24.5.11
Joanne Cassar mistennija tieħu l-każ tagħha fil-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem wara li lbieraħ l-Qorti Kostituzzjonali ta' Malta bidlet id-deċiżjoni tal-Prim'Awla tal-Qorti Ċivili u ċaħditilha li tkun tista' tiżżewweġ.
L-avukati Josè Herrera u David Camilleri qed jippreparaw biex jieħdu l-każ fuq livell Ewropew wara li ġew eżawriti t-toroq kollha legali f'pajjiżna.
Cassar, twieldet fiżikament raġel madankollu għamlet l-operazzjoni biex issir mara u talbet biex id-dritt taż-żwieġ.
Għalkemm fil-31 ta' Novembru li għadda l-Prim'Awla tal-Qorti Ċivili laqgħet it-talba, ilbieraħ il-Qorti Kostituzzjonali tat raġun lir-Reġistratur taż-Żwieġ meta dan ma ħarġilhiex it-tnidijiet taż-żwieġ madankollu qalet li dan ma jfissirx li ma kienx hemm indħil fil-ħajja privata tagħha.
Il-Qorti Kostituzzjonali sostniet li fis-sitwazzjoni li tinsab fiha llum Cassar la tista' "tifforma sħubija" ma' raġel u lanqas ma' mara imma dan mhux minħabba r-Reġistratur taż-Żwieġ imma dovut għan-"nuqqas ta' liġi li taħseb għal forma ta' sħubija tal-ħajja għal min hu fis-sitwazzjoni tagħha".
Fl-istess waqt l-istess qorti qalet li t-tnidijiet taż-żwieġ ma setgħux jinħarġu għax matul is-smigħ tal-appell Cassar informatha li llum m'għadhiex f'relazzjoni ma' persuna bl-intenzjoni li tiżżewweġ.
Is-sentenza ġabet ir-reazzjoni tal-Moviment għad-Drittijiet tal-Gays (MGRM) fejn il-kelliema Gabi Calleja rrimarkat li s-sentenza tikkonferma li Cassar kellha d-drittijiet tagħha miksurin minħabba nuqqas fil-liġi. Skont Calleja, il-bniedem għandu jiddeċiedi x'iħoss li tkun is-sesswalità tiegħu u l-Istat hu fid-dmir li jirrispetta din l-identità u jekk ma jagħmilx hekk ikun qed jikser id-dritt tal-individwu.
L-għaqda aditus, ifformata minn grupp ta' avukati żgħażagħ li jaħdmu fil-qasam tad-drittijiet umani, qalet li jiddispjaċiha bid-deċiżjoni tal-Qorti Kostituzzjonali fejn sostniet li bis-sentenza tagħha l-qorti ma mxietx mal-Qorti Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem fejn dawk li jiġu rikonoxxuti l-bidla fis-sess tagħhom ikunu rikonoxxuti wkoll id-dritt taż-żwieġ. Ħeġġet lill-awtoritajiet lokali biex jindirizzaw din is-sitwazzjoni anomala fejn il-Qorti Kostituzzjonali ta' Malta qiegħda tirrifjuta dik il-pożizzjoni li ħadu l-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja.
Il-każ ta' Cassar beda wara li hi talbet lill-Prim'Awla tal-Qorti Ċivili biex fiċ-ċertifikat tat-twelid tagħha isimha jinbidel minn Joseph għal Joanne u s-sess tagħha jsir femminil.
Fit-28 ta' Ġunju, 2006 il-Prim'Awla tal-Qorti Ċivili laqgħet t-talba u ordnat lid-Direttur tar-Reġistru Pubbliku biex jagħmel it-tibdil neċessarju. Għalhekk inħarġilha ċertifikat tat-twelid ġdid.
Hi mbagħad applikat biex tiżżewweġ lill-maħbub tagħha. Madankollu d-Direttur tar-Reġistru Pubbliku rrifjuta li joħroġ it-tnidijiet taż-żwieġ u għalhekk irrikorriet għand il-Qorti Ċivili. B'digriet mogħti fit-12 ta' Frar, 2007, il-Qorti Ċivili laqgħetilha t-talba imma d-Direttur tar-Reġistru Pubbliku fetaħ kawża fejn talab li dan id-digriet jiġi revokat.
Fil-21 ta' Mejju, 2008, it-talba tad-Direttur tar-Reġistru Pubbliku ntlaqgħet fejn il-Qorti Ċivili sostniet li t-talba ta' Cassar biex tiżżewweġ persuna tas-sess maskil tmur kontra l-Att tal-1975 dwar iż-Żwieġ.
Cassar ħadet il-każ quddiem il-Prim'Awla tal-Qorti Ċivili fejn ilmentat li skont il-liġi Maltija persuna transesswali hi mċaħħda mill-possibilità li tiżżewweġ persuna maskili anke jekk tkun għamlet l-operazzjoni msejħa 'gender reassignment'. Min-naħa tiegħu d-Direttur tar-Reġistru Pubbliku sostna li l-Artiklu 257A tal-Kodiċi Ċivili hu intiż biss biex persuna li tkun kisbet id-dehra ta' persuna tas-sess oppost ma tkunx imbarazzata meta tipproduċi dokumenti uffiċjali li juru xort'oħra. Skont hu, dan ma jfissirx li wara l-operazzjoni l-persuna tkun akkwistat 'gender' ġdid.
Il-Prim'Awla tal-Qorti Ċivili, ippreseduta mill-Imħallef Raymond Pace, tat raġun lil Cassar u sostniet li meta ċ-ċertifikat tat-twelid jinbidel il-persuna għandha tibda' tiġi meqjusa skont is-sess indikat fl-istess ċertifikat.
L-Imħallef Pace kien irrimarka wkoll li l-Qorti Ewropea ħadet pożizzjoni fejn persuna li tkun bidlet is-sess tagħha b'mod irriversibbli ma tistax titwaqqaf mill-Istat milli tiżżewweġ persuna tas-sess oppost.
Kien għalhekk li hu laqa' t-talba ta' Cassar u ddikjara li d-Direttur tar-Reġistru Pubbliku ma jistax jirrifjuta li joħroġ it-tnidijiet taż-żwieġ tagħha ma' persuna tas-sess maskil.
Flimkien mal-Avukat Ġenerali, tal-aħħar appella mid-deċiżjoni fil-Qorti Kostituzzjonali u l-każ instema' quddiem l-Aġent Prim Imħallef Geoffrey Valenzia u l-Imħallfin Giannino Caruana Demajo u Tonio Mallia. Il-punt ewlieni mqajjem mid-Direttur tar-Reġistru Pubbliku kien li Cassar għandha d-dehra ta' mara imma ġewwa hi raġel u għalhekk ma tistax tiġi kkonsidrata bħala mara li tista' tiżżewweġ raġel.
It-tliet imħallfin qalu li dan l-argument mhux mingħajr mertu u sostnew li Cassar "ma tistax titqies bħala mara għall-għanijiet u effetti kollha tal-liġi partikolarment dawk marbutin mal-liġi taż-żwieġ".
"Jekk it-tifsira ta' dik l-għaqda bejn raġel u mara li nsejħulha żwieġ titwessa, jew aħjar tinbidel biex għaqda bejn l-attriċi u raġel ukoll titqies żwieġ, b'hekk tkun qiegħda tinbidel radikalment ukoll in-natura legali tar-relazzjoni ta' dawk li daħlu fi żwieġ kif regolat bl-att dwar iż-żwieġ, dak bejn raġel u mara. Id-drittijiet ta' dawn ukoll, iżda, jixraq li jitħarsu u jixraq li titħares ukoll l-istituzzjoni taż-żwieġ".
Fl-istess waqt huma qalu li għalkemm id-deċiżjoni tar-Reġistratur li ma joħroġx it-tnidijiet taż-żwieġ ta' Cassar kienet tajba u kif trid il-liġi dan ma jfissirx li l-indħil fil-jedd tagħha għall-ħajja privata hu ġustifikat. It-tliet imħallfin żiedu jgħidu li din is-"sħubija tal-ħajja" ma tistax tkun fil-forma ta' żwieġ u sostnew li l-liġi tista' taħseb għal forom oħra li jkun tajjeb mil-lat ta' drittijiet tal-bniedem. Skont hu, jekk l-istess sħubija tissejjaħx tali jew żwieġ ma jnaqqas xejn mid-drittijiet ta' min jagħżel forma jew oħra ta' sħubija sakemm jitħares id-dritt ta' dawk li daħlu fi żwieġ taħt l-Att dwar iż-Żwieġ.
Filwaqt li bidlet id-deċiżjoni tal-Prim'Awla tal-Qorti Ċivili, il-Qorti Kostituzzjonali ordnat li kopja tas-sentenza tintbagħat lill-Ispeaker tal-Parlament.
No comments:
Post a Comment