Monday, 16 February 2009

It-Torċa: Il-każ tal-ktieb “The Catholic Church and Homosexuality” - Mitluba r-riżenja tal-Kap tal-Media Centre

[Dan l-artiklu mhux fuq is-sit www.it-torca.com s'issa]
15.2.9

Minkejja li l-ktieb “The Catholic Church and Homosexuality” se jkun irtirat mill-Media Centre, id-dar tal-pubblikazzjoni u distribuzzjoni tal-Knisja Maltija, l-inġinier Patrick Attard qiegħed jitlob għar-riżenja tal-Kap ta’ din l-entità. Fi kliem Attard, dan għaliex anke l-Knisja għandha tagħraf tkun kontabbli u responsabbli tal-azzjonijiet tagħha.

Il-ktieb imsemmi jagħti l-impressjoni li jiġġustifika l-azzjonijiet krudili li kellhom jgħaddu minnhom l-omosesswali fiż-żminijiet tan-nofs minħabba l-orjentament tagħhom, kif ukoll iwaħħal fl-omosesswali għall-katastrofi li naraw madwarna - anke dawk naturali! Jiġġustifika d-diskriminazzjoni fuq l-omosesswali, jikkundannahom u jinsisti li m’għandhomx jingħataw impjieg jew ikunu fdati bit-tfal. Il-ktieb kien irtirat minn fuq l-ixkafef tal-ħanut tal-Media Centre wara li Attard ġieb għall-attenzjoni tal-pubbliku l-kontenut oxxen ta’ dan il-ktieb.

Madankollu, Attard qiegħed jinsisti li l-knisja għandha tagħmel avviżi pubbliċi fil-ġurnali biex min laħaq xtara l-ktieb ireġġgħu lura u jingħata l-flus li kien ħallas biex xtrah. Huwa jxebbaħ il-ktieb ma’ Norman Lowell u jgħid li kif Lowell inżamm responsabbli għad-diskorsi tiegħu, daqstant ieħor għandhom jinżammu responsabbli l-persuni li ddistribwixxew dan il-ktieb. Itemm jgħid li l-Knisja għandha titlob apoloġija lill-persuni omosesswali għall-bejgħ ta’ dan il-ktieb u min kien responsabbli għandu jirreżenja minnufih.

No comments:

Post a Comment