Monday, 23 February 2009

KullĦadd: “L-aħjar deċiżjoni minkejja li damet biex waslet” - L-E.T. Paul Cremona, Arċisqof ta' Malta

http://www.kullhadd.com/?task=2&sectid=&articleid=12605
22.2.9

[Silta mill-intervista.]

...

Semmejtlu issa każ ipotetiku ta’ persuna li jaqbel mad-divorzju, mal-kontraċettivi u li jemmen li persuni omosesswali għandu jkollhom drittijiet daqs dawk eterosesswali. Din il-persuna għandha post fil-Knisja li jmexxi Monsinjur Pawl Cremona? “Din il-persuna se ssib dejjem l-imħabba tal-Knisja u ħhadd mhu ser ikeċċiha,” huwa jgħid. 

Ma kontx kuntent u xtaqt iktar fuq dan il-punt. 

“Hawn qed nitkellmu iktar fuq il-persuna fiha nnfisha. Kif jista’ jkollok nisrani li jaqra x’qal Kristu fuq il-permanenza fiz-żwieġ, u min-naħa l-oħra jaċċetta d-divorzju. Jiena nsibha ħafna diffiċli biex persuna jiġi “to terms” miegħu nnifsu meta jgħid li miexi wara l-Mulej u jiġġustifika li hu jaċċetta d-divorzju.” 

Membri Parlamentari fid-dnub?

Staqsejtu jaqbilx li Membru Parlamentari li jivvota favur id-divorzju fil-Parlament ikun qiegħed jagħmel dnub. “Jien mhux hekk inpoġġiha. Jien ngħid li ma nimmaġinax li persuna jista’ jiddeċiedi li jimxi wara Kristu imma mbagħad jivvota favur xi ħaġa li tmur kontra t-tagħlim ta’ l-istess Kristu. Nagħmel paragun ma’ Membru Parlamentari favur l-ambjent. Jekk se ssir votazzjoni, jien naf kif se jivvota dak il-MP għaliex favur l-ambjent. Allura fil-każ tal-Knisja biss ma nafux il-membri tagħha fejn jinsabu? Dan dejjem jekk il-Membru Parlamentari mhux biss Kristjan kulturalment. Jekk wieħed jiddeċiedi li jimxi wara Kristu, allura jrid jobdi dak li qalilna Hu.” 

“L-istess bl-idea tal-kontraċettivi. Il-mentalità tal-kontraċettivi tifred kemm l-aġir sesswali mir-riproduzzjoni u tifred ukoll ir-riproduzzjoni mill-imħabba ta’ żewġ persuni. Aħna nemmnu li mill-att sesswali għandhom joħorġu t-tfal u t-tfal għandhom bżonn stabilità.” 

Semmejtlu iżda li l-fatti juru li speċjalment iż-żgħażagħ jaraw l-aġir sesswali b’mod differenti u li bil-kontraċettivi wieħed jevita konsegwenzi soċjali u ekonomiċi. Staqsejtu jekk il-Knisja għandhiex tieħu l-opportunità u turi t-tiġdid tagħha fuq din il-kwistjoni. 

“Il-messaġġ tal-Knisja huwa għar-riflessjoni u jrid jgħodd għal dawk li huma membri tal-Knisja. Aħna ma nemmnux li tnejn iltaqgħu u jistgħu jmorru flimkien, iżda li din għandhom iħalluha għal meta jkunu miżżewġin u jistgħu jagħtu stabilità lit-tarbija.”

“Ma nimmaġinax li żagħżugħ li jemmen li jista’ jmur ma’ persuna oħra qabel iż-żwieġ, se jagħti każ dak li tgħidlu l-Knisja fuq il-kontraċettivi mbagħad. Din hija kontradizzjoni għaliex il-messaġġ tal-Knisja jrid jasal għall-membri tagħha, jiġifieri dawk li jaqblu mat-tagħlim tagħha. Il-Knisja tgħid lill-membri tagħha kif għandhom jgħixu u tipproponi wkoll lis-soċjetà, mingħajr ma timponi fuqhom.”

Rigward id-drittijiet ta’ koppji omosesswali staqsejtu jarax kritika żejda fil-konfront tal-Knisja meta din m’għandhiex saħħa legislattiva.

“Dan huwa l-prezz li trid thallas il-Knisja. Meta l-Knisja qed tipproponi dak li temmen, ovvjament se jkun hemm il-kritika. Id-deċizjonijiet fl-aħħar mill-ahhar iridu jittieħdu mis-soċjetà, imma l-Knisja taqlagħha dejjem għaliex tkompli tippriedka dak li temmen, mingħajr ma toqgħod lura. Min-naħa tagħna, jekk ma nippriedkawx dak li qalilna l-Mulej kieku nkunu qegħdin niġbdu iktar nies, iżda żgur li ma nkunux qed niġbdu lill-Mulej.” 

...

No comments:

Post a Comment