ ta' raġel li kellu jagħżel bejn il-ġenituri anzjani u l-partner barrani hu l-aktar wieħed tal-biki. Dan il-każ kien żvelat minn Victor Vella fit-TORĊA f'Mejju li għadda. Il-kumpassjoni Maltija marret il-baħar.

Kif tista' ma ċċempilx!

Nota: Dan it-tagħrif inġabar mill-Inġinier u attivist gay Patrick Attard. Tista' taqra l-artikli li fuqhom ibbażat ir-Round-Up 2010 hawn: http://patrickattard.blogspot.com

No comments:

Post a Comment