Tuesday, 3 May 2011

L-Orizzont: Il-ħsibijiet ta' missier li bintu hi gay

2.5.2011

Drachma Parents Group hi għaqda mwaqqfa minn ġenituri ta' persuni gay li minkejja l-pożizzjoni tal-Knisja xorta jħossuhom parti minnha. GAETANO MICALLEF tkellem ma' missier ta' mara gay dwar l-esperjenza tiegħu u l-istigma li persuni bħal bintu jsofru fis-soċjetà. Hu aċċetta li nintervistawh bil-kundizzjoni li ma nikxfux l-identità tiegħu biex b'hekk tkun protetta tagħha.

Meta rrealizzajt li t-tifla tiegħek hija gay?

Niftakar kien xi 15-il sena ilu. Meta allura hija kellha 24 sena. Ċemplitli u "nixtieq inkellmek". Ġiet id-dar, poġġiet bilqiegħda u qaltli "pa, jien gay". U nfaqgħet tibki.

Imbagħad għannaqtha u għidtilha li għalija kienet rigal prezzjuż. Għidtilha wkoll li hija eżatt kif għamilha Alla… li kienet u tibqa' t-tifla tagħna… u li konna se nibqgħu nħobbuha bħal qabel. Dik kienet l-ewwel reazzjoni tiegħi bħala missier.

Bqajna nitħaddtu u qaltli l-istorja tagħha u l-ikbar żewġ biżgħat li l-ewwel waħda kienet il-mod kif kienet se tilqaha s-soċjetà. U sal-lum f'dan il-pajjiż għadna ħafna lura fil-mod kif in-nies iħarsu lejn in-nies gay.

U t-tieni waħda?

It-tieni waħda kienet dwar ir-relazzjoni tagħha ma' Alla u kif se tirrikonċilja l-mod kif il-Knisja tara l-gays, jew kif Alla jara l-gays, u r-relazzjoni tagħha m'Alla. U hawnhekk li binti kienet fortunata għax marret tkellem patri jew qassis, għadni sal-lum ma nafx min hu għax qatt ma qaltli, u fih sabet persuna li fehem is-sitwazzjoni tagħha.

U qalilha dak li għidtilha jien… li Alla jħobbha kif inhi għax għamilha xbieha tiegħu u allura ma jistax ikun hemm xi ħaġa difettuża fiha. Qalilha wkoll li tista' tkompli bir-relazzjoni tagħha ma' Alla kif kienet qabel.

U naħseb li dan salvalha ħajjitha. Għax hemmhekk irrealizzat li Alla jħobbha allavolja mhix "tal-massa". Er­ħilha jekk immorru lura fl-istorja, fi żmien il-Griegi, li tkun gay kienet xi ħaġa po­żittiva. Imma dak kif tarak is-soċjetà. Illum is-soċjetà għad­ha tara lil dawn in-nies bħala differenti minn ħaddieħor.

Qabel ma qaltlek qatt issuspettajt li bintek gay?

Kellna suspett. L-iżjed il-mara. Għax l-ommijiet huma iktar sensittivi għal dawn l-affarijiet. Mhux se ngħid ir-raġuni għax il-mara ndunat inkella nkun qiegħed nikxef lil binti. Kienet tgħidli li bilfors hemm xi ħaġa f'bintna erħilha li jien għidtilha li mhux bilfors kulmin jagħmel bħal bintna lesbjana.

Sakemm ġara dak li ġara. Meta t-tifla qaltli li kienet gay jien ma nħsadtx. Imma l-mara iva. Damet m'aċċettat is-sitwazzjoni. L-omm tħares lejn it-tifla bħala omm… omm li se jkollha t-tfal. Allura l-mara rat it-tifla ma kinitx se tiżżewweġ. U li ma kienx se jkollha tfal. Hemm mar moħħha. U damet xi ħames snin jew sitta. Mhux m'aċċettathiex, għax baqgħet tħobbha, imma baqgħet tittama li l-affarijiet ikunu differenti.

Niftakar meta t-tifel kien se jagħmel eżami importanti konna mmorru nitolbu l-Knisja u għamilna novena biex jgħaddi. Konna noffru r-rużarju għat-tifel biex jgħaddi u ommi kienet tgħidilna biex noffruh ukoll għat-tifla "biex forsi ssib raġel iħobbha". U jien kont ngħidilha biex tiskot.

L-iskola kellha problemi bħal 'bullying'?

Assolutament xejn. Naħseb kellha xi 22 jew 23 sena meta rrealizzat li kienet gay. Qabel kienet toħroġ mas-subien u tagħmel 'dates' magħhom. Kellha wkoll relazzjoni twila ma' raġel u kważi kienu se jitgħarsu. Imma mbagħad naħseb li bdiet tħoss li kien hemm xi ħaġa differenti fiha. Jien minix gay u ma nistax ngħid xiex imma naħseb li huma jafu.

Fil-każ tat-tifla qatt ma kien hemm 'bullying'. Qatt ma kienet 'tomboy' u jekk taraha ma tgħidx li hija gay. Għadha ftit "suspettuża" rigward in-nies ta' madwarha fosthom tax-xogħol. Erħilha li fuq ix-xogħol jadurawha lil binti u issa ilha mal-kumpanija fejn taħdem għal dawn l-aħħar 20 sena.

Imma għalkemm saret parti mill-familja tagħhom xorta riżervata f'dawn l-affarijiet. Ma tridx li d-dinja kollha tkun taf x'inhi u x'mhix. Qiegħda f'relazzjoni, tgħix ma' mara oħra u għandhom id-dar tagħhom. Id-differenza li flok fid-dar qegħdin jgħixu raġel u mara għandek mara u mara. Il-mara li qiegħda ma' binti parti mill-familja u kull meta jkollna festin, bħall-Milied u l-Għid, dejjem flimkien inkunu.

Li tagħtini f'għajni hija r-relazzjoni ta' nies bħal dawn mal-Knisja. Dik tagħtini ġewwa. Bħala Drachma Parents Group nemmnu li l-Knisja tirrappreżenta lil Alla. Imma waqt li Alla huwa infallibbli, il-Knisja le u ġieli tiżbalja.

Il-Knisja tgħidlek li għandek issegwi ċertu regolamenti. U aħna nsegwuhom bħala Kristjani u Kattoliċi. Imma jekk il-Knisja tgħid xi ħaġa li jien ma naqbilx magħha għandi dritt ma naqbilx magħha.

Il-Knisja tgħidilna li lil uliedna tħobbhom. Veru tħobbhom imma taħt ċertu kundizzjonijiet. Huma dawn il-kundizzjonijiet li jien ma nistax naċċetta. Forsi ħaddieħor jaraha differenti.

Ħu l-att sesswali bejn il-gays. Il-Knisja ma taċċettahx. Għax mhumiex miżżewġin. Issa ejja nieħdu nies eterosesswali. Ġuvni u tfajla ma jis­tax ikollhom sess qabel iż-żwieġ għax skont il-Knisja huwa dnub. Jekk jiżżewġu allura orrajt jistgħu. Fil-każ tal-persuni gay jekk ikollhom att sesswali barra ż-żwieġ huwa dnub. Imma lanqas ma jistgħu jiżżewġu.

Jekk it-tifla tiegħi tinnamra u torqod mas-sieħba tagħha m'hemm xejn innaturali. Għal­iex? Għax it-tnejn jinħabbu. Imma ma jistgħux jiżżewġu għax il-Knisja tgħidilhom li ma taċċettax żwieġ bejn gays. Mela la jistgħu jiżżewġu u lanqas jinnamraw. Allura x'jistgħu jagħmlu?

U l-Knisja tgħidilhom ukoll li jekk huma jkollhom relazzjoni bejniethom ma jistgħux jirċievu s-sagramenti. Ma jistgħux jitilgħu jitqarbnu dawn. Issa għidli int kif jien nista' naċċetta li binti, mara tajba li qatt m'għamlet ħsara lil ħadd, ma tistax titla' titqarben? Għax hija gay. Għax għandha relazzjoni ma' mara oħra.

Kapaċi jkun hemm ġenitur ieħor jgħidlek noħroġ mill-Knisja.

Noħroġ mill-Knisja? Mela x'nagħmel! 'No way'! Ir-relazzjoni tiegħi hija ma' Alla. Mhux se ngħid "jekk il-Knisja ma taċċettax lil binti kif inhi mela se nqatta' l-karti u ma naċċettax lill-Knisja". Mnejn sa fejn?

Imma jekk tkun fil-Knisja trid tobdi r-regoli tagħha.

Hawn min jargument hekk. Jien le. Għax għandi dritt ma naqbilx ma' ċertu affarijiet li tgħid il-Knisja. Ħu l-kontraċettivi. Il-pożizzjoni tal-Knisja mhix xi ħaġa vanġelika. Hemm differenza bejn il-Vanġelu, li naċċettawh, u r-regoli u l-liġijiet imfasslin mill-Knisja li tagħmilhom hi u ħafna drabi kien hemm każijiet fejn inbidlu.

Kemm-il darba f'dawn l-aħħar 60 sena u f'pajjiżna kellna sitwazzjonijiet fejn il-Knisja ħadet passi li llum il-ġurnata tammetti li kienu ħżiena. Li kellha żball. Ħaġa waħda nemmen. Li Dak li hemm fuq ma jieħux żbalji. Għax kieku jieħu l-iżbalji lil binti ma ġabhiex kif hi. Dak hu l-punt tiegħi. Li Alla jħobbna preċiżament kif aħna. Mela ma tista' qatt tgħidli li binti ma tistax tirċievi lil Alla. Lanqas jekk jiġi l-Papa.

Imma l-Knisja mhux ir-rappreżentanta t'Alla?

Int qed teħodha 'sine qua non'. Int qed teħodha li jekk Knisja tgħid ħaġa anke Alla qiegħed jgħidha. Li mhux neċessarjament. Għax allura tkun qiegħed tgħidli li jekk il-Knisja tieħu żball allura jkun qiegħed jieħu żball ukoll Alla.

Kien hemm żmien fejn il-Knisja kienet tiffavorixxi l-Kruċjati u l-iskjavitu. Fil-passat kien hemm żmien fejn il-Knisja kienet tgħid li jekk tikteb bix-xellug mad-dimonju. Meta kont l-iskola jien is-sorijiet bifors riduni nikteb bil-lemin. Il-pajjiżi Musulmani għadhom jagħmluha sal-lum.

Imma matul iż-żmien tiġġedded. Inzertajna li fejn tidħol it-teoloġija sesswali għadna lura.

Jiġifieri tqis il-pożizzjoni tal-Knisja dwar il-gays bħala waħda żbaljata?

Mhux żbaljata. M'għandix raġun. Ejja nieħdu l-vot tal-mara. Niftakar li l-Knisja qatt ma kienet favur il-vot tal-mara. Żball enormi. Mur għidha llum!

Li ma nistax naċċetta huwa li tnejn min-nies li jinħabbu ma jistgħux jiżżewġu. Anke legalment… mnejn sa fejn li binti u s-sieħba tagħha li ilhom f'relazzjoni għal diversi snin ma jistgħux jirregolaw ruħhom skont il-liġi kif jistgħu mara u raġel? Għaliex le? Meta jgħixu flimkien u għandhom dar flimkien.

Imma ma naħsibx li l-Knisja se taċċetta li l-gays jiżżewġu?

Il-Knisja qatt ma tista' taċċettaha dik. Imma ma jfissirx li għax ma taċċettahiex hi aħna bħala Drachma, grupp Kristjan u Kattoliku, m'għandna l-ebda dritt ngħidu dak li nħossu.

Mal-Arċisqof u l-awtoritajiet tal-Knisja ltqajtu?

Kellna laqgħat li kienu kordjali ħafna. Infatti kienet issa l-ewwel darba li għamilt ritratt tal-Arċisqof f'dari. Dan ir-raġel jien inħobbu. Laqgħana u kellimna. Imma daqskemm aħna nemmnu li għandu l-parametri tiegħu huwa jemmen li aħna għandna tagħna wkoll. Ma nistgħux ngħidulu "int ċuċ u ma tifhimx". U huwa ma jistax jgħidilna l-istess ħaġa.

U t-tifla kif tħares lejn din il-pożizzjoni tal-Knisja?

L-istess. M'għandhiex problema. Qatt ma qaltli xi ħaġa kontra l-Knisja. Kemm-il darba tiġi magħna l-quddies. U titla' titqarben kemm hi kif ukoll is-sieħba tagħha. Allaħares naslu fi stat fejn xi ħadd iwaqqafha.

Imma għandek nies fil-moviment tal-gays li huma militanti u jgħidulek li ma jridx ikollhom x'jaqsmu mal-Knisja. Aħna m'aħ­niex hekk. U mhux bħala ġenituri biss. Għandna gays ukoll fil-grupp u fil-Milied u l-Għid niltaqgħu flimkien, nagħm­lu quddiesa u wara nagħmlu 'party'.

Minbarra l-Knisja, kif tħares lejn il-mod li s-soċjetà tħares lejn nies bħal bintek? Hija problema minħabba ċ-ċokon ta' pajjiżna?

Le, barra wkoll hemm problemi kbar bl-omofobija. Sena ilu kien hawn konvenzjoni internazzjonali f'Malta u lanqas temmen x'jiġri f'pajjiżi bħall-Ukrajna, il-Latvja u l-Polonja.

F'Malta m'għandniex minn dawn l-affarijiet. Imma bħala soċjetà għadna omofobiċi. Għadna ma tgħallimnix li dawn in-nies huma ugwali daqs ħaddieħor. Naf b'sitwazzjonijiet ta' nies li meta applikaw għal xogħol għax saru jafu li huma gays ma tawhomx l-impjieg. Li hija kontra l-liġi. Imma għalkemm illegali għadhom isiru.

Hemm min is-soċjetà wass­litu biex jikkometti suwiċidju. Isiru bejn tmienja u għaxar suwiċidji fis-sena minħabba li l-persuna ma tkunx aċċettata bħala gay. Li hija figura allarmanti għal pajjiż Kattoliku fejn il-familja ngħożżuha.

Ikollok min la s-soċjetà u lanqas il-familja ma taċċettah u jispiċċa jħossu emarġinat. U għalhekk neżistu aħ­na… biex jekk ikun hemm xi ħadd li qiegħed iħossu mwarrab isib min jisimgħu. U anke ġenituri ta' tfal gay jiġu stigmatizzati. Qisu għam­lu xi ħaġa ħażina… Qishom xi ħaġa tal-mistħija.

Hawn min għandu l-impressjoni żbaljata li l-gays jagħm­lu sess bl-addoċċ. Issib ftit gays hekk imma anke eterosesswali ssib hekk. Allura għaliex jittimbraw lill-gays biss?

Bħalma hawn min jemmen li l-gays huma pedofeli jew li l-qassisin huma pedofeli. Meta r-realtà hija li ħafna drabi jkunu rġiel miżżewġin, u miżżewġin nisa, li jabbużaw mit-tfal.

Idejjaqni ħafna l-fatt li ġieli jkunu ħbieb tiegħi stess li jitkellmu b'mod dispreġġjattiv kontra n-nies gay. U nwaqqafhom. Għax jafu li t-tifla tiegħi gay. Jien ma naċ­ċettax lingwaġġ bħal "pufta". Meta nisma' kliem hekk nieħu 'stand'. U ma nitkellimx iktar għax nirrispetta l-anonimità ta' binti. F'xogħli niltaqa' ma' ħafna nies u ġieli ġew għandi jibku għax saru jafu li t-tifel jew tifla tagħhom huwa gay. Ikunu ddisprati. Imma jien ngħidilhom "imbilli t-tifla tagħkom gay? Anke binti gay. X'inhu dan l-għaġeb kollu li qegħdin tagħmlu?".

Darba kellna każ ta' koppja li saret taf li t-tifla tagħha hija gay. Ċemplu post u tawhom telefon ta' 'counseller'. Qisu l-gays imġienen! Qisek jekk tkun gay trid tmur għand 'counseller'! Tkellimt mal-koppja u tajtha t-telefon tad-Drachma. U għidtilhom biex jekk ikunu jafu koppji oħra simili jagħmlu l-istess. U mela tmur għand 'counseller'! Hawn ħafna nies jistħu jgħidu li binhom jew bint­hom gay. U sfortunatament hemm ħafna li ma jibqgħux f'relazzjoni tajba ma' wliedhom. Issib min ikeċċuhom 'il barra. Maż-żmien forsi jindunaw xi żball għamlu. Imma fl-ewwel 48 siegħa l-persuna jaf tkun diġà wettqet suwiċidju. Naf wieħed qalli li kieku jkun jaf li ibnu jkun gay ineħħih mill-wirt. Għidtlu "ma jmissekx tistħi!"

Taħseb li għad jiġi żmien fejn is-soċjetà taċċetta lil dawn in-nies?

Jekk f'Malta għandek persentaġġ ta' nies omofobiċi ssib li fil-maġġornaza tagħhom dawn għandhom ċertu età. Jekk nibdew nedukaw lit-tfal tal-lum biex jaċċettaw lin-nies gay bħala persuni normali 20 sena oħra, meta jien inkun taħt l-art, ikollna ġenerazzjoni li l-affarijiet tarahom differenti.

No comments:

Post a Comment