12.2.9 minn Victor Vella
Qalb diversi oġġetti sagri lesti biex jinbiegħu fil-ħwienet bl-isem “Il-Qarrej Nisrani” wieħed isib oġġetti li jintużaw fiċ-ċelebrazzjoni tal-Quddiesa, bħal albi, stejjel u kalċijiet. Fl-istess ħwienet issib diversi kotba reliġjużi fosthom dawk maħruġin mill-Knisja Maltija, kartolini, ikoni, kuruni, statwi u diversi forom ta’ slaleb. Qalb dawn l-oġġetti reliġjużi, li normalment wieħed jassoċjahom mal-għaqda, it-tolleranza, l-imħabba u l-maħfra, dan l-aħħar tfaċċa ktieb li qed joħloq ferment sħiħ fost il-komunità omosesswali fil-gżejjer Maltin.
Il-ktieb, bl-isem ta’ “The Catholic Church and Homosexuality”, li anke kien qed ikun irriklamat b’ċerta prominenza fil-websajt ta’ “Il-Qarrej Nisrani”, hu dwar il-Knisja Kattolika u l-omosesswalità, ktieb li mhux biss ma jurix rispett lejn persuni omosesswali iżda ukoll minn dak li jgħid xejn m’hu tolleranti fejn tidħol l-omosesswalità. L-avviż stess li għamel “Il-Qarrej Nisrani” biex jirreklama dan il-ktieb u jħajjar ix-xiri tiegħu, jiddeskrivi l-omosesswalità bħala “kruha” u “abnormali”.
L-Inġinier Patrick Attard, li kien l-uniku kandidat li kkontesta l-elezzjoni ġenerali li ddikjara fi-miftuħ li hu persuna omosesswali u li riċentament kien fl-aħbarijiet meta skomunika lilu nnifsu mill-Knisja Maltija, iddeskriva il-ktieb u r-reklam magħmul minn “Il-Qarrej Nisrani” bħala “injoranza” u li “qed ixerred il-mibgħeda lejn il-persuni omosesswali”.
“L-Aids hi l-kastig ta’ Alla għall-omosesswali”
Hekk kif inġibditlu l-attenzjoni dwar dan ir-reklam imxandar, l-Inġinier Patrick Attard mar u xtara dan il-ktieb mill-fergħa ta’ “Il-Qarrej Nisrani” li dawn għandhom f’Birkirkara. Il-ktieb “The Catholic Church and Homosexuality” miktub minn Atila Sinke Guimaraes, fis-sommarju jgħid li “ma jrid iħalli l-ebda dubju fl-imħuħ dwar il-kruha ta’ din il-prattika abnormali u l-mod kif il-Knisja dejjem ħarset lejha”.
Il-ktieb jgħid li l-omosesswalità hi “xi ħaġa tax-xitan” u li l-AIDS hi “l-kastig ta’ Alla għall-omosesswali”. Il-ktieb anke jipprova jqarreb il-pedofelija mal-omosesswalità.
Patrick Attard, fil-kummenti tiegħu jgħid li “dan il-ktieb qed iħeġġeġ il-mibgħeda lejn persuni omosesswali. Din hi l-istess mibgħeda li wasslet biex 15,000 omosesswali Ġermaniżi jinġabru u jintbagħtu f’Mauthausen fis-sena 1933, fejn biss inqas minn għaxra minnhom li baqgħu ħajjin. It-trattament tal-omosesswali fil-kampijiet tal-konċentrament kien wieħed ħażin ħafna u ta’ min jistmerru, tant li meta kienu jmutu xi Lhud, l-omosesswali kienu jipprovaw jieħdu l-istilla li kien ikollhom ma’ idejhom biex jaħbu t-trijangolu roża li kienu jagħmlulhom. Min qed jimporta dawn il-kotba f’Malta għandu jinżamm responsabbli u anke l-partiti politiċi għandhom jitkellmu fuq dawn il-kotba. Hu xokkanti li ommijiet li jiskopru li uliedhom huma omosesswali jmorru biex jixtru kotba minn “Il-Qarrej Nisrani” biex jinformaw ruħhom fuq is-suġġett u jsibu din it-tip ta’ mibgħeda f’dawn il-kotba”.
“Għandu jitwaqqaf il-bejgħ”
L-Inġinier Patrick Attard enfasizza li “għandu jitwaqqaf b’mod immedjat il-bejgħ ta’ dawn il-kotba. Inħeġġeġ lin-nies biex jitkellmu fuq l-intolleranza li qed juri dan il-ktieb. Dan il-ktieb għamel ħsara irreparabbli lill-komunità omosesswali f’Malta”.
Patrick Attard jgħid li “l-Knisja Kattolika f’Malta għandha tara li tiġi msewwija din il-ħsara u dan billi twaqqaf l-impjieg ta’ min ħalla dan il-ktieb jinbiegħ fl-ixkafef tal-ħwienet tagħha, tieħu passi dixxiplinarji kontra min għamel sommarju tal-ktieb u poġġieh fil-websajt tal-kumpanija tal-knisja – il-MediaCentre. Talab ukoll li l-knisja għandha tagħmel apoloġija mal-komunità tal-omosesswali, li l-ktieb ikun irtirat, li jinġabru l-kotba mixtrija u jingħataw ‘refund’ u li l-knisja tagħmel dikjarazzjoni biex dawn il-kotba ma jiġux importati.
Pożizzjoni mill-politiċi
L-Inġinier Attard sejjaħ lill-politiċi biex jieħdu pożizzjoni fuq dan il-ktieb u reġa’ fakkar kif il-Parlamentari Ewropej tal-Partit Nazzjonalisa, Simon Busuttil u David Casa, b’mod konsistenti vvotaw kontra u astjenew fuq riżoluzzjonijiet li jikkundannaw il-qtil u t-tortura tal-omosesswali. Agħar minn hekk Simon Busuttil, iffirma petizzjoni fis-26 ta’ April, 2007, biex titneħħa riżoluzzjoni li tikkundanna l-omofobija minn fuq l-aġenda.
L-avviż minn “Il-Qarrej Nisani”
Intant l-avviż minn “Il-Qarrej Nisrani” biex jirreklama l-ktieb kien jgħid hekk: “The Catholic Church and Homosexuality” – prezz Lm3.75 jew €8.74. Dan il-ktieb jitratta b’mod ħafif it-tradizzjoni Kattolika dwar l-omosesswalità, biex tiċċara bla tlaqliq, il-problemi ta’ madwarha u b’hekk ma jibqa’ l-ebda dubju fl-imħuħ dwar il-kruha ta’ din il-prattika abnormali u l-mod kif il-Knisja dejjem ħarset lejha. Dan l-istudju jdaħħal ħafna kwotazzjonjiet mill-Bibbja, mit-tagħlim tal-Maġisteru, mit-tagħlim tal-Papiet, mil-Liġi Kanonika, mid-Dutturi tal-Knisja, qaddisin u oħrajn. Minkejja li t-tagħlim jingħata fil-qosor, l-ebda kattoliku serju ma’ jista’ jinjora dan l-istudju ċar u miftuħ.
Il-NCPE tgħid li ma tistax tidħol fil-każ
Ir-rabja fost il-komunità omosesswali f’Malta għal dan il-ktieb u għall-fatt li dan qed jinbiegħ minn ħwienet u jiġi reklamat minn kumpanija tal-Knisja Kattolika, wasslet biex individwi omosesswali jiktbu direttament lill-kumpanija ‘Mediacentre’ biex jipprotestaw għal dawn it-tip ta’ kotba li qiegħda tippermetti li jinbiegħu mill-ħwienet tagħha kif ukoll għall-mod ta’ kif dawn qegħdin ikunu reklamati.
Kien hemm ukoll min talab intervent mingħand il-Kummissjoni Nazzjonali għall-Promozzjoni tal-Ugwaljanza (NCPE) speċjalment fid-dawl ta’ studju riċerkat li għamlet fejn analizzat id-diskriminazzjoni li għadha teżisti f’pajjiżna fuq il-bażi ta’ razza, ix-xorta tas-sess, l-orjentament sesswali, id-diżabbiltà, ir-reliġjon u l-età u x’passi għandhom jittieħdu biex din id-diskriminazzjoni tieqaf darba għal dejjem.
Biss, ironikament, dawn fir-risposta li taw qalu li huma jidħlu biss f’każi ta’ diskriminazzjoni abbażi tax-xorta tas-sess, fuq il-post tax-xogħol jew fl-għoti ta’ impjiegi, f’servizzi jew oġġetti jew diskriminazzjoni minħabba r-razza fl-għoti ta’ servizzi u oġġetti. Il-Kummissjoni Nazzjonali fit-tweġiba tagħha qalet li “m’għandhiex ġurisdizzjoni biex tieħu azzjoni fejn tidħol diskriminazzjoni fuq bażi ta’ orjentazzjoni sesswali”.
No comments:
Post a Comment