14.2.9 Minn Victor Vella
Wara li l-orizzont ippubblika l-istorja ta’ kif mill-ħwienet ta’ Il-Qarrej Nisrani’ kien qed jinbiegħ ktieb li kien qed ixerred mibgħeda lejn persuni omosesswali, il-bieraħ ġejna infurmati minn Doreen Vella, li tamministra dan il-ħanut li l-ktieb The Catholic Church and Homosexuality’ miktub minn Atila Sinke Guimaraes, kien se jiġi irtirat b’effett immedjat.
Doreen Vella fil-kummenti tagħha lil l-orizzont qaltilna li "nifhem li tapprezza li aħna ma nistgħux naqraw u niflu kull ktieb li jkollna. Wara r-rapport, stħarriġna fuq dan il-ktieb u sibna li dan kien stokk antik li kien qed jinbiegħ mill-ħwienet tagħna. Se nirtirawh immedjatament u mhux se jibqa’ jinbiegħ".
Minn naħa tiegħu Patrick Attard, qalilna li għalih li l-ktieb jiġi irtirat u li tintalab skuża mhix biżżejjed. "Bħal f’kull ħaġa oħra, ma jistax ikun li tgħid li ddispjaċiek u daqshekk. Qed nistenna li jkun hemm il-konsegwenzi ta’ din l-azzjoni. Dan għax it-traduzzjoni ta’ parti mill-ktieb saret bil-Malti u din xi ħadd għamilha".
Il-Kummissarju tal-Pulizija mitlub jinvestiga
Intant Patrick Attard, kiteb ukoll lill-Kummissarju tal-Pulizija u talbu jinvestiga din il-kwistjoni, hekk kif dan il-ktieb qiegħed joħloq il-mibgħeda lejn persuni gay.
Dun Charles Cordina se jidħol
fil-kwistjoni
l-orizzont għal aktar minn darba għamel kuntatt ma’ Dun Charles Cordina, is-Segretarju Pastorali ta’ l-Arċidjoċesi ta’ Malta. Qalilna li kien qara ir-rapport miktub fil-ġurnal l-orizzont, u kien se jidħol fil-każ. Meta tlabnieh jekk hux se jinvestiga min għamel it-traduzzjoni, qalilna li għad irid jara l-affarijiet.
"Is-sess ma’ l-annimali u l-omosesswalità jitpoġġew fl-istess keffa"
Il-ktieb bl-isem ta’ The Catholic Church and Homosexuality" miktub minn Atila Sinke Guimaraes, fis-sommarju jgħid li "ma jrid iħalli l ebda dubju fl-imħuħ dwar il-kruha ta’ din il-prattika abnormali u l-mod kif il-Knisja dejjem ħarset lejha".
Il-ktieb jgħid li l-omosesswalità hi xi ħaġa tax-xitan u li l-AIDS hi l-kastig ta’ Alla għall-gays. Il-ktieb anke jipprova jqarreb il-pedofelija ma’ l-omosesswalità.
Fil-ktieb il-pedofelija tiġi ċarament magħduda bħala forma ta’ omosesswalità. Is-sess ma’ l-annimali u l-omosesswalità jitpoġġew fl-istess keffa. L-awtur jispjega fid-dettal il-kastigi li kienu jagħtu lill-omosesswali fil-Medju Evu bħall-ħruq, tgħalliq, umiljazzjoni u swat u imkien fil-ktieb ma ssir kundanna għalihom. Anzi wieħed jieħu l-impressjoni ċara meta jaqra l-ktieb li qed jiddefendihom jew jiskużahom.
Apparti dan f’diversi okkażjonijiet l-omosesswalità hi deskritta bħala l-agħar dnub jew ħażen immaġinabbli, sal-estremità li anke x-xjaten ma jifilħuhiex. Fl-istess ħin jgħid li l-omosesswali huma nies imxajtna. Pesti, karestiji, mard u l-Aids jiġu attributi lill-omosesswali. Jiddikjara li l-omosesswalità hi kontaġġjuża.
Patrick Attard, fil-kummenti tiegħu jgħid li "dan il-ktieb qiegħed iħeġġeġ il-mibgħeda lejn persuni gay. Din hi l-istess mibgħeda li wasslet biex 15,000 gays Ġermaniżi jinġabru u jintbagħtu f’Mauthausen fis-sena 1933, fejn inqas minn għaxra minnhom biss baqgħu ħajjin. It-trattament tal-gays fil-kampijiet tal-konċentrament kien wieħed ħażin ħafna, tant li meta kienu jmutu xi Lhud, il-gays kienu jippruvaw jieħdu l-istilla li kien ikollhom ma idejhom biex jaħbu it-trijangolu roża tagħhom. Min qed jimporta dawn il-kotba f’Malta għandu jinżamm responsabbli u anke l-partiti politiċi għandhom jitkellmu fuq dawn il-kotba. Hu xokkanti li ommijiet li jiskopru li uliedhom huma gay imorru biex jixtru kotba minn Il-Qarrej Nisrani’ biex jinformaw ruħhom fuq is-suġġett u jsibu din it-tip ta’ mibgħeda f’dawn il-kotba."
L-Avviż minn Il-Qarrej Nisani"
Intant l-avviż minn Il-Qarrej Nisrani’ kien jgħid hekk: “The Catholic Church and Homosexuality" prezz Lm3.75 jew EUR8.74. Dan il-ktieb jitratta b’mod ħafif it-tradizzjoni Kattolika dwar l-omosesswalità, biex tiċċara bla tlaqliq, il-problemi ta’ madwarha u b’hekk ma jibqa’ l-ebda dubju fl-imħuħ dwar il-kruha ta’ din il-prattika abnormali u l-mod kif il-Knisja dejjem ħarset lejha. Dan l-istudju jdaħħal ħafna kwotazzjonjiet mill-Bibbja, mit-tagħlim tal-Maġisteru, mit-tagħlim tal-Papiet, mil-Liġi Kanonika, mid-Dutturi tal-Knisja, qaddisin u oħrajn. Minkejja li t-tagħlim jingħata fil-qosor, l-ebda kattoliku serju ma’ jista’ jinjora dan l-istudju ċar u miftuħ."
Il-Kummissjoni Nazzjonali għall-Ugwaljanza ma tistax tidħol fil-każ
Ir-rabja fost il-kommunità gay f’Malta għal dan il-ktieb u għall-fatt li dan qed jinbiegħ minn ħwienet u jiġi reklamat minn kumpanija tal-Knisja Kattolika, wasslet biex intalab intervent mingħand il-Kummissjoni Nazzjonali għall-Promozzjoni ta’ l-Ugwaljanza. Biss dawn fir-risposta li taw qalu li huma jidħlu f’każi ta’ diskriminazzjoni abbażi tas-sess fuq il-post tax-xogħol jew fl-għoti ta’ impjiegi, f’servizzi jew oġġetti, jew diskriminazzjoni fuq ir-razza f’servizzi u oġġetti. Il-Kummissjoni Nazzjonali fit-tweġiba tagħha qalet li m’għandhiex ġurisdizzjoni biex tieħu azzjoni fejn tidħol diskriminazzjoni fuq bażi ta’ orjentazzjoni sesswali".
Ara hawn biex tkompli ssegwi l-istorja: http://patrickattard.blogspot.com/2009/02/it-torca-il-kaz-tal-ktieb-catholic.html
Ara l-Intervent tiegħi rigward il-ktieb waqt il-Program Xarabank:
Iftaħ din il-link ta' hawn taħt bil-Windows Media Player jew bir- Real-Player:
mms://194.158.37.72/TVM/Xarabank/090220.wmv
Mur hawn: 1:14:00
No comments:
Post a Comment