Monday, 3 September 2012

iNews Malta: Liġi tal-Koabitazzjoni (1)

http://inewsmalta.com/dart/20120829-li-tal-koabitazzjoni
07:58 | 29.08.2012 minn Cyrus Engerer

Għandna Gvern GonziPN konservattiv. GonziPN li jżomm l-istatus quo. GonziPN li għalih xi nies għandu jkollhom iktar drittijiet minn oħrajn. Mhux kulħadd hu l-istess għal GonziPN. GonziPN ma jistmax lil kulħadd bl-istess mod. Int min int, int x’temmen u int minn min tiġi, jagħmlu differenza għal GonziPN.

Ir-riżultat tar-referendum dwar id-divorzju wera lill-GonziPN li l-maġġoranza tan-nies huma progressivi. Il-maġġoranza tan-nies jemmnu fil-politika progressiva tal-mexxej Laburista Joseph Muscat. Kien xokk fl-istamperija! Wera li l-poplu Malti irid distinzzjoni ċara bejn Knisja u Stat. Wera wkoll li l-poplu Malti jemmen li kull individwu u kull familja għandhom dritt għal ħajja privata tal-familja tagħhom. Fuq kollox, wera li kull indivdwu għandu dritt jibni l-familja tiegħu. Wara kollox, dawn kollha huma drittijiet fundamentali tal-bniedem, li Malta ffirmat favurihom.

Wara li ħa t-timbru ta’ konservattiv, għaliex hekk hu, il-Gvern GonziPN ipprova jbiddel ir-rotta. Ried juri li hu m’għadux konservattiv. L-istrateġija kienet li jippublika żewġ liġijiet (dik suppost dwar l-IVF u dik dwar il-koabitazzjoni) biex juri maskra progressiva. Imma kulma hi maskra, u wieħed biex jinduna b’dan, kulma għandu jagħmel hu li jaqra l-liġijiet li ġew proposti. X’ħasbu? Li nies mhux se jaqraw il-liġijiet? Ħasbu li billi jippublikaw ftit faċċatti, in-nies ħa tbiddel fhemitha dwar dan il-Gvern?

Issa l-Gvern ried jagħmel liġi għal gays, jaħasra. Il-gays ilhom jgħidu li jixtiequ li jiġu meqjusa daqs ħaddieħor. Imma GonziPN ma jemminx fl-ugwaljanza tad-drittijiet għal koppji tal-istess sess u l-familji tagħhom. Is-soluzzjoni għal GonziPN kienet li jipproponi liġi tal-koabitazzjoni, ħalli l-gays jemmnu li qegħdin jiġu rrikonoxuti. X’qerq!

Fil-ġimgħat li għaddew diġà ktibt dwar x’naħseb mill-liġi tal-‘IVF’ (imsemmija minn GonziPN liġi li tipproteġi l-embrijuni). Fil-jiem li ġejjin se nkun qiegħed nerġa' nikteb fit-dettal dwar dan, però qabel, fil-jiem li ġejjin ukoll, se nikteb żewg blogs dettaljati dwar il-liġi tal-koabitazzjoni…

No comments:

Post a Comment