8.2.9 minn Julia Farrugia
L-Amnesty International fl-Ingilterra, l-Għaqda internazzjonali li tiġġieled favur id-drittijiet tal-bniedem, irreaġixxiet għal storja li dehret bħal-lum ġimgħa f’din il-gazzetta [ara hawn taħt għall-artiklu].
F’intervista Natal Bonello, transesswali li qattgħet xi żmien fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin, tkellmet dwar il-moħqrija li ġarrbet hi u dwar moħqrija li allegatament qed issofri bħalissa transesswali li hemm f’Diviżjoni 6 tal-ħabs minn priġunieri oħra.
“Għandi ħabiba transesswali li bħalissa qiegħda f’Diviżjoni 6. Sa din il-ġimgħa stess ċemplitli tibki. Qed issostni li qed tiġi msawta minn priġunieri rġiel oħra. Tibki biki kbir. Hi u tolfoq qaltli li anke l-ħwejjeġ ħarqulha fil-ħabs. Din moħqrija. Qed tiġi abbużata. Ir-recordings tat-telefonati qiegħdin hemm. Jistgħu jisimgħuhom,” saħqet Natal.
Bonello allegat ukoll li meta kienet il-ħabs kien hemm anke uffiċjali tal-ħabs li għaddewha minn martirju bl-inkejja tagħhom.
L-Amnesty ssostni li “f’Diċembru li għadda Malta kienet firmatarja ta’ dikjarazzjoni tal-Ġnus Magħquda favur id-drittijiet tal-bniedem fuq orjentazzjoni sesswali u l-gender. It-tħassib li tqajjem l-istorja jiksru l-istess impenn ta’ Malta meta ffirmat id-dikjarazzjoni.”
Fix-xhur li għaddew Amnesty International ħarġet rapport li ffoka fuq transgender f’detenzjoni u minnu joħorġu numru ta’ rakkomandazzjonijiet li l-għaqda tissuġġerixxi li jkunu nklużi f’Malta.
“Għandha tkun ċara li qatt mhu tollerat li uffiċjali tal-Pulizija jew gwardjani jabbużaw verbalment minn priġunieri fuq orjentazzjoni sesswali, gender jew espressjoni. Għandha tittieħed azzjoni dixxiplinarja xierqa kontra dawk l-uffiċjali li jwettqu abbuż bħal dan,” sostniet l-Amnesty.
“Gwardjani għandhom jindirizzaw lil transesswali bl-isem li jużaw regolarment.
“L-Awtoritajiet Maltin għandhom jikkonsultaw ma’ għaqdiet tat-transgender biex jidentifikaw x’inhuma l-aħjar prattiċi dwar jekk transgender għandhomx jinżammu f’diviżjoni tan-nisa jew f’tal-irġiel.
“Jekk minħabba raġunijiet ta’ sigurtà ikun meħtieġ li persuni lesbiċi, gay, bisesswali jew transgender jinżammu separatament minn priġunieri oħra, iridu jingħataw l-istess livell ta’ aċċess għal servizzi u riżorsi, fosthom toilets u faċilitajiet oħra.”
Amnesty International tkompli li “Tfittxijiet li jsiru fuq transgender għandhom isiru mhux sempliċiment biex tkun sfidata l-identità tagħhom. Meta tfittxija tkun meħtieġa din għandha ssir fil-privat u bl-akbar dinjità. Jekk il-priġunier hu transgender it-tfittxija għandha ssir minn żewġ uffiċjali li s-sess tagħhom jagħżlu l-priġunier. Jekk priġunier ma jispeċifikax preferenza t-tfittxija trid issir minn uffiċjali bl-istess sess tal-priġunier,” tikkonkludi l-għaqda dinjija favur id-drittijiet tal-bniedem.
Il-każ qanqal reazzjoni qawwija fil-Malta Gay Rights Movement li f’kummenti lil din il-gazzetta qal “l-MGRM juri t-tħassib tiegħu dwar l-allegazzjonijiet li saru minn Natal Bonello dwar il-mod ta’ kif qed jiġu trattati persuni transesswali fil-ħabs kemm jekk huma priġunieri kif ukoll jekk huma viżitaturi.
“L-MGRM tħeġġeġ lill-awtoritajiet konċernati biex jinvestigaw dan il-każ b’mod immedjat u biex tiġi miġbura u mismugħha kull evidenza, inklużi t-telefonati rrekordjati msemmija,” appella l-Moviment.
“Għandhom ukoll jiżguraw li fil-ħabs jitwaqqfu prattiċi tajbin bbażati fuq ir-rispett lejn id-dinjità tal-persuna u d-dritt għal trattament uman waqt li qegħdin f’detenzjoni.
L-MGRM qed tappella biex kulmin għandu xi każ simili biex iżomm rapport dettaljat bil-miktub dwar dak li jkun ġralu u jekk hemm bżonn ifittex anke parir legali u/jew appoġġ minn entitajiet bħal MGRM, Amnesty jew Mid-Dlam għad-Dawl.”
Matul din il-ġimgħa kien hemm it-tielet għaqda li rreaġixxiet għal-istorja ta’ Illum. Nhar l-Erbgħa l-għaqda non-governattiva Mid-Dlam għad-Dawl li taħdem fost il-priġunieri sostniet li dan l-aġir hu inaċċettabbli u f’ittra urġenti lid-Direttur tal-Ħabs u lill-Ministru għall-Ġustizzja Carm Mifsud Bonnici talbet inkjesta dwar il-każ.
Dan tal-aħħar għall-mistoqsijiet tal-MaltaToday ta’ nhar l-Erbgħa sostna li “l-awtoritajiet tal-ħabs m’għandhomx informazzjoni li l-persuna f’Diviżjoni 6 qed issofri minn xi abbuż.”
Għal xi raġuni l-awtoritajiet għadhom ma laqgħux it-talba li jisimgħu r-recordings fejn il-priġuniera qed tibki u tallega li qed tkun maħqura.
Tista’ taqra r-rapport tal-Amnesty International dwar transgender f’detenzjoni fuq:
Link
Referenzi għall-għajnuna:
http://www.amnesty.org
http://www.maltagayrights.net
www.mddmalta.org
----
http://www.illum.com.mt/2009/02/01/interview.html
Intervista | 01 ta’ Frar 2009 Nr 118
Illum: Mill-iżbarra għal Kordin
Julia Farrugia tintervista lil Natal Bonello
Xagħar imġiegħed twil safrani jinżel jistrieħ fuq spallejn mislutin. B’saqajha puliti rqaq imrikkba fuq xulxin Natal Bonello tpoġġi l-karti kollha fuq il-mejda.
“Kont diġà Kordin sentejn ilu u tefgħuni f’Diviżjoni 13 u wara fit-12,” tistqarr. “Fil-karozza tas-CID tgħidx kemm bkejt meta bdew isuqu biex joħduni l-ħabs għax bżajt li jdaħħluni f’diviżjoni tal-irġiel minflok f’dik tan-nisa,” tispjega.
“Kif fil-fatt ġara. Tefgħuni mal-irġiel. Ħassejtni ħażin ħafna. Ikun hemm min jipprova jwaqqgħek għaċ-ċajt. Min isaffar, min jibdel il-vuċi taparsi mara. Imma wara jibdew jidraw.”
Nistaqsiha kemm ilha li għamlet din il-bidla minn raġel għal mara.
“Ili nħossni mara minn meta kont żgħira. Minn meta twelidt. Jien tewmija ma’ tifla. Inħossni mara. M’għamiltx l-operazzjoni minħabba kwistjoni ta’ flus. Trid xi Lm9,000 minbarra l-ispiża biex tħallas il-vjaġġ tal-ajru u affarijiet oħra li ġġib magħha l-operazzjoni,” tkompli Natal.
Il-kuraġġ ta’ din it-tfajla jikxef maskra reali li f’pajjiż kattoliku u suppost solidari ma juri xejn ħlief ipokrizija u ħruxija.
“Il-ħajja fil-ħabs għal persuni trans mhix waħda faċli. Jien mara u nilbes ta’ mara. Ovvjament il-ħabs mhux se nilbes id-dbielet imma nilbes qliezet diċenti. Darba d-direttur tal-ħabs qalli: ‘Hemm fejn taħseb li sejra?’ Kelli qalziet dejjaq u flokk ta’ mara – xejn mikxuf.”
Imma jkun hemm daqqiet li jinfdu aktar fil-fond u fi kliem Natal trid trabbi qoxra biex biha tiddefendi lilek innifsek minn kull tip ta’ diskriminazzjoni mibnija fuq is-sess.
“Wara li nieħu shower kont naħsel il-ħwejjeġ ta’ taħt u nnixxifhom fiċ-ċella. Darba għadda gwardjan u qabadli qalziet ta’ taħt tan-nisa li kelli minxur. ‘Dan x’inhu?’ qalli filwaqt li ċaqlaq il-qalziet ta’ taħt b’idejh. ‘X’inhu, eh, dan, hi?’
Natal bħallikieku qed tara x-xena quddiem għajnejha wieġbet: “Mhux qalziet ta’ taħt qed tara! Tkunx vojt.”
Il-ħajja fil-ħabs għal persuni trans mhux ward u żahar.
“Persuni bħali qed jitpoġġew ukoll f’Diviżjoni 8 fis-sezzjoni tal-pedofeli. Timmaġinak? Hemm min jidher li hu mara, b’sider bis-silicone u xorta jitfgħuh f’diviżjoni tal-irġiel. Li tpoġġina ma’ nies pedofeli hu nsult. Ma jaħsbux li qed ipoġġu lilna f’riskju wkoll? Qisek qed tpoġġi t-tiben ħdejn in-nar!”
Ir-rakkont ta’ Natal jissokta. Tirrakkonta episodju ieħor li ġarrbet meta kienet fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.
“Meta kont il-ħabs qlajt kastig u tefgħuni f’Diviżjoni 6. Fil-ġurnata u nofs li qattajt hemm mort sal-infern u lura.”
Nitlobha tispjega.
“Priġunieri oħra f’din id-diviżjoni riedu ċerti affarijiet minni,” tkun it-tweġiba.
“Jabbużawk sesswalment?” nistaqsiha.
“Le. Diviżjoni 6, peress li hemm sigurtà massima, mimlija cameras. Ħlief fiċ-ċella u fix-showers. X’ħin dħalt biex ninħasel priġunier inbuttani għal ġox-shower u hemm sibt tlieta oħra jistennewni. L-ewwel wieħed dawwar ix-xugaman tiegħu m’għonqi u prova jgħallaqni bih. Kienu jafu li jien kelli passat bid-droga u bdew jinsistu biex nagħtihom id-droga għax ħasbu li għandi fuqi. B’rasi bdejt nagħmel sinjal li m’għandix. Ix-xugaman beda aktar jissikka u x’ħin bqajt ngħid li m’għandix priġunier ieħor qabad isawwatni b’saħħa bil-lasta tal-ixkupa.”
Natal jistqarr li rraporta dan l-episodju ma’ uffiċjal tal-iSpecial Response Team (SRT) li “mar ibeżbiżhom biex jaqbeż għalija.”
U hawn ifaqqgħu akkużi serji.
“Jien għandi ħabiba transesswali li bħalissa qiegħda f’Diviżjoni 6. Sa din il-ġimgħa stess ċemplitli tibki. Qed issostni li qed tiġi msawta minn priġunieri rġiel oħra.
“Tibki biki kbir. Hi u tolfoq qaltli li anke l-ħwejjeġ ħarqulha fil-ħabs. Din moħqrija. Qed tiġi abbużata. Ir-recordings tat-telefonati qiegħdin hemm. Jistgħu jisimgħuhom,” tisħaq Natal.
Transesswali oħra li takkumpanja lil Natal fl-uffiċċju tagħna tikkonfermali li hi semgħet b’widnejha l-appell ta’ din il-priġunier.
“Nitolbu bil-ħrara biex l-awtoritajiet jinvestigaw dan il-każ. Il-ħabiba tagħna għaddejja minn tbatija. Nixtiequ li xi ħadd jintervjeni u jieħu azzjoni.”
Iż-żewġ persuni jikkonfermaw li anke meta jmorru jaraw lil din il-priġuniera dejjem tgħidilhom li qed tinħaqar. Ma nifilħux narawha aktar f’din is-sitwazzjoni. Dan l-aħħar qaltli li tant xebgħet li lesta tneħħi ħajjitha,” tispjega Natal.
Il-ħabiba tagħha ssemmi punt ieħor.
“Meta ġieli semmejna dan il-punt li aħna nisa u ma nistgħux nibqgħu nkunu suġġetti għal din id-diskriminazzjoni kien hemm min qalilna: ‘Mhux aħjar tmorru tiskontaw is-sentenza f’diviżjoni speċjali li hemm Monte Carmeli?’
“Monte Carmeli?! Mela aħna mġienen biex immorru hemm?!” tinsisti seħbitha.
Natal qed tistenna sentenza fuq każ li seħħ fl-imgħoddi. Il-biża’ li minn wara l-iżbarra terġa’ tirfes l-għatba ta’ Kordin bħala priġuniera.
“Naf li għalxejn nitolbu nkunu f’diviżjoni ma’ nisa oħra għax żgur li l-awtoritjiet mhux se jaċċettaw. Imma tal-inqas nixtieq li ma jpoġġuniex mal-pedofeli jew f’Diviżjoni 6.”
Jitfaċċa argument ieħor li meta tisimgħu jtaqqlek. Nammetti li jien u nikteb nipprova nsib l-aħjar damma ta’ kliem. Inħalliha barra? Imma għaliex qed insibha bi tqila? Wara kollox min qiegħed imexxi u jara dawn il-moqżiżati jsiru mhux qed jiddarrass. Hu biss b’din il-kitba li din is-sitwazzjoni tista’ titranġa.
“Il-problemi li nħabbtu wiċċna magħhom mhumiex biss jekk inkunu priġunieri imma wkoll jekk immorru nżuru lil xi ħadd il-ħabs. Isiru tfittxjiet fuqna. Ara taħseb li jibagħtu mara, ta! Iħallu għassiesa rġiel jagħmlulna s-search.
“Ineżżgħuk għarwiena ħuta fil-kesħa u jitolbuk titbaxxa biex jaraw jekk għandekx droga moħbija fit-toqba tal-warrani.
“L-umiljazzjoni ma tiqafx hawn. Jitolbuk toħroġ il-parti tiegħek kollha barra.” Natal tieqaf ħesrem u b’vuċi issa bilkemm tinstema’ tkompli s-sentenza li farrket ftit sekondi qabel.
“L-għassies jgħidlek ‘oħroġ ir-ras tal-pene kollha barra’.” Natal tħares fiss f’għajnejha. M’għandhiex biża’ imma f’għajnejha nista’ naqra l-uġigħ li terfa’ magħha b’din is-sitwazzjoni.
Natal għada tagħlaq 34 sena. Għadha żgħira. Nammira li kellha l-kuraġġ toħroġ fil-beraħ. Ma ssibx problemi biex l-intervista ssir b’isimha. Nistaqsiha jekk jimpurtax jekk noħdulha ritratt għal mal-intervista. Taċċetta.
“Iva, mela le. Imma mhux toħodli r-ritratt hekk, ta’, b’xagħri mhux issettjat u kif jien bit-tracksuit. Għada għandi l-Qorti u kif inkun imbiddla nibqa’ ġejja ħdejk.
Natal titla’ l-Qorti. Il-kawża ġiet differita. Forsi r-rabja, forsì d-diżappunt. Il-mara tmur tinqafel id-dar.
L-intervista toħroġ bla ritratt.
No comments:
Post a Comment