Iż-żwieġ bejn persuni tal-istess sess huwa realtà f'ħames pajjiżi Ewropej (il-Belġju, l-Olanda, il-Portugall, Spanja u l-Iżvezja). F'xi pajjiżi oħra, koppji omosesswali jistgħu jirrikoru għal sħubija ċivili (partnership). Iżda x'jiġri jekk dawn imorru jgħixu fi stat membru fejn dan id-dritt jiġi miċħud? Nhar it-Tlieta bil-lejl il-MPE saqsew 3 mistoqsiji orali lill-Kummissjoni dwar id-diskriminazzjoni ta' koppji tal-istess sess (miżżewġa jew f'unjoni ċivili), li "jistgħu jesperjenzaw sitwazzjonijiet ta' diskriminazzjoni diretta jew indiretta meta jaħdmu, jistudjaw jew jivvjaġġaw fl-UE".
Barra s-sitwazzjoni ta' diskriminazzjoni kontra koppji tal-istess sess saqsew fuq ir-rikonoxximent reċiproku ta' żwiġijiet u sħubiji ċivili, kif ukoll dwar qafas li fih jiġu rrispettati l-libertà tal-moviment u d-drittijiet LGBT.
Cornelis de Jong (GUE, NL), li ilu 21 sena f'relazzjoni rikonoxxotu fl-Olanda semma l-każ tiegħu: jekk hu hu l-partner imorru l-Polonja m'humiex legalment rikonoxxuti. Kompla jgħid li "meta nużaw il-libertà ta' moviment fl-UE nitilfu serje ta' drittijiet". Michael Cashman (S & D, UK), li ilu 27 sena fi sħubija ċivili qal li "jekk ikollna inċident waqt btala fl-Italja, il-partner tiegħi lanqas biss jingħata d-dritt bażiku li jiddeċiedi jekk, f'każ bħal dan, għandi nitħalla fuq il-makna tal-life support jew le". Hu sostna li "d-drittijiet miksuba f'pajjiż għandhom jiġu rispettati fl-ieħor".
Sophia in 't Veld (ALDE, NL) żiedet tgħid li "kull ċittadin Ewropew għandu jkollu l-istess drittijiet. Mhuwiex xogħol l-UE jew il-gvernijiet tal-istati membri biex jiġġudikaw relazzjonijiet personali" u jekk dan il-principju tal-liberta' jintuża għall-merkanzija aħseb u ara kemm għandu aktar jintuża għall-bnedmin.
Għall-Kummissarju Reding "huwa ċar li jekk inti għandekk id-dritt tiċċaqlaq liberament u tgħix liberament, għandu jkollok ukoll l-istess id-drittijiet ta' fejn tgħix fil-post fejn sejjer tgħix", għalkemm widdbet li hemm bżonn "navvanzaw b'kawtela" biex naslu f'punt fejn l-istati membri kollha "jaċċettaw ir-regoli ġenerali". Hi żiedet tgħid li din mhux kwistjoni ta' prinċipju biss imma wkoll kwistjoni li tolqot bosta nies fil-laħam il-ħajj.
Ir-reazzjonijiet tal-gruppi politiċi: qbil, imma qbil b'kawtela...
Skont Salvatore Iacolino (PPE, IT) "xi pożizzjonijiet fundamentali għandhom ikunu garantiti, għaliex jappartjenu għall-isfera intima u personali tal-persuna u b'hekk għandhom jiġu rrispettati", biss "irridu inqisu l-kunċett ta' familja li għalina hu mudell ta' familja naturali: b'missier, omm u l-prokreazzjoni, imqabbel ma' mudell li aħna ovvjament nirrispettaw, iżda li mhuwiex il-mudell prevalenti illum fl-Unjoni Ewropea".
Monika Beňová Flašíková (għal PSE, SK) qalet li hawnhekk mhux qed nitkellmu fuq xi "imposizzjoni fuq l-istati membri, iżda dwar tolleranza".
Sarah Ludford (ALDE, UK) qalet li hemm "prinċipji mill-isbaħ fit-trattati u l-istrumenti legali ta' l-UE għan-non-diskriminazzjoni, ugwaljanza, drittijiet tal-minoranzi, id-dinjità tal-bniedem, id-dritt għall-ħajja tal-familja, u naturalment id-dritt tal-moviment ħieles" iżda sostniet li r-regoli "għandhom jiġu emendati sabiex titneħħa is-semi-diskrezzjoni li l-istati membri għandhom biex jiddiskriminaw kontra koppji tal-istess sess u meta l-konjuġi jġorru minn Stat Membru għal ieħor". Skont Ulrike Lunacek (Greens, AT) "għandna l-inkwiet meta nisimgħu li r-rikonoxximent irid ikun gradwali... f'kull pajjiż iċ-ċittadini huma aktar avvanzati li l-gvernijiet tagħhom".
Konrad Szymansky (CRE, PL) ma qabilx, u qal li "xi pajjiżi ma jirrikonoxxux koppji omosesswali, u għandhom id-dritt li jagħmlu dan".
Viviane Reding ikkonkludiet billi qalet li "il-liġi hi ċara ħafna - jekk inti fi żwieġ legalment rikonoxxut ġo pajjiż, għandek id-dritt - u dan huwa dritt fundamentali - li tieħu dan l-istatus u l-status tal-partner tiegħek għat-tieni pajjiż".
No comments:
Post a Comment