16 ta’ Settembru, 2007 minn David Casa
• Nirreferi għall-artiklu li deher nhar il-Ħadd, 2 ta’ Settembru 2007, fil-gazzetta tiegħek fl-ewwel paġna bi tkomplija f’paġna sitta bit-titoli “Mingħand l-Arċisqof bqajt bla risposta ...” u “...nistenna li David Casa jagħmel apoloġija pubblika ma’ l-omosesswali”. Din kienet intervista li għamel Victor Vella lir-riċerkatur l-Inġinier Patrick Attard.
Ir-riċerkatur l-Inġinier Patrick Attard tkellem dwar riżoluzzjoni li kienet adottata f’April ta’ din is-sena iżda nibża' li ma jinsabx infurmat tajjeb bit-test tar-riżoluzzjoni u lanqas bl-istqarrijiet li ħriġna jien u l-kollega tiegħi Simon Busuttil wara li ttieħed il-vot.
Nixtieq l-ewwelnett infakkar li dwar din ir-riżoluzzjoni kien hemm dibattitu twil fi ħdan il-Partit Popolari Ewropew biex flimkien mal-gruppi politiċi kollha jinstab kompromess dwar it-test. Iżda qbil dwar il-paragrafi kollha ma seħħx.
• Ir-Riżoluzzjoni kellha 30 paragrafu b’kollox u ħlief għal żewġ paragrafi li ma kellhom x’jaqsmu xejn mal-omofobija fl-Ewropa jien ivvotajt favur. Jiddispjaċini ngħid li kieku l-Inġinier Patrick Attard għamel ir-riċerka mistħoqqa kien jinduna li paragrafu 7 tar-riżoluzzjoni kien jitkellem dwar:
“Kundanna għar-rimarki li saru minn kapijiet ta’ reliġjonijiet Ewropew (allura inkluż il-Qdusija Tiegħu l-Papa - Kap tal-Knisja Kattolika)”. Rimarki li skond ir-riżoluzzjoni jinstigaw mibgħeda u vjolenza. Iva, ħassejt li għandi nivvota kontra dan il-paragrafu.
• Paragrafu 8 jitkellem dwar diskriminazzjoni u mhux dwar omofobija. Issa bi ftit riċerka, Patrick Attard kien jinduna li: kemm waqt il-kampanja tar-Referendum f’Malta; kemm qabel l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew (ara kwestjonarju mibgħut mill-MGRM lill-Kandidati kollha f’isem il-PN) u kemm illum, jiena nemmen li kull pajjiż membru tal-Unjoni Ewropea għandu jkollu l-kompetenza dwar kwistjonijiet morali u allura l-UE m’għandux ikollha kompetenza fuq id-divorzju, l-abort, żwiġijiet bejn l-istess sessi u l-adozzjoni tat-tfal mill-omosesswali. Jien nemmen li l-poplu ta’ dawn il-pajjiżi biss għandhom jiddeċiedu dwar dawn l-aspetti.
Allura biex inkun konformi ma’ dak li dejjem għedt u ma dak li għadni nemmen illum, ivvotajt kontra dan il-paragrafu ukoll.
Billi dawn iż-żewġ paragrafi kienu adottati xorta waħda jien ħassejt li fil-vot finali kelli nastjeni kif wara kollox ftehmna li għandna nagħmlu fil-grupp politiku tagħna - il-Partit Popolari Ewropew.
Altru milli jien favur l-omofobija! Kieku Attard għamel riċerka tajba u segwa ukoll l-istqarrijiet li għamilna wara l-vot, kieku ma kien ikollu l-ebda dubju li jien fi ħdan il-Grupp Politiku tiegħi u fil-Parlament Ewropew se nibqa’ naħdem kontra l-Omofobija.
David Casa,
MPE
---
Ara wkoll:
It-Torċa: Casa u l-gay clubs fi Brussell
It-Torca: Ittri lil Editur: David Casa u l-gay clubs fi Brussels
Pink News: Maltese Press question MEP over gay club visits
Str8 to the Point: EU Parliament Resolutions; P. Attard asks Dr. Alfred Sant
Intervista mat-Torċa: Mingħand l-Arċisqof bqajt bla risposta... imma xorta nirringrazzjah
EU Parliament: Homophobia in Europe 26.4.2007 [Votes]
EU Parliament: Homophobia in Europe 18.1.2006 [Votes]
No comments:
Post a Comment