Thursday, 13 September 2012

It-Torċa: Liġi tal-koabitazzjoni: Mistennija talba biex isir abbozz ġdid

http://www.torca.com.mt/FullArticle.php?ID1='Ahbarijiet'&ID2=42833
9.8.12  minn Joseph Farrugia


Il-gvern mistenni jkun ippreżentat bi proposta mill-għaqdiet li jirrapreżentaw l-omosesswali biex l-abbozz tal-liġi tal-koabitazzjoni jsir mill-ġdid. Huma mistennija jżidu l-pressjoni tagħhom biex jingħataw trattament ugwali b’din il-liġi billi anke hemm suġġerit li jsir ‘sit in’ barra l-parlament meta tkun qegħda tkun diskussa din il-liġi.

Lejn l-aħħar tax-xahar li għadda l-Gvern ħabbar l-abbozz tal-liġi tal-koabitazzjoni, liġi li kienet ilha mwegħda u mpoġġija fuq l-ixkaffa sa mill-1998.

Il-liġi kif proposta mill-Gvern iddiżappuntat lill-għaqdiet tal-omosesswali li wara ħafna diskussjonijiet li kellhom mal-awtoritajiet bi tħejjija għal dan l-abbozz, stennew li jingħataw l-ugwaljanza daqs koppji ta’ sess differenti u l-livell tad-drittijiet tagħhom ikun ’il fuq minn bażiku ta’ koabitazzjoni.
Matul il-ġimgħa li għaddiet, il-Malta Gay Rights Movement organizza laqgħa ta’ diskussjoni għal għaqdiet u individwi li xtaqu jiddiskutu dan l-abbozz u jressqu l-proposti tagħhom.
Mid-diskussjoni deher ċar li l-omosesswali f’Malta huma diżappuntati, tant li qegħdin jiddeskrivu dan l-abbozz bħala falliment.
Żewġ għaqdiet li jippromwovu d-drittijiet tal-omosesswali f’Malta, l-MGRM u l-Fondazzjoni Aditus, kienu minn ta’ quddiem li semmgħu leħinhom fuq dan l-abbozz u wrew in-nuqqas ta’ qbil tagħhom kif hija mfassla.
Ikkuntattjati mit-TORĊA dawn iż-żewġ għaqdiet qalu li l-abbozz ma jirriflettix il-forom legali li huma kienu ilhom ix-xhur jiddiskutu mal-Gvern biex ikunu rikonoxxuti relazzjonijiet tal-istess sess. Huma qalu li minkejja din il-liġi hija għodda biex ikunu rikonoxxuti l-koppji tal-istess sess, il-liġi ma tagħmel xejn biex tbiddel is-sitwazzjoni preżenti għax id-drittijiet ipprovduti fil-liġi tal-koabitazzjoni kienu diġà aċċessibbli għal kull persuna.
Iż-żewġ għaqdiet qegħdin igħidu wkoll li l-liġi mhix aċċettabbli għax ma toffri ebda dinjità lill-koppji tal-istess sess u lanqas l-ugwaljanza li jgawdu koppji fiż-żwieġ.
Fost il-proposti mressqa fil-laqgħa kien hemm li titressaq proposta lill-Gvern biex il-liġi ssir mill-ġdid u tagħti dinjità u ugwaljanza lill-koppji omosesswali kif ukoll tressqet proposta li jsiru diversi forom ta’ pressjoni biex il-Gvern jagħti każ is-suġġerimenti tagħhom fosthom li jsir ‘sit in’ barra l-parlament meta tkun diskussa l-liġi.
It-TORĊA tkellmet ukoll ma’ Silvan Agius, policy director ta’ ILGA-Europe, fejn mitlub jikkummenta fuq l-abbozz, li qal li filwaqt li huwa pożittiv li l-gvern qiegħed jindirizza l-bżonn ta’ rikonoxximent ta’ koppji tal-istess sess bħala xi ħaġa pożittiva, madankollu huwa ċar li l-proposta kif inhi mressqa ma tilħaqx il-bżonnijiet tal-koppji omosesswali u lesbjani bħalma diġà elenkaw b’mod dettaljat l-MGRM u l-Fondazzjoni Aditus. Huwa qal li għaldaqstant l-ILGA Europe tisħaq li huwa bżonnjuż li l-Gvern Malti jindirizza l-kwistjonijiet diversi li qajmu dawn l-għaqdiet qabel jitkompla l-proċess lejn l-adozzjoni tal-abbozz ta’ liġi.
L-MGRM, li kien il-koordinatur tal-laqgħa, ħa nota tas-suġġerimenti u proposti. Fil-laqgħa ma ttieħdet ebda deċiżjoni u l-MGRM se jevalwa s-sitwazzjoni u flimkien ma’ għaqdiet oħrajn jara kif se jfassal l-aħjar strateġija.

No comments:

Post a Comment