[Dan l-artiklu mhux fuq is-sit ta' l-Illum s'issa.]
6.2.2011 minn Julia Farrugia
Hu l-iżgħar membru parlamentari Nazzjonalista u bħalissa ffukat aktar minn qatt qabel fit-taħriġ għan-nofs maratona tal-ġiri ta’ tliet ġimgħat oħra.
Iżda f’nofs din il-ġirja hemm missjoni oħra …
Il-ġirja fost l-elettorat u fost l-istrutturi tal-PN bit-tama li f’Malta jidħol id-divorzju.
“Kont sorpriż bil-feedback pożittiv li kelli min-nies. Kien hemm żewġ kategoriji ta’ nies li jaqblu mad-divorzju, dik lili ma timpressjonanix … u l-isbaħ reazzjoni kienet ta’ dawk li jgħidulek ‘jien ma naqbilx miegħek imma napprezza li tkellimt hekk… “Fi ħdan il-Partit Nazzjonalista ma kelli problema ta’ xejn meta esprimejt l-opinjoni tiegħi favur id-divorzju…
“Kellna diġà sitta jew seba’ laqgħat tal-eżekuttiv fejn iddiskutejna d-divorzju u mill-ewwel ġurnata kellna klima miftuħa bejnietna,” jinsisti Karl Gouder. Imma f’partit li għandek il-kap Lawrence Gonzi li hu kontra d-dħul tad-divorzju, ma jaħsibx li n-nies fl-Eżekuttiv tal-PN se jkollhom ikunu sempliċiment timbru? Ma jaqbilx. Imma jinsisti li l-Partit Nazzjonalista bilfors għandu jippronunzja ruħu favur jew kontra d-divorzju u m’hemmx lok li joqgħod jinħeba wara xi sentenza vaga. Sakemm qed nagħmlu l-intervista, il-PN kien għadu ma ħabbarx li nhar is-Sibt se jħabbar il-pożizzjoni jekk hux favur jew le.
“Miljun fil-mija. Hu dmir tagħna li ngħidu jekk il-PN jaqbilx jew le. Jien naħseb li l-pajjiż pjuttost maqsum fuq din il-kwistjoni imma l-PN aktar għandu x’jitlef jekk ma jiħux pożizzjoni dwar id-divorzju,” jgħid.
“Fil-Partit Nazzjonalista għandna reputazzjoni li kull meta kien hemm deċiżjonijiet ibsin dejjem ħadniehom kienu x’kienu, u hemm irridu naslu fuq din tad-divorzju. Kif qed naraha jien anke l-IVF u l-koabitazzjoni għandhom ikunu indirizzati u meħuda deċiżjoni dwarhom qabel l-elezzjoni ġenerali li jmiss.
“Jekk ikun hemm nuqqas ta’ deċiżjoni fuq dawn se jfisser nies li qed ibatu…” Sa ftit ġimgħat ilu f’għajnejn l-elettorat kellna sitwazzjoni fejn il-Partit Laburista kellu mexxej biż-żiemel tal-battalja f’idejh, id-divorzju.
Ġaladarba din se tkun indirizzata qabel l-elezzjoni ġenerali li jmiss, jaqbel li l-PN se jkun ġibed it-tapit minn taħt saqajn l-Oppożizzjoni?
B’rasu jagħmel sinjal li jaqbel.
Lura għall-argument favur id-divorzju jinsisti fuq tliet argumenti:
“Idealment iż-żwieġ għandu jkun għal dejjem imma hemm mijiet ta’ każi ġenwini ta’ nies u familji li qed ibatu. Mara ta’ 32 sena li telaqha r-raġel, m’għandhiex dritt li terġa’ tibda familja?
“U jien min jien biex inwaqqaf, inxekkel, l-iżvilupp ta’ ħaddieħor? It-tielet punt li importanti li wieħed iżomm quddiem għajnejh hu li d-divorzju mhux se jsolvi kollox. Nifhem li hemm grey areas imma għandna d-dmir li fuq bażi personali nneħħu l-bias u naslu għal dan l-eżami tal-kuxjenza. Jien għamiltu. Wara li ħsibt sew, jien favur id-divorzju.”
Ġenwinament, Karl Gouder jemmen li jkun żball jekk il-Partit Nazzjonalista jkanta l-istess innu tal-eks-Prim Ministru Eddie Fenech Adami bi kwotazzjonijiet bħal ‘Kristu kien kontra d-divorzju’ u oħrajn?
“Din tad-divorzju hi purament kwistjoni ċivili. Għandi rispett kbir lejn il-Knisja. Imma din hi proċedura ċivili u nagħmlu ħażin li ndaħħlu r-reliġjon fin-nofs,” jgħid mingħajr ma jipponta lejn ħadd.
“Il-Partit Nazzjonalista nemmen li qed jeħodha wkoll minn punt ċivili.”
Minkejja li ż-żagħżugħ mimli bl-enerġija, ftit li xejn jidher li hu t-tip li se joħloq kontroversji interni fil-partit meta xi ħaġa ma ddoqqlux għal widnejh jew ma jaqbilx magħha.
Se jibqa’ jħossu komdu fil-partit jekk dan jieħu pożizzjoni kontra d-divorzju li hu tant jemmen fih?
“Jien personalment inħoss li jekk il-PN joħroġ kontra d-divorzju xorta kont u nibqa’ naħdem fil-partit. Nifhem imma li hemm nies fil-partit li għalihom dan hu prinċipju. Nirrispettahom. Kulħadd għandu l-opinjoni tiegħu.”
Kif iħares lejn id-dikjarazzjoni tal-Ministru Austin Gatt li hedded li jirriżenja mill-Parlament jekk il-PN jippronunzja ruħu favur id-divorzju? Jekk il-PN jiddikjara li hu kontra d-divorzju, Karl Gouder jagħmel l-istess dikjarazzjoni?
“Ħadd mhu akbar mill-partit. Int tbaxxi rasek għad-deċiżjoni. Jekk tħoss li l-prinċipju hu akbar mid-deċiżjoni, twarrab.”
Imma dawn it-tip ta’ dikjarazzjonijiet huma ta’ intimidar jew li jimminaw lill-PN?
“Austin Gatt dejjem wera li hu leali ħafna lejn il-Partit Nazzjonalista. Il-ħsara kienet tkun li kieku rrikatta lill-partit billi qallu ‘jekk tgħid li favur id-divorzju nwaqqa’ l-Gvern…” jargumenta.
Allura Gouder jaqbel mat-teorija ta’ ħafna nies li Austin Gatt kellu biss paroli fil-vojt? Wara kollox dan hu l-istess Austin Gatt li ftit ġimgħat qabel tana l-aħbar li fl-elezzjoni ġenerali li jmiss mhux se jerġa’ jikkontesta.
L-argument ewlieni hu, billi jispiċċa sentejn qabel mill-Parlament, se jkun tilef jew ċaqlaq xi ħaġa?
“Sentejn huma ħafna fil-politika u nammirah lil Austin Gatt li għamel dik id-dikjarazzjoni.”
Jammirah?
“Nammirah imma m’għamiltx bħalu. Nammira l-fatt li għalih il-kwistjoni tad-divorzju hi waħda kbira,” jgħid Karl Gouder.
“Jien m’għamilthiex għax inħossni komdu kif jien. Jien min jien? Ilkoll għandna dawk il-prinċipji li ma niċċaqilqux dwarhom, akkost ta’ kollox…”
Nitolbu jagħtini eżempji.
Jinsisti li hemm ħafna imma jipponta subajgħ biss lejn l-abort, suġġett li fil-pajjiż hemm kunsens bejn il-partiti kollha kontra!
“Agħtini eżempju ieħor …”
“Jien naf … lest nirriżenja mill-Parlament fuq prinċipju ekonomiku,” u jispjega li hu favur ekonomija ħielsa u ma jimmaġina qatt li jaċċetta sitwazzjoni fejn il-Gvern jikkontrolla l-biegħa.
S’issa ma kien hemm l-ebda politiku Malti li ddikjara fil-miftuħ l-orjentazzjoni sesswali tiegħu bit-tama li jtaffi mill-istigma. Karl Gouder mexa kontra l-kurrent.
B’mod onest, għala għamilha?
“Jien ġej minn skola tal-Ġiżwiti. Dejjem tgħallimt li fil-ħajja kemm jista’ jkun trid tagħmel il-ġid, tirrispetta lil ta’ madwarek u tkun onest miegħek innifsek. Dan hu Karl Gouder u this is what I stand for,” jgħid b’determinazzjoni.
Fi kliemu, il-fatt li ħareġ fil-beraħ li hu gay ħareġ il-ġid.
“Jekk ma ħareġ xejn minnha, ġew nies li huma gay ukoll u qaluli ‘b’dak li għamilt tajtna xaqq ta’ dawl’. Il-fatt li jkun hemm imqar persuna waħda li rat li ħareġ il-ġid minn dak li qal diġà xi ħaġa pożittiva, il-fatt li kien hemm aktar, aħjar.
Ħafna gays Maltin raw fid-deputat Nazzjonalista żagħżugħ ispirazzjoni. Imma fil-verità meta niġu għall-ġlidiet ewlenin tagħhom, kif jaħsibha?
Karl Gouder jemmen li l-gays għandhom dritt jiżżewġu?
“Iva, kulħadd għandu jkollu drittijiet ugwali. Imma…”
U f’daqqa waħda tidħol l-imma.
“Tkun redikola niftaħ kwistjoni bħal din issa,” jinsisti. Fl-opinjoni tiegħu l-ewwel prijorità għandha tingħata lill-kwistjoni tad-divorzju, l-IVF u l-koabitazzjoni. Imbagħad, wara tqum id-diskussjoni fuq suġġetti oħra delikati. L-istess tweġiba quddiem il-mistoqsija ta’ jekk koppji gay għandhomx dritt jaddottaw tfal.
Kif jiddeskrivi lilu nnifsu Karl Gouder: konservattiv, moderat jew progressiv?
“Moderatissimu jien,” u jitbissem.”
“Ħriġt fil-politika għal raġuni waħda. Jien veru nemmen li l-politika hi l-aktar għodda b’saħħitha li ġġib id-differenza. Meta nidħol f’diskussjoni ħafna drabi tisma’, tgħarbel, imbagħad tasal għall-konklużjoni. Din ta’ konservattiv jew liberali ma nifhimhiex. Pragmatiku l-aħjar…l-oġġettività m’hemmx isbaħ minnha.”
Karl Gouder, Età: 31 sena
Professjoni: Assistent Direttur Informazzjoni Partit Nazzjonalista
Minn fejn int: San Ġiljan
L-aktar mument imbarazzanti: Konna f’post veru remot fil-muntanji fit-Tajlandja u l-jeep waqfet biex tgħabbi żewġ tfajliet. U lil sieħbi għidtlu: ‘Kemm huma koroh!’ Daret fuqi waħda mit-tfajliet u qatli bil-Malti: “Trid ngħidlek kemm int ikrah?”
L-aktar platt stramb li kilt: insetti mit-Tajlandja
“Iva, kulħadd għandu jkollu drittijiet ugwali. Imma…”
U f’daqqa waħda tidħol l-imma.
“Tkun redikola niftaħ kwistjoni bħal din issa,” jinsisti. Fl-opinjoni tiegħu l-ewwel prijorità għandha tingħata lill-kwistjoni tad-divorzju, l-IVF u l-koabitazzjoni. Imbagħad, wara tqum id-diskussjoni fuq suġġetti oħra delikati. L-istess tweġiba quddiem il-mistoqsija ta’ jekk koppji gay għandhomx dritt jaddottaw tfal.
Kif jiddeskrivi lilu nnifsu Karl Gouder: konservattiv, moderat jew progressiv?
“Moderatissimu jien,” u jitbissem.”
“Ħriġt fil-politika għal raġuni waħda. Jien veru nemmen li l-politika hi l-aktar għodda b’saħħitha li ġġib id-differenza. Meta nidħol f’diskussjoni ħafna drabi tisma’, tgħarbel, imbagħad tasal għall-konklużjoni. Din ta’ konservattiv jew liberali ma nifhimhiex. Pragmatiku l-aħjar…l-oġġettività m’hemmx isbaħ minnha.”
Karl Gouder, Età: 31 sena
Professjoni: Assistent Direttur Informazzjoni Partit Nazzjonalista
Minn fejn int: San Ġiljan
L-aktar mument imbarazzanti: Konna f’post veru remot fil-muntanji fit-Tajlandja u l-jeep waqfet biex tgħabbi żewġ tfajliet. U lil sieħbi għidtlu: ‘Kemm huma koroh!’ Daret fuqi waħda mit-tfajliet u qatli bil-Malti: “Trid ngħidlek kemm int ikrah?”
L-aktar platt stramb li kilt: insetti mit-Tajlandja
No comments:
Post a Comment