Friday, 1 May 2009

Illum: Irrid nagħmel suċċess biex ngħin lil ħaddieħor

http://www.illum.com.mt/2009/04/26/interview.html
Julia Farrugia tintervista lil Brenda
26.4.9

“Tibża’ mill-klieb? Għandi Doberman kbir id-dar,” kien jaqra l-sms li rċevejt ftit qabel wasalt Buġibba biex niltaqa’ ma’ Brenda.
“U le ma nibżax. Basta ma jikolx lili u lill-fotografu f’daqqa,” bgħatt lura.
X’ħin nidħol fl-appartament ta’ Brenda taqsamli kelba tal-but li mn’Alla ndunajt biha għax povra ħlejqa ċkejkna kienet tispiċċa sticker.
Brenda baqgħet l-istess — b’dak is-sens ta’ umoriżmu fin li bla ma trid iġiblek tbissima fuq fommhok.
Iltqajt magħha l-ewwel darba f’Novembru tal-2006. Fit-tieni ħarġa ta’ din il-gazzetta wassalna r-rakkont uniku tagħha. Storja li ħolqot dibattitu fil-pajjiż dwar it-transesswali.
Il-każ ta’ Brenda jibqa’ jaffaxxinani. Hi u l-mara tagħha Doris huma xempju ta’ dik il-wegħda li jagħtu l-koppji fuq l-altar: “Sa ma l-mewt tifridna.”
Darba r-raġel ta’ Doris mar fuqha u qalilha li jixtieq jibda jgħix fil-beraħ ta’ mara u jsegwi l-emozzjonijiet li dejjem żamm mistura ġo fih. Doris baqgħet hemm għaliha. U sal-lum għadhom jgħixu taħt l-istess saqaf.
F’dawn l-aħħar tliet snin bqajt f’kuntatt ma’ Brenda u jkolli ngħid li f’36 xahar rajt il-ħajja ta’ din il-koppja tiela’ u nieżla bħal rollercoaster.

Jum fost l-oħra Brenda ċemplitli u b’leħen miksur qajtli li “xebgħet”.
F’dik it-telefonata smajt id-diqa li ġejjin minn numru ta’ inġustizzji.
Illum fis-salott tal-appartament mikri tal-koppja l-istorja tieħu żvolta oħra. Brenda tgħidli li tixtieq toħroġ fil-beraħ.
“Jien naħdem irrid,” tgħidli waqt li turini lista ta’ xogħlijiet li applikat għalihom u li baqgħet bla risposta mingħandhom sal-ġurnata tal-lum.
“Irrid li ningħata d-dinjità tiegħi bħala mara,” tistqarr .
Is-skiet li jinżel fil-kamra hu profond.
Imma x’ġara eżatt f’dawn it-tliet snin? Fl-intervista li għamilnilha f’Novembru ta’ tliet snin ilu kienet stqarret li hi u l-mara kienu dalwaqt se jispiċċaw bla xogħol għaliex min kien jimpjegahom kien se jagħlaq in-negozju. Minn dakinhar l-affarijiet ma kinux ward u żahar.
“F’dan il-perjodu ħdimt. Imma ftit. U l-ftit li ħdimt rajt ma’ wiċċi ħafna inġustizzji,” tistqarr Brenda. 
“Kien hemm każi fejn jimpjegawk imma jippretendu minnek xogħol ta’ raġel. Meta jien mara. Imgħallem minnhom kien jgħidli nniżżel kaxxi tqal mimlija fliexken tal-ħames litri l-wieħed. Immaġina kaxxa li tiżen 20 kilogramma,” tkompli hi u tteftef it-tarf ta’ xagħarha.
“Ġieli kelli nwassal xirja ta’ 15-il landa tal-ħames litri l-waħda f’post wieħed.”
Kien hemm min kien aħdar.
“Doris tgħinni biex infittex xogħol. Darba staqsiet lil ta’ fuqha u dan qalilha: ‘Jien ma nħaddimx nies bħal Brenda’.
“Dawn affarijiet li jweġġgħuni għax jien m’għandi xejn ħażin u mhu qed nagħmel xejn ħażin. Doris kienet anke lesta li ċċedi x-xogħol tagħha biex nidħol jien minflokha imma dawn l-istess kumpaniji li jiftaħru li huma family friendly sabbtulna l-bieb.”
Matul is-sena li għaddiet kien hemm xaqq ta’ dawl f’ħajjet Brenda li iżda wara biss ħames xhur sfuma fix-xejn. Brenda bagħtu għaliha biex taħdem fil-Customer Care tal-Kunsill Lokali ta’ San Pawl.

“Kien żmien sabiħ. Kienet skema qasira ta’ xogħol tal-ETC. Kont nieħu Lm15 fil-ġimgħa imma qistha esperjenza kbira. Kont rispettata ħafna minn nies. Hemm residenti li għadhom iċempluli sal-lum. ”

Xogħol ieħor li sabet wara din l-esperjenza spiċċa ħesrem ġimgħa biss qabel il-Milied.
“Kien perjodu ikrah. Ħriġna biss ftit lejlet il-Milied għax qalgħuna minn hawn żewġ koppji ħbieb tagħna u nsistew li riedu joħduna magħhom. Mill-bqija bilkemm ħriġna mid-dar. Irridu nħallsu l-kera u l-kontijiet. Il-ftit flus li kienet taqla’ Doris ma kinux biżżejjed. Ġieli lanqas kellna flus biex nieklu jew nixtru x-xirja.

“Meta ħbieb tagħna, koppji miżżewġin, saru jafu b’dak li ġara ġew hawn bix-xirjiet. Meta ma nlaħħqux qed ngħixu bil-provvidenza,” tistqarr.

“Ġieli ġew persuni b’xirja ħaxix. Qatt ma għaddejna minn din is-sitwazzjoni. Meta kont għadni nidher fil-pubbliku bħala raġel u kont naħdem qatt ma kellna problemi ta’ dan it-tip. Il-flus qatt ma kienu problema għax dejjem ħdimt u qlajt flus tajba. Illum li daret ir-rota nista’ nifhem aħjar it-tbatija tan-nies li m’għandhomx xogħol,” tkompli Brenda.

“Bħalissa qed jipprova jgħinni d-Deputat Laburista Evarist Bartolo. M’ilux ġie b’xirja hawn u tkellimna fit-tul. Jaqbduni dwejjaq kbar. Ħafna nies jgħiduli biex ma naqtax qalbi. Imma dan id-diskors aktar iweġġagħni. Jien soluzzjoni nixtieq.
“Fil-ħajja ssib minn kollox. Imma żgur li ma rridx naqa’ għal dik it-triq,” tgħidli.

“Xi triq qed tgħid Brenda?” nistaqsiha.

“Nista’ nurik chat. Hemm min joffrilek Lm300 sempliċiment biex tmur ma’ persuna bħali. Hemm min iħares lejn din is-sitwazzjoni bħala ‘avventura’. Kieku rrid nista’ noqgħod hawn ma naħdimx u bil-flus deħlin. Imma ma rridx ninżel f’dik it-triq. Hemm id-dinjità tiegħi ta’ mara.”

Brenda tistqarr li l-aktar xogħol li tħossha kapaċi fih hu s-sales. Tixtieq li mqar xi ħadd jagħtiha ċ-ċans.

Inwegħida li din il-gazzetta lesta tagħti pubbliċità lil din il-kumpanija li lesta tagħmel dan il-pass u jibda jitkisser dan it-tabù.
“Naf li nista’ nirnexxi. Nitlob biss li ningħata ċans. Naf li kapaċi naħdem u naf li min se jagħmel dan il-pass li jħaddimni se jkun qed jinvesti. Jien irrid naħdem u nġib ir-riżultati. Nassigurak li kieku għada kelli nirbaħ il-lotterijia xorta rrid immur naħdem. Ix-xogħol hu d-dinjità tal-bniedem,” tgħid Brenda.

Għal dawn l-aħħar xhur kellha assenjata magħha persuna mill-ETC biex tgħinha meta tkun qed tapplika għal xogħol. S’issa l-bibien kienu kollha magħluqin.

Il-mara determinata u anke jekk f’mumenti tul dawn l-aħħar snin ħassejtha se ċċedi issa bħal donnha tibda tissoda.
Meta nistaqsiha jekk hix komda li din l-istorja toħroġ bir-ritratt tagħha tgħidli hekk:
“Jien irrid nagħmel suċċess biex ngħin lil ħaddieħor. Jiġu ħafna transesswali jitolbuni l-għajnuna. Sa ftit ilu ġiet persuna ta’ 18-il sena li ommha keċċietha mid-dar.

“Jien nixtieq nitla’ fuq saqajja jien personali – li nsib xogħol ħalli psikoloġikament u finanzjarjament inkun aħjar. Minn hemm naf li ħajti tista’ tkun ta’ għajnuna għal ħaddieħor.

“Nixtieq inwaqqaf grupp li jgħin direttament lil persuni bħali. Naħseb wasal iż-żmien li f’pajjiżna jkollna lista bil-postijiet tax-xogħol li huma diversity friendly. Lejn dik id-direzzjoni nixtieq nimxi,” twieġeb.

“Dwar ir-ritratt? Iva. Irrid noħroġ bir-ritratt tiegħi. Brenda hi din. Għandha wiċċ … għandha qalb … hi bniedma tad-demm u l-laħam.”

No comments:

Post a Comment