Fl-istħarriġ dwar l-istili ta’ ħajja li qegħdin ngħixu f’Malta, m’hemm ebdariferenza għall-‘gays’, jew stħarriġ fuq l-istil ta’ ħajja ta’ dawn il-persuni.
l-orizzont il-bieraħ ikkuntattja lil Ingrid Formosa, li hi responsabbli mill-istħarriġ tal-NSO [National Statistics Office] fuq l-istil ta’ ħajja f’Malta. Meta staqsejniha li fir-rapport il-‘gays’ u l-istili ta’ ħajja tagħhom ma jissemmew imkien, hi qaltilna li ‘lill-gays’ u l-istil ta’ ħajja tagħhom, bħala NSO ma ninkluduhomx fl-istħarriġ. Qatt ma inkludejnihom”.
Tlabniha r-raġuni wara dan ir-raġunament, hekk kif f’diversi pajjiżi Ewropej, issib li l-istili ta’ ħajja tal-‘gays’ issibhom inklużi f’diversi rapporti ta’ stili ta’ ħajja, u anke jsiru rapport speċifiċi dwar il-mod kif jgħixu l-‘gays’. Ingrid Formosa qaltilna li “ma ġbar-niex informazzjoni fuq l-istil ta’ ħajja tal-‘gays’ għax il-persentaġġ tagħhom hu wieħed żgħir ħafna f’Malta. Ma jkunx rappreżentattiv, jekk ninkluduh”.
Quddiem din it-tweġiba, staqsejna lil Ingrid, jekk fhimniex tajjeb, jiġifieri li huma jaħsbu li l-persuni ‘gay’ f’Malta huma f’ammonti żgħar ħafna. Hi qaltilna li “hekk nissopponu”.
Ittra ta’ ‘gay’ lil NSO …ġiet injorata
Jirriżulta li għand l-NSO, intbagħtet ittra minn persuna ‘gay’ li fiha kienu ilmentaw dwar in-nuqqas ta’ statistika fuq dak kollu li għandu x’jaqsam mal-‘gays’, b’mod partikolari fl-istħarriġ dwar l-istili ta’ ħajja. Jirriżulta li min bagħat l-ittra baqa’ bla risposta mingħand l-NSO. L-istess persuna fil-kummenti tagħha lil l-orizzont qaltilna li “kif jista’ jkun li jsir studju dwar l-istili ta’ ħajja, meta l-persuni ‘gay’ jiġu injorati kompletament”.
Fl-Ewropa… isiru stħarriġ fuq l-istili ta’ ħajja tal-‘gays’
Jirriżulta li f’ħafna pajjiżi Ewropej hu fatt aċċettat li l-istil ta’ ħajja tal-gays, hu stil ta’ ħajja differenti, li minn żmien għal żmien ikun hemm bżonn isir stħarriġ fuqu.
Kelliem għall-‘gays’ f’pajjiżna qal lil l-orizzont li “sfortunatament għad hawn aġenziji u istituzzjonijiet governattivi li meta ssemmilhom il-kelma ‘gay’ jissummaw u jinħasdu.
Qisna xi nies ta’ barra minn hawn. Dawn jafu li llum qegħdin fl-Unjoni Ewropea. Donnu hawnhekk biex tissemma’ fl-istħarriġ ta’ l-istili ta’ ħajja trid tkun qiegħed mal-maġġoranza. Jekk tkun f’minoranza, aktarx li se tispiċċa injorat kif ġara lill-‘gays’.
Spjegalna li f’pajjiżi Ewropej, isiru stħarriġ apposta fuq l-istili ta’ ħajja tal-‘gays’. Jekk nieħdu stħarriġ bħal eżempju, naraw li jsir studju apposta fuq l-istil ta’ ħajja tal-‘gays’ li minnu naraw li jirriżulta li t-terminu ‘gay’ kien l-aktar terminu użat għan-nisa u rġiel omosesswali. 78 fil-mija ta’ dawk li wieġbu l-istħarriġ, qalu li huma kienu ‘gay dikjarati’.
F’dan l-istħarriġ issib informazzjoni fuq jekk din il-kategorija ta’ nies qattx ikkontemplat suwiċidju, bir-risposta titla’ għal 23 fil-mija. L-istħarriġ kien jinkludi ukoll ‘civil partnerships’, familji ‘gay’, saħħa sesswali u l-qasam soċjali fir-rigward tal-‘gays’.
L-istħarriġ tal-NSO
Mill-istħarriġ tal-NSO dwar l-istili ta’ ħajja naraw li r-ristoranti huma l-aktar postijiet frekwentati mill-adulti, waqt li l-casinos huma l-inqas frekwentati. 95.3 fil-mija ta’ dawk intervistati, li għandhom bejn 18 u 24 sena jiffrekwentaw ir-ristoranti għal minn ta’ l-inqas darba f’sena. Għal dawk li għandhom 65 sena, dan il-persentaġġ jitla’ għal 49.8 fil-mija.
Naraw li l-qari hu l-aktar passatemp favorit fost l-adulti, b’persentaġġ ta’ 48.1 fil-mija għan-nisa u 27.3 għall-persuni maskili.
Kien hemm 26 fil-mija ta’ dawk intervistati li qalu li l-passatemp tagħhom hu l-ivvjaġġar, waqt li wieħed minn kull ħamsa wieġeb li l-passatemp hu li jżejnu id-dar. 21 fil-mija ta’ dawk intervistati qalu li l-passatemp tagħhom hu l-Internet.
Attività fiżika
Naraw li fejn tidħol l-attività fiżika, naraw li hemm aktar nisa li jmorru jimxu għal xejn inqas minn 30 minuta fil-ġimgħa. Fil-fatt hemm 56.5 fil-mija tan-nisa li jimxu 30 minuta fil-ġimgħa, waqt li l-persentaġġ għall-irġiel hu ta’ 48. 3 fil-mija.
Trasport
Mill-istħarriġ irriżulta li 73 fil-mija tal-popolazzjoni, għandha jew tagħmel użu minn karozza. Il-persuni maskili li għandhom karozza jammontaw għal 84.2 fil-mija, waqt li n-nisa jammontaw għal 61.5 fil-mija.
Tipjip u piż
Jirriżulta li wieħed minn kull erba’ Maltin ipejpu, tant li l-persentaġġ ta’ adulti li jpejpu hu ta’ 26.4 fil-mija. L-ammont ta’ irġiel ipejpu ammontaw għal 33.5 fil-mija waqt li n-nisa ammontaw għal 19.4 fil-mija. Irriżulta ukoll li 61.5 fil-mija ta’ dawk divorzjati, bi żwieġ annullat jew separati, ipejpu. Naraw ukoll li l-medja tal-piż tal-adulti Maltin hu ta’ 72.5 kilo. Dan ivarja minn 65.9 kilo għan-nisa u 79.4 kilo għall-irġiel.
Ikel
Mill-istħarriġ irriżulta li 95 fil-mija tal-Maltin jieklu frott ta’ l-inqas darba fil-ġimgħa, waqt li 96.7 fil-mija jieklu ħaxix għal minn ta’ l-anqas darba f’ġimgħa. 48.4 fil-mija tal-popolazzjoni tiekol frott kważi kuljum, waqt li 28.1 fil-mija jieklu frott għal bejn tlieta u ħames darbiet fil-ġimgħa. Aktar minn nofs il-popolazzjoni Maltija kienet qiegħda fuq dieta, fi żmien li sar l-istħarriġ. |
No comments:
Post a Comment