[Artiklu ppubblikat fil-magazine MUŻAJK li jitqassam b'xejn mal-gurnal 'It-Torċa'.]
20.2.2011 minn Natasha Turner
* L-ismijiet huma kollha fittizji
Charlo jaqsam magħna t-trawmiet li għadda minnhom għax ma setax juri lil ta’ madwaru li hu omosesswali.
Iżżewweġ ta’ 24 sena wara sitt snin għerusija. It-tfajla li kellu, li wara saret martu, kien iħobbha biss bħala ħabiba kbira għax qatt ma seta’ jħoss ġibdiet sesswali jew xi tip ta’ passjoni lejha. Minkejja dan, għalih kienet l-unika mara li kien iħossu komdu magħha. Aħna u nitkellmu jien u hu, bid-dmugħ f’għajnejh stqarr, li qatt ma kellu f’moħħu li ried b’xi mod jużaha jew iweġġagħha, u l-akbar żball li għamel f’ħajtu kien li aċċetta l-identità tiegħu tard wisq, għax id-danni kienu diġà saru!
“Qatt ma sibt il-kuraġġ nammetti miegħi nnifsi jew mal-oħrajn”
‘’Minn meta kelli 15-il sena, bdejt ninduna li l-ġibda tiegħi kienet iktar lejn is-sess maskili. Kont ninkwieta u kont imħawwad ħafna. L-agħar mumenti kienu jiġuni qabel ma norqod, meta kont inkun waħdi u min jaf kemm kissirt moħħi ninkwieta kontx qed nimrad mentalment, jew kellix xi kastig minn Alla, jew kif kont smajt, kienx sempliċiment parti mill-proċess tal-iżvilupp. Ma stajt nitkellem ma’ ħadd. Għalkemm kieku kelli nafda lil xi ħadd kienet tkun ommi, il-ħsieb biss li ngħidilha x’kont inħoss kien ibeżżagħni għax ta’ spiss kont newhden waħdi: ‘Imma kieku kelli ngħidilha x’qed inħoss, kif se teħodha? Kif se tibda tħares lejja? X’se jinbidel?’
“Ħbieb kelli kemm ridt…”
“Qatt ma sibt il-kuraġġ li naffaċċjaha, la lilha u lanqas lil ħadd. Il-ħbieb kont naħseb li ma kinux se jifhmuni u jispiċċaw iwarrbuni. Ħbieb dejjem kelli kemm ridt u dejjem ħarsu lejja bħala ‘normali’, pjuttost kienu jammirawni kemm fil-mod kif nidher, nilbes u kif naġixxi, tant li kienu jfittxuni anke għal xi parir.
“Ma’ tfajliet ħriġt. Niftakar kont infittex dejjem il-perfezzjoni f’għajnejja. Għal sħabi, jien kont noħroġ mas-sbieħ biss, u jien kont inħossni tajjeb magħhom. Kont ukoll nurihom rispett kbir u nqatta’ bosta ħin magħhom. Kont inħobbhom, iżda qatt ma fittixthom jew ħarist lejhom b’mod sesswali. Kont inħossni differenti ħafna meta kont nisma’ lil sħabi jitkellmu dwar in-nisa. Jien qatt ma stajt naqsam dak l-entużjażmu u l-eċċitament li kienu jħossu huma għalkemm ippruvajt kemm-il darba nipprova nħossu jien ukoll. Minkejja dan, xorta bqajt niċħad il-veru ġibdiet li kelli u bqajt noħroġ mat-tfajliet biex inkun bħal sħabi u ma ninkwetax lil ommi!”
“Ħassejtni li kont twelidt mill-ġdid”
Ta’ 18-il sena, Charlo ltaqa’ ma’ Fiona, tfajla gustuża ġejja minn familja sew. Kemm hi u kemm familtha kienu jadurawh u billi kien iħossu komdu u maħbub ħafna magħhom iddeċieda li d-destin tiegħu kien ma’ din il-familja. Ommu kienet tħobbha ħafna tant li kienet tistmaha qisha bintha, it-tifla li qatt ma kellha!
Għall-bidu kien kollox ward u żahar u biex ikun onest jammetti li Fiona rnexxielha tnessih u taljenah minn ħsibijiet li kienu jitturmentawh. Ħassu li kien twieled mill-ġdid. Kienu jqattgħu ħafna ħin ma’ tad-dar. Tant sab rispett li l-kunflitti interni li kellu għal snin twal, bdew itaffu għax beda jaċċerta ruħu li l-ġibda sesswali li kellu għall-irġiel kienet biss fażi.’’
Sentejn wara li Charlo u Fiona żżewġu, Charlo jirrakkonta li ltaqa’ ma’ persuna miżżewġa li kellha l-istess destin tiegħu. David kien ilu miżżewweġ biss sena u stqarr ma’ Charlo li żżewweġ biss biex ma jweġġax lil tal-familja tiegħu u biex ma jkollux inkwiet fuq il-post tax-xogħol. Dawn it-tnejn saru ħbieb kbar u bdew jiftħu qalbhom ma’ xulxin. U minn hemm, nibtet ukoll ġibda kbira bejniethom u bdew jiltaqgħu ma’ kull ċans li kienu jsibu. Ġara iżda li l-ġibda tant kienet kibret li bdew iħossuhom li ma setgħux joqogħdu mingħajr xulxin.
Laqqajna n-nisa biex inkunu aktar flimkien
‘’L-unika possibiltà li kellna biex inkunu nistgħu nqattgħu aktar ħin flimkien mingħajr ma noqogħdu nivvintaw skużi jew intriċċi żejda kien li nlaqqgħu n-nisa tagħna flimkien u dawn fi żmien qasir saru ħbieb kbar. B’hekk kien sar ħafna aktar faċli għalina li niltaqgħu u nkunu flimkien.
“Konna mmorru kullimkien flimkien u ta’ kull sena konna anke nsiefru flimkien. Ikolli nammetti li fl-aħħar kont qed ngħix kuntent u kont qed inħoss emozzjonijiet li qatt ma ħassejthom qabel. In-nisa tagħna kienu kuntenti ħafna wkoll bil-kumpanija ta’ xulxin u qatt ma ssuspettaw f’xejn, anzi nista’ ngħid li kemm-il darba marti qaltli li mnalla ltqajna magħhom għax konna żewġ koppji li naqblu ħafna. U la kont naraha kuntenta u jien kont kuntent ħafna aktar minnha, lanqas qatt ma ħassejtni ħażin li qed ngħix żewġ identitajiet differenti.’’
“Ikkonvinċejt lili nnifsi li qed ngħix gidba għall-bżonn!”
Din l-affari damet sejra għal ħames snin sħaħ. Forsi ħafna jistgħu jgħidu li Charlo għex f’ħajja ta’ gidba sħiħa u li l-akbar giddieb kien miegħu nnifsu, imma hu jgħid li ħadd ma jaf kemm għex mumenti ta’ infern, speċjalment meta l-mara kienet tfittxu għall-mumenti intimi u biex naqdi l-bżonnijiet emozzjonali u sesswali tagħha kien jagħmel sforz kbir miegħu nnifsu biex ma jweġġagħhiex. Qatt ma ried iweġġagħha u għalhekk, għalkemm kien isib l-imħabba vera tiegħu, ma setax jgħidilha l-verità. Ikkonvinċa lilu nnifsu li kien qed jgħix gidba għall-bżonn!
Iż-żejt jitla’ f’wiċċ l-ilma
“Il-verita kollha ħarġet meta darba marti daħlet fil-kamra tas-sodda u sabet lili u lil David flimkien. Kien żmien il-Milied u waqt li huma kienu fil-kċina, qegħdin jippreparaw xi ħelu tal-Milied, aħna tlajna fuq bl-iskuża li ridt nistaqsi lil David dwar xi ħwejjeġ li kont xtrajt. Kien l-ikreh mument ta’ ħajti. Fiona qabdet twerżaq u tibki u telgħet ukoll mart David.
“Ippruvajna nfehmuhom imma tant kienu fi stat ħażin li t-tnejn qabdu jagħtuna u marti saħansitra bdiet twaddabli l-affarijiet, waqt li twerżaq u tibki biex nitilqu t-tnejn ’il barra. Ippruvajna nikkalmaw l-affarijiet imma kien kollu għalxejn u għalhekk jien u David tlaqna ‘l barra u niftakar li morna f’post għall-kwiet ħdejn il-baħar biex nippruvaw insibu soluzzjoni u naraw x’se nagħmlu b’ħajjitna imma kull m’għamilna dakinhar kien li bkejna mgħannqin ma’ xulxin, għax it-tnejn li aħna qatt m’għaddielna minn moħħna li nweġġgħu n-nisa tagħna.”
Ġara li wara xi siegħa li kienu ilhom hemm, Charlo sema’ l-mobile idoqq u kienet ommu. Jirrakkonta li lanqas felaħ iweġibha għax basar li saret taf. Hawnhekk kien iddeċieda li wasal il-mument li jaffaċċja lil ommu u jgħidilha l-verità kollha. David qabel miegħu u ddeċieda li jagħmel l-istess ħaġa wkoll. Telqu minn fejn kienu, Charlo wassal lil David għand ommu u hu mar għand ommu.
“Lanqas flaħt indawwar iċ-ċavetta fil-bieb. Ħassejtni imbarazzanti ħafna, kważi iktar minn kif sabitni marti meta kont fis-sodda ma’ David. Lil ommi ma kienx jixirqilha hekk. Dak il-ħin ħassejtni qisni xi skerz tan-natura u l-aktar raġel midneb f’din id-dinja għax kont ukoll weġġajt lil ommi ; mara li rabbietni waħedha għax missieri kien telaq meta kelli madwar tliet snin u wara dak kollu li kienet għamlet miegħi, jien kont qed inħallasha b’dan l-inkwiet kollu!”
Ommu ma setgħetx, jew aħjar, ma riditx tifhmu. Iktar bdiet tinkwieta u tħoss għal Fiona milli għalih. Ħassu waħdu u d-dinja kollha taqa’ fuqu. Mar lura d-dar u sab lil Fiona fis-sodda għadha qiegħda tibki u waqt li kienet qiegħda tibki, Charlo pprova jispjegalha kollox. Ovvjament, lanqas hi ma fehmitu u bdiet tgħajjru u tattakkah kemm kien kiefer u bla qalb biex tradiha b’dak il-mod. Dak il-ħin ħass li ma seta’ jagħmel xejn aktar ħlief jipprova għall-inqas jifhem lil kulħadd la ħadd ma beda jifhem lilu!
Emigrazzjoni
“Illum jien u David ngħixu l-Ingilterra. It-tnejn għandna xogħol tajjeb u t-tnejn kuntenti ħafna. Hawnhekk kulħadd jaf x’jien u kulħadd iħobbni talli jien. Fil-verità, huwa issa li qed inħoss li qed ngħix ta’ veru!
“Xtaqt naqsam l-esperjenza tiegħi mal-qarrejja tal-MUŻAJK għax naf kemm hemm Maltin bħali li qegħdin jgħixu l-istess sitwazzjoni li għixt jien.
“Ma nixtiqhomx jagħmlu l-istess żball bħalma għamilt jien għax jibqa’ toqol kbir fuq l-individwu meta jkun weġġa’ lil dak li ħabbu jew irrispettah. Għadni kemm sirt naf ukoll li wieħed mill-ħbieb li kelli l-iskola, li saħansitra kellu wkoll tarbija, għadu kif qal lil martu li hu omossesswali, issa li t-tarbija għandha madwar sena. Ovvjament, fejn jidħlu t-tfal u speċjalment f’pajjiżna, l-affari tkun ħafna aktar komplikata u ta’ uġigħ kbir.
“Naf li ħafna nies, speċjalment fis-soċjetà tagħna, ma jaċċettawx il-fatt li l-omosesswalità mhix għażla imma li hija parti min-natura tiegħek. Ħafna nies bħali ppruvaw jimxu kontra n-natura tagħhom imma n-natura dejjem hija aktar b’saħħitha minn dak li taċċetta jew ma taċċettax is-soċjetà.”
Min-naħa tiegħu, Charlo jiddispjaċih ħafna li weġġa’ lil martu u lil ommu u minn hawn qed jerġa’ jitlob skuża kbira waqt li jixtieq jgħid lil min hu bħalu biex ma jgħix f’gidba bħalma għex hu għal snin twal.
“Tibżax turi x’int u kun kuntent u ħobb lilek innifsek hekk kif in-natura ħalqitek! Nibgħat messaġġ akbar għall-ġenituri kollha: ħobbu u aċċettaw lil uliedkom minkejja li forsi huma differenti mill-bqija għax xorta huma parti minnkom u xorta jibqgħu għal dejjem uliedkom. Tħallu lil xejn aktar jifridkom ħlief il-mewt!”
No comments:
Post a Comment