20.9.12
Il-Prim Ministru Lawrence Gonzi lbieraħ kellu l-aħħar laqgħa ta’ diskussjoni taħt it-tinda bħala parti miċ-ċelebrazzjonijiet tal-festa tal-Indipendenza qabel il-mass meeting tal-lejla.
Il-Prim Ministru Lawrence Gonzi lbieraħ kellu l-aħħar laqgħa ta’ diskussjoni taħt it-tinda bħala parti miċ-ċelebrazzjonijiet tal-festa tal-Indipendenza qabel il-mass meeting tal-lejla.
Kif kien mistenni għad-diskussjoni tal-lum kien hemm aktar nies milli kien hemm f’dawn l-aħħar jiem. Il-mistoqsijiet tal-lum għamluhom il-ġurnalisti Charlo Gouder minn ONE News, Kurt Sansone mit-Times of Malta u Matthew Vella mill-Maltatoday.
Meta l-Prim Ministru kien mistoqsi minn Kurt Sansone dwar il-liġi tal-koabitazzjoni, u jekk il-PN hux se jdaħħal id-dritt taż-żwieġ għall-persuni tal-istess sess, instema’ bbujjar kbir ġej minn dawk preżenti taħt it-tinda.
Il-Kap tal-PN filwaqt li talab lil dawk preżenti biex ikunu aktar sensittivi għall-emozzjonijiet u s-sentimenti ta’ kulħadd qal li ż-żwieġ huwa bejn mara u raġel. Din ir-risposta kienet milqugħa minn ħafna ċapċip fost l-udjenza preżenti.
Meta kien qiegħed iwieġeb il-mistoqsija ta’ Charlo Gouder fuq l-inċertezza fil-pajjiż minħabba l-instabbilità tal-Partit Nazzjonalista, Gonzi qal li l-problemi interni fil-Partit Nazzjonalista huma fatt li ma jistax jaħrab minnu. “Għexna din ir-realtà għal erba’ snin sħaħ, il-leġiżlatura kważi lesta, il-maltemp kollu affaċjanih, il-baġits kollha għaddejnihom, il-postijiet tax-xogħol ħloqnihom, pajjiżna baqa’ pajjiż stabbli u ġibna r-riżultati u d-deċiżjonijiet li kellna nieħdu ħadnihom,” żied Gonzi.
Għalkemm it-tliet ġurnalisti għamlu referenza għad-diżgwid intern li ħolqu fil-Partit Nazzjonalista d-deputat Nazzjonalista Franco Debono u d-deputat illum indipendenti Jeffrey Pullicino Orlando, Lawrence Gonzi għalkemm ammetta li kien hemm diżgwid intern qatt ma rrefera għal dawn id-deputati b’isimhom.
“Iva kien hemm diżgwid, għal kważi ħames snin, imma allavolja kien hawn dan id-diżgwid u kellna maltemp minn barra u minn ġewwa araw ir-riżultati li ġibna avolja kien hemm dak il-maltemp, id-defiċit qiegħed taħt it-3 fil-mija, ir-rata ta’ qgħad f’Malta hija fost l-aħjar ħamsa fl-Unjoni Ewropea, is-servizzi soċjali huma fost l-aqwa, l-edukazzjoni kienet b’xejn, għadha b’xejn u tibqa’ b’xejn. F’ħames snin investejna l-miljuni, filwaqt li għal erba’ snin wara xulxin ksibna rekord wara ieħor fit-turiżmu. Jekk għamilna dan kollu fil-maltemp, aħseb u ara x’nistgħu nagħmlu fil-bnazzi,” rrisponda l-Prim Ministru.
B’referenza għad-domanda tal-ġurnalist tat-Times dwar jekk il-Prim Ministru hux lest li jissagrifika lill-Ministru Joe Cassar ukoll f’din il-leġiżlatura, Gonzi qal li l-Ministru Cassar m’għandux bżonn ċertifikati. Is-sistema tas-saħħa li hija mudell għall-bqija tal-pajjiżi hija prova biżżejjed.
Il-Kap tal-PN irringrazzja lill-eks-Ministru Carmelo Mifsud Bonnici u lil Richard Cachia Caruana għax-xogħol li għamlu għal Malta filwaqt li qal li hu għandu, kellu u jibqa’ jkollu fiduċja fihom.
“Fuq il-mistoqsija ta’ mozzjoni oħra, jekk inkun iffaċċjat b’mozzjoni oħra, meta jasal il-mument ngħidlek,” qal Gonzi lill-ġurnalist tat-Times.
Għall-mistoqsija tal-ġurnalist ta’ ONE News jekk kienx hemm deċiżjonijiet tul din il-leġiżlatura li jidispjaċih li ħa, il-Prim Ministru qal li ma jiddispjaċihx jara lill-pajjiż miexi ’l quddiem. “Kieku kelli nreġġa l-arloġġ lura, kieku waqa’ u kiser siequ,” qal Gonzi fost l-għajat u ċ-ċapċip tal-folla preżenti.
Il-Kap tal-PN qal li l-maturità politika hija avvanzata f’Malta u li hi baħar differenti minn kif kienet issir taħt gvernijiet Laburisti. “Illum tajna iżjed drittijiet, imxejna ħafna, xtaqt li nimxu iżjed jekk Alla jrid nimxu iżjed f’leġiżlatura oħra,” kompla Gonzi.
Il-Prim Ministru spiċċa d-diskussjoni tal-lum b’messaġġ lill-kandidati Nazzjonalisti għall-elezzjoni li jmiss fejn qalilhom biex ikomplu jaħdmu flimkien u biex jgħaddu l-messaġġ li l-PN qiegħed hemm biex iservi lill-poplu.
No comments:
Post a Comment