Friday, 25 February 2011

It-Torċa: Il-Knisja Maltija kontra l-omosesswali għax mhux normali?

[Din l-ittra mhix ippublikata fuq is-Sit tat-Torċa.]
It-Torċa - 20 ta' Frar, 2011, Pagna 48.

Fr Colin,

Ma nistax nifhem għaliex il-Knisja f'Malta ma taħmilx lill-omosesswali u tikklassifikahom bħala morda. Tgħidlix li mhux veru għax din hija l-prova li l-Knisja Maltija tqabbel l-omosesswali u l-adulterju bħala dnubiet gravi!

Din hija kwotazzjoni mill-Pastorali ta' l-Isqfijiet iffirmata minn Michael Gonzi, Arċisqof ta' Malta, President tal-Konferenza Episkopali Maltija Emmanuel Gerada, Isqof Koadjutur ta' Malta Nicholas Cauchi, Isqof ta' Għawdex Emmanuel Galea, Isqof Awżiljarju ta' Malta.

Dawn kollha jirrappreżentaw il-krema tal-pożizzjoni tal-Knisja f'Malta u jgħidu hekk:
"Għalhekk l-adulterju u l-omosesswalità minnhom infushom u indipendentament mil-liġi tal-bnedmin, kienu u għadhom dnubiet gravi. Dwar l-omosesswalità, aħna nagħrfu, nifhmu u naqblu li min hu verament marid jeħtieġ kura u għajnuna u mhux kastig, ġaladabra llum ix-xjenzati huma tal-fehma li wħud mill-omosesswali huma nies morda jew mhux normali għal kollox. Inħossu wkoll li s-soċjetà ta' pajjiżna għandha u trid li tibqa' mħarsa kif jixraq permezz ta' liġijiet ġusti minn kull ma jista' jhedded iż-żwieġ, il-familja, l-imħabba fidila u xierqa li l-poplu Malti fil-maġġoranza kbira tiegħu għadu jqishom u jgħożżhom bħala valuri u wirt importanti u għalhekk, bħala sehem mhux żgħir mill-ġid komuni tas-soċjetà Maltija. Biex jintlaħqu sewwa dawn iż-żewġ skopijiet, jidhrilna li s-soċjetà Maltija għandha tħoss id-dmir li tipprovdi, permezz tal-Awtorità pubblika, min-naħa l-waħda, servizz adegwat ta' kura għall-mard ta' anomaliji sesswali, u min-naħa l-oħra, ħarsien effiċjenti u ġust bil-liġi kontra kull xorta ta' korruzzjoni,solliċitazzjoni, propaganda, pubbliċità, assoċjazzjoni għall-finijiet omosesswali, kif titlob l-moralità pubblika."

M'għandi xejn izjed xi nżid, Fr Colin, u nittama li tippubblikali din l-ittra u nistenna l-kummenti tiegħek. Min fejn ġabuha l-Isqfijiet li x-xjenzati jgħidu li l-omosesswali huma morda u mhux normali?

Don't ask don' tell


Min hu normali? Min hu divers?



Li ħallejt barra hija li din il- Pastorali ħarġet mill-Kurja fil- 31 ta' Diċembru 1972... disgħa u tletin sena (39) ilu.

Erbgħin sena ilu jfisser li xi affarijiet kif inħarsu lejhom tbiddlu xi ftit. It-tagħlim, ittagħrif xjentifiku, naħseb li tbiddel xi ftit f'dawn l-aħħar erbgħin sena.
Biex inkunu 'fair' l-Isqfijiet,anki erbgħin sena ilu, kitbu:
"llum ix-xjenzati huma talfehma li wħud mill-omosesswali huma nies morda jew mhux normali għal kollox".

Meta nitkellmu fuq XI WħUD u MHUX GħAL KOLLOX ifisser li l-omosesswali, bħall-eterosesswali, XI WħUD huma nies morda u oħrajn mhumiex. Uħud mhumiex normali GħAL KOLLOX imma oħrajn huma normali.

B'"normali" nifhmu "average" "tipikament".

M'għandix dubju li llum, 40 sena wara, konna nużaw kliem ħafna differenti minn dan għax kemm il-lingwaġġ li nbidel u kemm dak li hu "politically correct" jieħu xejra differenti.

Kliem li jista' jkun interpetat bħala "hate language" li juri nuqqas ta' rispett lejn id-diversità ta' ħaddieħor ma jaqbel xejn mal-Vanġelu.

Nista' niżgurak li l-awtoritajiet tal-Knisja li niltaqa' magħhom jiena illum iħarsu lejn l-omosesswali b'ħafna mħabba u li spiss jiltaqgħu ma' gruppi omosesswali kattoliċi prattikanti.

Jista' jsir iżjed ukoll, naturalment!

Fr Colin

No comments:

Post a Comment