Thursday, 20 September 2012

It-Torċa: Wara li vvotaw favur iż-żwieġ bejn l-omosesswali...“Irridu nagħtu kas iż-żgħażagħ, il-mexxejja ta’ għada...”

http://www.torca.com.mt/FullArticle.php?ID1='Ahbarijiet'&ID2=42894
16.9.12 minn Joseph Farrugia

“Iż-żgħażagħ minn dejjem kienu kritiċi u progressivi fil-ħsibijiet tagħhom u minħabba l-aċċess għal kuntatt ikbar ma’ barra minn Malta allura forsi ċerti bidliet fis-soċjetà Maltija huma radikali u f’daqqa. Iżda ż-żgħażagħ huma l-mexxejja ta’ għada u dawk li se jkunu qegħdin jagħmlu d-deċiżjonijiet u rridu nagħtu kashom u nisimgħu x’qegħdin jgħidu imma naġixxu fuq l-aspirazzjonijiet u l-mod kif qegħdin jinterpretaw il-ħajja tagħhom.”

Dan stqarru s-‘senior lecturer’ fl-Università ta’ Malta, Andrew Azzopardi meta mitlub jikkummenta mit-TORĊA dwar ir-riżoluzzjoni favur żwieġ bejn persuni tal-istess sess approvata fil-Parlament miż-żgħażagħ matul il-ġimgħa li għaddiet.

Fil-Parlament Nazzjonali taż-Żgħażagħ ħadu sehem żgħażagħ bejn it-18 u t-30 sena. Dawn qablu li persuni tal-istess sess jiżżewġu u anke jadottaw it-tfal. Qalu wkoll li ladarba l-individwi jħallsu t-taxxi bħal ħaddieħor, allura għandhom ikollhom l-istess drittijiet ugwali ta’ ċittadini oħrajn.

Biex il-bidla ma tkunx radi-kali u f’daqqa li tista’ taħsad lis-soċjetà, qalu li l-gvern jista’ jintroduċi ‘civil union’ li tinkludi d-dritt għaż-żwieġ kif ukoll tal-adozzjoni tat-tfal. Azzopardi qal ukoll li jixtieq jara l-Parlament taż-Żgħażagħ attiv matul is-sena kollha fejn iż-żgħażagħ u t-tfal tingħatalhom pjattafoma oħra fejn jistgħu jagħrblu l-ħsibijiet u l-ideat tagħhom.

Riċentament il-Gvern introduċa l-abbozz tal-liġi tal-koabitazzjoni, liġi li ilha mwegħda u mpoġġija fuq l-ixkaffa sa mill-1998. Iżda dan l-abbozz ġab reazzjoni negattiva mill-għaqdiet tal-persuni omosesswali fejn wara diskussjonijiet mal-awtoritajiet stennew li jingħataw l-ugwal-janza daqs koppji ta’ sess dif-ferenti u l-livell tad-drittijiet tagħhom ikun ’il fuq minn dak bażiku ta’ koabitazzjoni.

Għaldaqstant il-ħsieb taż-żgħażagħ li ħadu sehem fil-parlament matul din il-ġimgħa jikkuntrasta bil-kbir mal-ħsieb tal-gvern li jrid jilleġiżla.

Każ bħal dan għaddejna minnu fir-referendum tad-divorzju. 

Mistoqsi dwar din is-sit-wazzjoni, Azzopardi, qal: “Iż-żgħażagħ minn dejjem huma aktar liberali u b’ideat ġodda mill-adulti. F’kull era ż-żgħażagħ kienu progressivi u avventurużi fil-ħsieb tagħhom iżda naturalment dejjem bil-kejl taż-żmien li jkunu qegħdin jgħixu fih.

“Issa li ġara naħseb li d-divorzju fetaħ ħafna iktar il-bieb għal dibattiti nieqsa mill-biża’ u allura neħħa t-tabù dwar kif konna naħsbu fuq ir-relazzjonijiet u l-forom differenti ta’ familja.

“Minbarra hekk l-aċċessib-bilità għal kuntatti ikbar ma’ barra minn Malta wasslu biex iż-żgħażagħ Maltin ikunu nfluwenzati u għalhekk mhux bilfors il-mentalità tibqa’ wisq Maltija.”

Mistoqsi dwar il-liġi tal-koabitazzjoni, Azzopardi qal: “Forsi ngħatat ftit importanza żżejjed iżda ftit li xejn se taf-fettwa lil xi ħadd. Biex inkunu onesti wkoll diffiċli tkun definita x’inhi l-familja għax il-gvern għad m’għandux de-finizzjoni uffiċjali ta’ familja.”

Azzopardi qal: “Imma huwa importanti li kull gvern qabel jilleġiżla irid jisma’ x’qiegħda tgħid il-komunità u naturalment fil-każ taż-żgħażagħ, li huma mexxejja ta’ għada, iridu jingħataw widen u piż għal dak li jkunu qegħdin jgħidu.

“Dejjem imma naturalment irid jinstab bilanċ bejn ir-realtajiet soċjali, il-valuri u t-tibdil li jkun qed iseħħ.”

No comments:

Post a Comment