17.5.9 minn Emmanual Micallef
Familja b’saħħitha. Nazzjon b’saħħtu. Hekk smajna dejjem u hekk emminna. Fi sfond reliġjuż konna nifhmu li l-familja hi l-koppja miżżewġa u l-ulied li jgħixu taħt l-istess saqaf. Jekk din il-forma ta’ familja kienet tinkiser allura nibdew nitkellmu dwar kif il-pajjiż qiegħed jitkisser. Is-saħħa tal-familja ma kinitx titkejjel biss mil-lat materjali iżda anke mil-lat morali.
Sa ċertu punt ukoll, meta konna nirreferu għal familja, ma kellniex ħlief interpretazzjoni waħda tad-definizzjoni ta’ familja. Żgur li ma konniex niddistingwu bejn x’tifhem b’familja l-Knisja u x’jifhem b’familja l-Istat. Anke fi żmien iktar reċenti fejn iddeċidejna li nagħmlu distinzjoni netta bejn il-liġijiet tal-Knisja u dawk Ċivili.
Fil-każ tal-familja kollox tfajna f’keffa waħda. Iżda kif jgħidu ż-żmien isajru l-bajtar u llum ma nistgħux ngħidu li din id-definizzjoni ta’ familja għadha valida kif kienet żmien ilu. Jekk irridu naraw is-sitwazzjoni reali u mhux nibqgħu nibbażaw ħsibijietna fuq ideologiji rridu nammettu li llum għandna forom oħra ta’ familji minbarra dik kif inhi rikonoxxuta tradizzjonalment.
Għalhekk ma nistgħux nibqgħu napplikaw liġijiet u prattiċi li intrinsikament huma marbutin mad-definizzjoni assoluta ta’ familja kif kienet sa ftit taż-zmien ilu. Irridu naġġornaw u naħsbu biex iċ-ċittadini ma jsofrux minn diskriminazzjoni u nġustizzja sempliċiment għax m’għarfux ir-realtà tal-lum.
Qabel xejn żgur li rridu nifirdu r-reliġjuż mil-lajk. Ma nistgħux noqogħdu nilagħbu bis-sentimenti reliġjużi u nittrattaw dan is-suġġett mil-lat morali biss. Iktar minn kull ħtieġa oħra rridu nkunu prattiċi u nindirizzaw l-esperjenzi u s-sitwazzjonijiet reali. Dak li jgħaddu minnu ta’ kuljum il-familji tal-lum.
Il-Knisja għandha kull dritt li tibqa’ żżomm mal-pożizzjoni tagħha skont twemminha. Għandha dritt li tkompli tgħallem u ssemma leħenha. Għandha d-dmir li tinforma u teduka liċ-ċittadini, l-aktar dawk li jħaddnu t-twemmin tagħha, dwar x’inhi u x’għandha tkun familja.
Iżda l-istess responsabbiltajiet u dmirijiet jaqgħu fuq spallejn l-Istat. L-Istat ukoll irid iħares l-interessi taċ-ċittadini kollha rrispettivament mit-twemmin reliġjuż tagħhom. Għandu obbligu li jiddefendi lil kull min jifforma parti minn gruppi minoratorji. Naturalment mhux a skapitu ta’ min qiegħed f’maġġoranza. Iżda bl-istess mod l-Istat hu fi dmir li jsib il-bilanċ meħtieġ biex ma jħalli ’l ħadd jaqa’ lura.
L-Istat ikun qed jidneb jekk jaf b’ċittadini li qed ibatu inġustizzji minħabba liġijiet antikwati jew pressjonijiet reliġjużi u jibqa’ ma jagħmel xejn. Ikun qed jikkommetti dnub sagrileġġ jekk jaf li l-familja llum inbidlet u jibqa’ jqis lill-familja daqslikieku għadna ngħixu 50 sena ilu. Iktar u iktar meta jaf li hemm tfal li qed ibatu intortament. Għalhekk f’pajjiż lajk ma nistgħux nittolleraw sitwazzjoni fejn l-Istat jibqa’ ndifferenti quddiem ir-realtà tal-lum.
X’inhi din ir-realtà? Għandna familji li għandhom il-barka ta’ żwieġ nisrani. Għandna familji tajbin frott iż-żwieġ ċivili. Għandna familji b’ġenitur wieħed bħal fil-każ tas-single parents u r-romol. Għandna familji bil-ġenituri jagħżlu li jikkoabitaw. Għandna familji li rnexxew fit-tieni żwieġ b’ġenituri divorzjati. U dan minbarra li għandna żgħażagħ li għażlu li jmorru jgħixu għal rashom u koppji tal-istess sess li jgħixu flimkien.
Dawn huma familji li qed ibatu minn lat jew ieħor għax m’għandniex liġijiet f’posthom li jiddefenduhom. Għalhekk l-Istat għandu r-responsabbiltà urġenti, ngħid jien, biex jirrattifika l-pożizzjoni tagħhom fil-konfront tal-liġijiet ċivili. Il-politiċi ilhom s-snin jitmejlu b’dawn iċ-ċittadini. Saħansitra saru wegħdiet elettorali fil-konfront ta’ wħud minnhom. Sal-lum stess għadna nisimgħu rapporti ħerġin mill-partiti biex jgħidulna (iżda mhux biex jimplimentaw) li għandhom qalbhom perżuta għal dawn il-forom ġodda ta’ familji. F’din il-ħaġa żgur li m’għandniex kredenzjali Ewropej!
Minflok naraw bis-serjetà x’hemm bżonn isir u nwettquh, noqogħdu nxerrdu d-dmugħ tal-kukkudrilli u nxerrdu l-kultura tal-biża’. Jekk irridu nsaħħu l-familja mhux noqogħdu nallarmaw lill-poplu bil-każi ta’ separazzjonijiet u bi dħul tad-divorzju iżda rridu nemendaw il-liġijiet u ninfurzawhom bla telf taż-żmien.
Nagħmlu dan mhux qisna qed nagħtu xi amnestija imma għax verament nemmnu li rridu nsewwu l-inġustizzji li qegħdin isiru, għax nemmnu fit-tisħiħ tal-familja f’soċjetà moderna u għax ma rridux nabdikaw mir-responsabiltajiet li għandna lejn iċ-ċittadin.
Dak li ħareġ mir-rapport tat-think tank ta’ The Today Public Policy Institute, fejn fost affarijiet oħra jsemmi kif f’10 snin il-każi ta’ separazzjonijiet żdiedu b’aktar minn 7,000, ikompli jikkonvinċini kemm il-ħtieġa li nsaħħu l-familji tal-lum hi urġenti. Il-Gvern u l-Oppożizzjoni jemmnu li familja b’saħħitha tfisser nazzjon b’saħħtu? Mela x’qed jistennew?
No comments:
Post a Comment