15:55 | 09.09.2012 minn Cyrus Engerer
F’blog preċedenti tkellimt dwar ir-raġunijiet għalfejn GonziPN ħarġu b’leġislazzjoni dwar il-koabitazzjoni u għaliex din ma tagħmilx sens.
L-ikbar żball tal-liġi hu li hi sempliċiment immirata lejn koppji tal-istess sess u mhux neċessarjament għal persuni li jikkoabitaw. Ma kienetx sorpriża għal ħadd, ħlief għal GonziPN peress li maqtugħin mir-realtà, li kull organizzazzjoni li titkellem dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-drittijiet ta’ persuni LGBT ħarġet kontra din il-liġi.
Illum iddecidejt li nikteb dwar ir-raġunijiet għall-kritika ta’din il-liġi.
- Kif għidt darb’ oħra, liġi tal-koabitazzjoni normalment tirregola nies li jgħixu taħt l-istess saqaf u li mhux neccesarjament qegħdin f’relazzjoni intima ma xulxin. Il-liġi ta’ GonziPN tapplika biss għal koppji li qegħdin f’relazzjoni.
- Il-liġi ta’ GonziPN tgħid li koppji tal-istess sess m'humiex familja. Il-Qorti Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem, fil-każ Schalk & Kopf v Austria ddeċidiet li kull koppja għandha titqies familja, irrispettivament mill-ġeneru jew l-orjentazzjoni sesswali tal-individwi. Iddeċidiet ukoll li Artiklu 8 tal-Konvenzjoni tad-Drittjiet tal-Bniedem dwar id-dritt għal ħajja privata u dik tal-familja għandu japplika għal kull tip ta’ familja, inkluż familji LGBT.
- Koppji fejn wieħed mill-indivdiwi mhux ċittadin Ewropew mhux se jkunu rikonnoxuti mil-liġi ta’ GonziPN. Għadlaqstant, il-persuna li ma tkunx Ewropea, fil-koppja, ma jkolliex id-dritt ta’ residenza f’Malta. Dan minkejja li l-Kummissjoni Ewropea diġà qalet lil Gvern li dan imur kontra d-Direttiva tal-Moviment Ħieles tal-persuni, prinċipju fundamentali li fuqu mibnija l-Unjoni Ewropea. Bħala risposta, il-Ministru tal-Ġustizzja qabel il-vot ta’ sfiducja, Carm Mifsud Bonnici, qal li dawn il-familji ‘jmorru kontra l-politika tal-Gvern Malti’.
- Il-liġi ta’ GonziPN titratta familji LGBT b’mod different minn familji oħrajn u ma twaqqafx lill-istat jew kumpaniji privati milli jiddiskriminaw kontrihom meta jużaw jew jixtru servizzi.
Mill-lat tal-iStat pereżempju, familji LGBT ma jistgħux iħallsu t-taxxa flimkien bħala koppja, ma jistgħux japplikaw għal benefiċċji soċjali li familji oħrajn għandhom dritt għalihom u jiġu mċaħħda mill-leave speċjali li koppji oħrajn igawdu minnhom fuq il-post tax-xogħol.
Intant, minn kumpaniji privati pereżempju, individwi fil-koppja ma jistgħux jittrasferixxu lil xulxin in-‘No Claims Discount’ fil-każ tal-assigurazzjoni tal-vetturi tagħhom, ma jistgħux jagħmlu assigurazzjoni fuq il-ħajja bħala koppja u għalhekk iħalsu rati ogħla u ħafna drabi jiġu mċaħħda milli jgawdu minn rati orħos f’gym għax ma jistgħux japplikaw bħala koppja miżżewġa, fost ħafna eżempji oħrajn.
- It-tfal li jiġu addotati jew mwielda b’mod naturali mill-individwi fi ħdan il-koppja ma jkunux it-tfal tal-koppja iżda ta’ indiviwu wieħed biss fil-koppja. Sitwazzjoni li mhix fl-aħjar interess tat-tfal anke skont id-Dikjarazzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal.
- Il-liġi ta’ GonziPN mhux ċara dwar min jista’ jirreġistra il-koabitazzjoni tiegħu. F’partijiet titkellem dwar koppji li jkunu ilhom jgħixu sentejn flimkien f’każ li jkollhom it-tfal u tiddiskrimina għal mill-inqas ħames snin meta il-koppja ma jkolliex tfal. Però, jidher li hemm każi fejn dan id-dewmien jista’ ma japplikax. Min-naħa l-oħra koppja li tkun trid tiżewweġ ma għandiex il-kriterju li trid tkun għexet flimkien qabel ma din tkun tista’ tiżżewweġ.
- Il-liġi ta’ GonziPN tistipola wkoll li koppja li tkun se tirreġistra l-koabitazzjoni tagħha trid tgħaddi minn pariri legali kemm fuq bażi individwali, kif ukol bħala koppja. Kriterju li għan-nies li jagħżlu ż-żwieġ ma jeżistix.
Hu ċar li GonziPN permezz ta’ din il-liġi se jkun qiegħed jistituzzjonalizza d-diskriminazzjoni bejn il-familji. Qiegħed joħloq sistema li fiha jkun hemm familji tal-ewwel u familji tat-tieni klassi. Għal GonziPN, dawn il-famlji u l-impenn ta’ l-individwi f’dawn il-koppji għandu valur inqas minn ta’ familji u koppji oħrajn. Tant hu hekk, li ħoloq sistema ġdida li sejjaħ koabitazzjoni flok mar għal dak li joffri lil ħaddieħor u li diversi pajjiżi madwar id-dinja qegħdin joffru.
Kif qalet l-MGRM, il-minimu aċċettabli għal kull koppja u familja LGBT hu li tingħata l-istess drittijiet ta’ koppji miżżewġa permezz ta’ liġi dwar Unjoni Ċivili. L-istess proposta li l-mexxej Laburista Joseph Muscat ilu jitkellem dwarha kemm f’attivitajiet politiċi, kif ukoll fil-Parlament.
No comments:
Post a Comment