http://www.inewsmalta.com/dart/20120914-il-valur-tal-ugwaljanza
16:14 | 14.09.2012 minn Cyrus Engerer
Ħadt gost meta qrajt li l-parlament taż-żgħażagħ approva mozzjoni favur l-ugwaljanza fiż-żwieġ. Jawgura tajjeb ħafna għal futur u juri li għandna s-sezzjoni żagħżugħa tas-soċjetà tagħna li hi miftuħa sew għad-diversità u temmen li kull individwu għandu jkollu l-istess drittijiet u opportunitajiet daqs kull individwu ieħor.
Meta ftit ġimgħat ilu rċevejt e-mail mingħand Oriana Farrugia, li kienet il-mexxejja ta' wieħed miż-żewġ partiti fil-parlament taż-żgħażagħ, u talbitni niltaqa' mal-grupp li kienet qed tmexxi, aċċettajt bil-qalb kollha li ngħidilhom x'naħseb dwar diversi temi. Peró,kienet esperjenza isbaħ meta bdejt nisma' dak li jaħsbu fuqu huma. Tkellimna fuq l-ugwaljanza fiż-żwieġ, l-IVF, l-ifriżar tal-embrijuni, d-donazzjoni ta' gameti, l-adozzjoni ta' embrijuni u l-adozzjoni u l-fostering tat-tfal. Kellna laqgħa fejn l-għan prinċipali tiegħi kien li nisfida l-prekonċetti li ħafna minnha jkollna f'moħħna.
L-esperjenza ma dawn iż-żgħażagħ kompliet tikkonfermali kemm għandna politiċi li huma maqtugħin mir-realtajiet tas-soċjetà tagħna. Politiċi li ħafna drabi jqattgħu l-maġġoranza tal-ħin tagħhom magħluqin f'uffiċċju jippjanaw attakk ġdid fuq l-aversarji tagħhom.
X'ironija meta tisma' l-Prim Ministru ta' pajjiżek jitkellem fuq l-importanza tal-valuri quddiem laqgħa ta' Membri Parlamentari Ewropej mill-partit konservattivi, imbagħad lura f'pajjiżu jiċħad l-ugwaljanza, ma jagħtix l-istess opportunitajiet lil kulħadd u jħalli l-partit tiegħu jħaddem kampanji ta' attakki fuq individwu wara ieħor li ma jaqbilx mal-politika tiegħu. Valuri? Paroli!
No comments:
Post a Comment