21:18 | 18.09.2012
Bit-tieni diskussjoni fil-kungress tal-Partit Laburista llum tkun dwar iktar drittijiet ċivili ħafna kienu qegħdin jistennew l-intervent tal-koordinatur tal-Malta Gay Rights Movement, Gabi Calleja. Iżda, Calleja tkellmet fl-ewwel diskussjoni, dik dwar il-familja. Il-preżenza ta’ Calleja f’din il-laqgħa tista’ tfisser ħafna fid-dawl tad-dibattitu li qam dan l-aħħar f’pajjiżna dwar jekk koppja gay hijiex familja jew le.
Fl-intervent tagħha Calleja tkellmet dwar persuni ħbieb tagħha li kellhom imorru jiżżewġu l-Portugall għax dan il-pajjiż jaċċetta li jżewweġ persuni gay anke jekk ma jkunux residenti hemm.
“Dawn ukoll qegħdin jagħmlu pass ta’ impenn u dan huwa ta’ valur għas-soċjetà,” qalet Calleja li tkellmet dwar il-ħtieġa li ulied minn koppji gay ikollhom l-istess drittijiet ta’ tfal oħra. “Mhux iktar imma l-istess drittijiet,” qalet Calleja għall-approvazzjoni ta’ dawk preżenti.
Dwar il-mod kif inbidlet il-familja tkellmu wkoll persuni oħra. Fosthom Carmen Fearne li tkellmet dwar kif is-servizzi jridu jaqdu lill-familja kollha. “Qabel kellna familja tradizzjonali u llum għandna familji differenti li rridu naħsbu fihom ukoll,” qalet Fearne li saħqet li l-familja hi dinamika u tinbidel maż-żmien.
Aġġornat, Intervent Fr Saviour Grima
Intervjena wkoll id-direttur tal-Millenium Chapel Fr Saviour Grima. Hu tkellem dwar l-importanza tal-edukazzjoni u spjega kif fl-iskejjel l-aktar importanti huwa "kif ngħixu llum u għada ma jimpurtax." Għalhekk saħaq dwar l-importanza ta’ iktar enfasi fuq il-valuri u ta’ tagħlim dwar kif wieħed iqassam il-baġits tiegħu u jrabbi. Fiehem kif hu jiltaqa’ ma familji f’riskju ta’ faqar għax ma jafux kif iqassmu flushom. Hawn tkellem ukoll dwar l-irwol tal-Kunsilli Lokali. Insista li dawn għandhom jingħataw rwol ġdid li jmur lil hinn mit-toroq. Saħaq li l-ewwel rwol tagħhom huwa li jieħdu ħsieb il-komunità u qal li dawn jistgħu jagħmluh permezz ta’ ċentri ta’ edukazzjoni u ċentri għall-familji.
Qal li r-realtà turi wkoll kif jeżistu familji li lanqas kmamar tal-banju m‘għandhom jew jorqdu seba’ persuni f’kamra tas-sodda. Filwaqt li kompla jsemmi nuqqasijiet oħra tkellem dwar il-bżonn ta’ iktar persuni li jaħdmu magħhom u rrimarka kif ħafna xogħol qiegħed isir mill-NGOs.
Id-diskussjoni dwar d-drittijiet ċivili ffokat dwar il-ħtieġa ta’ iktar drittijiet ċivili ġodda bil-ħsieb ewlieni jkun li l-gvern m’għandux jindaħal fil-ħajja personali tal-individwi.
Is-Segretarju tal-Eżekuttiv tal-Partit Laburista Lydia Abela qalet li llum tinħass il-karba biex il-Gvern ma jindaħalx fl-għażliet personali tan-nies. “Anzi il-Gvern għandu jkun hemm biex jilleġiżla u jassigura li d-drittijiet tan-nies jiġu mħarsa, biex il-familji jkunu fiċ-ċentru tal-politika soċjali, ikollna rispett għad-diversita’, niksbu ugwaljanza bejn nisa u rġiel,” qalet Abela. Hi saħqet li l-Partit Laburista huwa partit sekulari li jemmen b’separazzjoni bejn stat u knisja. “Hemm distinzjoni bejn dik li tissejjaħ moralità pubblika u moralità reliġjuża. Hi l-moralità pubblika li ġġib l-ordni pubbliku.... irridu nkunu lesti li niftħu l-bibien lil dawk kollha li jemmnu fil-libertajiet ċivili,” qalet Abela.
Hija żiedet titkellem dwar kif illum jeżistu diversi forom ta’ familji. “Fil-liġi Maltija m’għandniex definizzjoni ta’ familja. U allura min se jagħtina id-definizzjoni ta’ familja? U biex nirrispondu għal din id-domanda irridu nesponu x’inhuma l-aspirazzjonijiet u l-isfidi tal-ġenerazzjonijiet iż-żgħar tagħna fejn tidħol il-familja. U l-ebda politikant ma jista’ jgħidilna hu x’inhi familja. L-ebda politikant ma jista jgħidilina, wara li jkun ippreżenta abbozz ta’ liġi dwar il-koabitazzjoni, li relazzjoni bejn koppja ta’ l-istess sess mhumiex familja,” saħqet Abela.
No comments:
Post a Comment