4.2.9
L-orjentament sesswali fih innifsu qatt ma hu “diżordni morali”; huwa l-użu ħażin ta’ dan l-orjentament li jmur kontra l-ordni morali”, qal l-Isqof ta’ Għawdex, Mons Mario Grech, waqt iddikjara li hu qatt ma qal li persuni omosesswali għandhom jitilqu mill-Knisja. Anzi kompla jgħid li persuni bħal dawn “għandna nilqgħuhom b’rispett, imħabba u delikatezza”. |
Din id-dikjarazzjoni tal-Isqof Grech ħarġet mill-Kurja ta’ Għawdex biex tkun kjarifikata l-interpretazzjoni mogħtija fil-midja għal kummenti li huwa għamel fil-jiem li għaddew u li hu jsostni li fihom m’għamel l-ebda referenza għall-persuni gay u l-iskomunika tagħhom minn ħdan il-Knisja Kattolika. Il-Kurja ta’ għawdex saħqet li “kuntrarjament għal dak li f’dawn l-aħħar jiem uħud mill-midja rrapportaw li qal l-Isqof Mario Grech dwar persuni omosesswali, b’rispett lejn is-sewwa u lejn l-istess persuni li għandhom dan l-orjentament, l-Isqof Grech jikkomunika li fl-omelija li għaliha saret referenza, huwa qal biss: ‘il-fatt li l-Knisja tagħna ma tibqax waħda tal-massa imma ssir minoranza, ma għandux itaqqal il-qalb. Billi ftit melħ huwa biżżejjed biex jagħti t-togħma, huwa importanti li l-melħ ma jkunx maqtugħ! Min ma jaċċettax it-tagħlim ta’ Kristu, ikun koerenti miegħu nnifsu jekk jiskomunika lilu nnifsu mill-Knisja”. L-Isqof Grech iddikjara wkoll li f’din l-omelija hu ma semma’ ebda kategorija ta’ persuni; hu qatt ma semma l-persuni omosesswali, u inqas u inqas li l-omosesswali għandhom jitilqu mill-Knisja. |
Bħal ma kien ġara ftit tal-ġimgħat ilu meta omelija oħra magħmulha mill-Isqof Grech kienet qanqlet kritika kbira mill-komunità gay, l-aħħar kummenti li saru minnu ttieħdu bħala li kienu qegħdin jalludu għad-deċiżjoni meħuda ftit jiem qabel minn żewġ persuni gay li ddikjarat pubblikament li kienu qegħdin jiskomunikaw ruħhom mill-Knisja b’sinjal ta’ protesta kontra l-kummenti li saru mill-Papa dwar l-omosesswalità. Il-kummenti tal-Isqof ta’ Għawdex, li kienu rrapportati wkoll b’ċerta prominenza mill-midja internazzjonali, ittieħdu bħala li kienu jfissru li dawk li jirriġettaw t-tagħlim tal-Knisja fuq l-omosesswalità għandhom jitilqu mill-Knisja Kattolika. Waqt li ddikjara li fl-omelija tiegħu huwa mkien ma semma’ jew għamel aċċenn għal persuni gay, l-Isqof ta’ Għawdex jispjega li “min jaf x’inhi l-Knisja, jaf li hi qaddisa u fl-istess ħin fi ħtieġa kontinwa ta’ purifikazzjoni. Fi ħdanha hemm il-midinbin li, għax jixtiequ jiskopru l-imħabba vera, jiftħu qalbhom għall-Kelma ta’ Kristu u kuljum jitolbu l-ħniena ta’ Alla.” Għalhekk, huwa jkompli jgħid, “min huwa lest li jilqa’ l-Bxara t-Tajba, iżomm lil Kristu bħala Feddej tiegħu u huwa miftuħ għall-konverżjoni, u qatt mhuwa eskluż mill-Knisja, anke jekk id-dgħufija tiegħu, tkun xi tkun l-għamla tagħha, tagħmel dan il-proċess twil u diffiċli.” Dan jgħodd ukoll għall-persuni b’orjentament omosesswali, qal l-Isqof Grech waqt li kompla jgħlid li “lilhom ukoll għandna nilqgħuhom b’rispett, imħabba u delikatezza. Huma msejħa biex jagħmlu r-rieda t’Alla f’ħajjithom; jekk huma Nsara, għandhom jgħaqqdu d-diffikultajiet li jiltaqgħu magħhom minħabba l-qagħda tagħhom mas-salib glorjuż ta’ Kristu.” |
No comments:
Post a Comment