Monday, 23 February 2009

Il-Ġens: L-omosesswali: imma għaliex il-Knisja Kattolika biss?

[Dan l-artiklu mhux fuq il-website s'issa]
21 ta' Frar, 2009 minn John Żammit, San Ġwann

Sur Editur,

Sinċerament ma nistax nifhem l-antagoniżmu li għaddej bħalissa ta' dawk b'orjentazzjoni omosesswali fil-konfront tal-Knisja Kattolika, għaliex din twassal, kif għandha wara kollox dritt tagħmel, it-tagħlim tagħha dwar l-omosesswalità.

Ma hix l-intenzjoni tiegħi li niddefendi dan it-tagħlim għaliex hemm min hu ferm aktar kompetenti minni biex jagħmel dan; biss, dak li qiegħed idejjaqni dwar dan il-fatt hu li l-attakki huma fuq ir-reliġjon Kattolika biss.

Illum f'Malta, bħalma jaf kulħadd, hawn diversi reliġjonijiet oħrajn li huma mħaddnin minn għadd mhux żgħir ta' persuni, anke persuni Maltin.

Naħseb li l-ikbar reliġjon wara dik Kattolika hija r-reliġjon Musulmana, Għalhekk hu tajjeb li wieħed jara kif din ir-reliġjon tħares lejn l-omosesswali.

Safejn naf jien, ir-reliġjon Musulmana bl-ebda mod ma tittolera l-omosesswalità; aktar gravi, f'pajjiżi li huma Musulmani fundamentlisti, l-omosesswali jiġu mħaġġrin.

Mill-banda l-oħra, dawk id-denominazzjonijiet Insara li jaċċettaw l-omosesswalità għandhom kriżi interna; eżempju ċarissimu ta' dan huma l-Episkopali Amerikani li wara li nħatar Isqof li kien omosesswali fil-beraħ, ħafna telqu u fittxew denominazzjonijiet Insara oħrajn, u b'mod partikolari daru lejn il-Kattoliċeżmu.

Jinkwetani l-fatt li dawn l-attakki kulma jmur qegħdin isiru aktar qawwija f'pajjiżna. Saħansitra kien hemm min talab lill-awtoritajiet biex ktieb li juri t-tagħlim tal-Knisja Kattolika dwar l-omosesswalità jkun irtirat minn fuq l-ixkafef ta' ħanut tal-kotba, u aktar minn hekk, dawk li nbiegħu jinġabru lura!

Fil-fehma tiegħi, dawn l-attakki la huma ġustifikati, u wisq inqas se jbiddlu t-tagħlim tal-Knisja dwar dan il-fatt.

Jidhirli li dawk li jippriedkaw it-tolleranza għandhom ikunu tolleranti huma l-ewwel u, jieqfu milli jsejħu lil dawk li ma jaqblux magħhom injoranti, u li għadhom b'rashom marbuta.

Hekk jitlob id-djalogu sinċier.

No comments:

Post a Comment