Friday, 13 February 2009

It-Torċa: Żebliħ minflok kenn

http://www.it-torca.com/news.asp?newsitemid=7849
8.2.9 minn Charles Flores

L-istorja turina li l-Knisja Kattolika qatt ma kienet lesta tipprova l-ġdid u tħares ’il quddiem minflok lura. Saħansitra fil-Konċilju Vatikan II, biex sar it-tibdil li sar kellu jkun hemm taqbid intern li għadu jħalli l-konsegwenzi tiegħu sallum meta donnu li hemm min irid ireġġa’ l-arloġġ lura dwar ħwejjeġ u kwistjonijiet li issa suppost ilhom magħluqin l-għexieren tas-snin. Anki l-quddies bil-Latin qiegħdin jerġgħu jippruvaw jirxuxtaw mill-mewt.

Mhijiex storja sabiħa li tara istituzzjoni dinjija bħalma hi l-Knisja Kattolika, bi skuża jew oħra, teħodha kontra l-progress, l-iżvilupp u r-riċerka. Fl-imgħoddi mbiegħed kien hemm għorrief u artisti kbar li sfaw torturati u mħaġġra, mixwija u maqtula minħabba skoperti u ħidmiet li wettqu u li għalihom kienet oġġezzjonat il-Knisja biex wara nstab li kienu realtajiet li ma setgħux aktar ikunu miċħuda.

Fi żminijietna, il-Knisja rajnieha tikkundanna l-użu tal-kontraċettivi u l-introduzzjoni tad-divorzju u tisfa injorata mill-massa tal-Kattoliċi fid-dinja, baqgħet iżżomm iebes favur iċ-ċelibat u l-qassisin, sorijiet u patrijiet komplew jikkjuwjaw biex jinżgħu, u waqt li kontinwament u bir-raġun taħdem kontra l-abort ma turix l-istess ħeġġa u qawwa ta’ persważjoni kontra l-piena kapitali saħansitra f’pajjiżi (ħbieb) tal-Punent, bħall-Amerika. Aktar riċenti qiegħda wkoll tfixkel il-ħidma fejjieda ta’ xjentisti ġenwini li jaraw il-possibbiltà li jwettqu għeġubijiet mediċi bit-tiftix tagħhom fil-qasam taċ-ċelluli stemmatiċi.

Issa f’dawn l-aħħar xhur rajna l-Knisja Kattolika mmexxija mill-Papa Benedittu XVI tieħu pożizzjoni negattiva u kundannabbli dwar persuni b’orjentazzjoni sesswali differenti, bħallikieku dawn mhux ukoll jistħoqqilhom jgħixu ħajja trankwilla u sabiħa mal-persuna tal-għażla tagħhom, anki jekk tkun tal-istess sess. Intuża kliem li weġġa’ ħafna lil dawk il-persuni kif ukoll lill-familji u l-ħbieb tagħhom, tant li kien hemm min xebbah l-atteġġament tal-Knisja ma’ dak tan-Nażi fil-Ġermanja meta mhux biss il-Lhud sfaw vittmi msejkna tal-qerda u l-preġudizzju, iżda anki l-omosesswali, is-soċjalisti, il-komunisti, it-trejdunjonisti u progressivi oħra tas-soċjetà ta’ dak iż-żmien. Nafu li matul l-aħħar gwerra l-Papa preżenti kien membru tal-Hitler Youth, għaldaqstant huwa ferm iktar gravi li tisma’ minn fommu l-kliem li ntqal.

Hawn Malta wkoll, qiegħdin naraw l-Isqfijiet tagħna jixximjottjaw dwar is-suġġett. Jgħidu kliem u mbagħad idawruh, jagħtu interpretazzjonijiet differenti minn dawk li jkunu fehmu n-nies, speċjalment dawk milquta direttament, bir-riżultat li minflok il-kenn li l-Knisja suppost toffri lil nies li jħossuhom -- mhux għax iridu iżda għax twieldu hekk -- differenti, qiegħda toffrilhom żebliħ miksi biz-zokkor.

Fis-Seklu 21 lil min jgħin jinbidlu l-mentalitajiet marradija tal-imgħoddi għandna bżonn u mhux lil min jipprova jimbotta kollox lura. Huwa proprju għalhekk li tant u tant nies fittxew triqat oħra, lil hinn mir-reġimentazzjoni konservattiva tal-Knisja Kattolika, biex ħaddnu reliġjonijiet oħra jew abbandunaw għal kollox kull twemmin waqt li qiegħdin ikompli jispikka l-argument konvinċenti tar-relattiviżmu. Anki fiċ-ċkejkna Malta issa rajna lil min hu kuraġġuż biżżejjed li joħroġ juri li ma jridx ikun membru ta’ xi ħaġa li wara kollox qiegħda tbarrih.

It-tjubija ma tistax tkun superfiċjali. Trid tkun ġejja minn ġewwa u għalhekk ġenwina. Kif ħafna membri tal-Kleru jsibuha diffiċli biex jimxu mar-regola taċ-ċelibat (Malta żgħira u n-nies magħrufa) hekk ukoll persuni b’orjentazzjoni sesswali differenti ma jistax ikun li jkunu mistennija ma jfittxux dik li għalihom hija l-hena mixtieqa fil-ħajja sempliċiment għax il-Knisja ma tħallihomx, anzi tikkundannahom bl-aktar kliem iebes.

Daqstant importanti hu li l-awtoritajet sekulari ma jiddakkrux minn dan l-atteġġament negattiv tal-Knisja. L-Istat hu marbut li joffri kenn lil kulħadd, mill-fqir saż-żgħir u l-vulnerabbli. Hekk ukoll lil ċittadini b’orjentazzjoni sesswali differenti li iżda xorta waħda jħallsu t-taxxi kollha li jħallsu l-bqija. Jekk il-Knisja trid li tibqa’ ddeffes rasha fit-trab tal-art, l-Istat ma jistax u m’għandux jitħalla jagħmel bħalha.

... 
[Il-kumplament ta' l-artiklu jitratta suġġetti oħrajn. Tista' tara l-artiklu kollu billi tikklikja fuq il-hyperlink ta' hawn fuq.]

1 comment:

  1. Iva veru, dawn tal-Latin qmu mill-mewt, sa lil saju waqqfu fl-Imdina!

    http://pro-tridentina-malta.blogspot.com/2013/09/great-news-from-malta-tridentine-masses.html

    Joseph Borg

    ReplyDelete