Thursday, 20 September 2012

L-Orizzont: Il-kriminalità fl-Unjoni Ewropea - Direttiva ġdida għall-protezzjoni tal-vittmi

http://www.orizzont.com.mt/FullArticle.php?ID1='Ahbarijiet'&ID2=95717
15.9.2012 minn Sammy Sammut

Il-Parlament Ewropew app­rova direttiva ġdida li tistabbilixxi standards minimi dwar id-drittijiet, l-appoġġ u l-protezzjoni tal-vittmi tal-kriminalità. B’mod notevoli, hekk kif tidħol fis-seħħ, din il-liġi se tkun qiegħda tipp­rovdi għajnuna u protezzjoni speċifika lil dawk il-persuni li jisfgħu vittmi ta’ xi reat kriminali minħabba l-orjentazzjoni sesswali, l-identità tal-ġeneru jew l-espressjoni tal-ġeneru tagħhom. Din hi l-ewwel darba li liġi tal-UE ssemmi b’mod speċifiku l-espressjoni tal-ġeneru. 


Kull sena, fl-UE ikun hemm madwar 75 miljun per­suna li jisfgħu vittmi ta’ reati kriminali. B’din il-le­ġiżlazzjoni, approvata b’611-il vot favur, disgħa kontra u 13-il astensjoni, qed ikun ikkonfermat li l-vittmi kollha ta’ vjolenza jew reati oħrajn kriminali se jkollhom l-istess drittijiet bażi­ċi fl-istati membri kollha tal-Unjoni Ewropea, inkluż valutazzjoni tal-ħtiġijiet speċifiċi tagħhom.

L-għan prinċipali ta’ din id-direttiva l-ġdida huwa li jkun assigurat li jkun x’ikun ir-reat – bħal serq, attakk fiżiku, stup­ru, ‘mugging’, attakk terroristiku, traffikar ta’ bnedmin, fastidju sesswali jew reat ta’ mibgħeda – u jsiru fejn isir fl-UE, il-vittmi kollha jkollhom l-istess drittijiet bażiċi fi proċeduri kriminali, waqt li jkunu trattati b’rispett u dinjità u jkollhom aċċess għal servizzi ta’ appoġġ għall-vittmi, għall-ħaqq, kif ukoll għal kumpens xieraq.

Is-servizzi ta’ appoġġ speċjalizzat għandhom ikunu bbażati fuq approċċ integrat u mmirat li b’mod partikolari għandu jqis il-ħtiġijiet speċifiċi tal-vittmi u għandu jin­għata mal-ewwel opportunità possibbli. Skont il-karatteristiċi personali ta’ dak li jkun, bħalma hi l-età, il-ġeneru tas-sess, ir-razza, ir-reliġjon jew l-orjentazzjoni sesswali, kif ukoll in-natura u ċ-ċirkostanzi tar-reat kriminali, kulħadd jista’ jkollu ħtiġijiet partikolari ta’ protezzjoni. Minbarra hekk, il-valutazzjoni indivdwali għandha tkun repetuta matul il-proċeduri kriminali kollha biex b’hekk jittieħed kont tal-bidliet li jista’ jkun hemm fil-qagħda jew iċ-ċir­kos­tanzi partikolari tal-vittma.

Id-direttiva tobbliga wkoll lill-istati membri biex jassiguraw li l-vittmi u l-membri tal-familja tagħhom jkollhom aċċess mingħajr ħlas u b’mod kunfidenzjali għall-appoġġ tal-vittmi (bħal per eżempju, appoġġ psikoloġiku) mill-mument li vittma tirrapporta r-reat, matul u wara l-investigazzjoni kif ukoll matul il-proċeduri li jkunu għaddejjin quddiem il-qorti, irrispettivament minn fejn ikun seħħ ir-reat kriminali. Għandhom jitwaqqfu wkoll servizzi ta’ appoġġ speċjalizzat għall-vittmi bi ħtiġijiet speċjali, bħalma huma l-vittmi ta’ vjolenza bbażata fuq il-ġeneru kif ukoll it-tfal.

Qed ikun ukoll stipulat li l-vittmi ta’ reati kriminali għandhom ikunu informati sew dwar id-drittijiet tagħ­hom, kemm oralment kif ukoll bil-kitba, f’lingwa li huma jkunu jifhmu. Servizzi ta’ interpretazzjoni u traduzz­joni għandhom ikunu dispo­nibbli biex ikun assigurat li dawn ikunu jistgħu jieħdu parti attiva fil-proċeduri kri­minali li jittieħdu.

Din id-direttiva jonqosha l-approvazzjoni tal-kunsill. Ġa­ladarba dawn ir-regoli ġod­da jkunu approvati, il-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea jkollhom tliet snin ċans biex jinkludhom fil-liġijiet nazzjonali tagħ­­hom.

No comments:

Post a Comment