[Dan l-artiklu mhux fuq is'sit ta' l-Orizzont s'issa]
19.5.2011
• Il-Malta Gay Rights Movement (MGRM), ilbieraħ għamel protesta quddiem il-Sapphire Suite, Rivers of Love Fellowship li jinsab f’Ħaż Żebbug, bħala protesta għal dak li qal L-Evanġelista John Manche, fejn iddikjara li huwa qed jgħin lil persuni omosesswali jikkonvertu mill-orjentazzjoni sesswali tagħhom.
Għall-ħabta tas-6.30 p.m għadd ta’ persuni omosesswali inġabru quddiem l-imsemmi bini b’diversi kartelluni f’idejhom. Wieħed mill-kartelluni kien jgħid “I really shouldn’t be here”, filwaqt li kartellun ieħor jgħid “I used to be a werewolf but then I converted”. Flimkien mal-MGRM, ingħaqdu fil-protesta wkoll il-Moviment Graffitti u l-għaqda Drachma.
F’kelmtejn li għamlet waqt il-protesta, Gabby Calleja, qalet li minkejja li l-grupp ta’ Evanġelisti għamlu apoloġija ta’ dak li intqal, ma jfissirx li ma saret l-ebda ħsara. Sostniet f’pajjiżna li l-protesta qed jagħmel l-MGRM tmur oltre mid-dikjarazzjoni li għamel ftit tal-jiem ilu Manche.
“Din il-protesta għandha ssservi biex in-nies jifhmu li l-fatt li persuna tkun omosesswali ma tkun qed tagħmel xejn ħażin u lanqas ma tkun qed tbati minn xi marda. F’pajjiżna għadna niltaqgħu ma’ ħafna każi fejn il-ġenituri jieħdu lit-tfal tagħhom għand psikjatri meta dawn jgħidulhom li huma omosesswali u jaħsbu li se jfejquhom. Dan mhux il-każ … l-omosesswalità mhix marda” kompliet tgħid Calleja.
Filwaqt li saħqet li f’pajjiżna għamilna avvanzi kbar f’dak li għandu x’jaqsam ma’ kuxjenza dwar min huma nies omosesswali, Gabby Calleja qalet li minkejja dan, f’pajjiżna għad fadlilna triq twila biex persuni omosesswali jingħataw aktar drittijiet bħal bqija tal-persuni l-oħra fis-soċjeta.
Dan il-ġurnal ħa l-kummenti wkoll ta’ John Manche li kien barra l-bini fejn jiltaqgħu l-Evanġelisti. “Aħna ma għandna xejn kontra ħadd … lanqas kontra nies omosesswali. Il-messaġġ tagħna huwa wieħed ta’ imħabba” kompla jgħid Manche. Meta mistoqsi mill-ġurnalisti dwar l-inċident inkwistjoni, Manche qal li “dan huwa process fejn isir talb fuq il-persuna … xejn iktar. Pereżempju magħna għandna ħafna nies li qabel kienu jieħdu d-droga u permezz tat-talb li sar dawn ħarġu min din il-problema.
Jien qatt ma kelli kunflitti ma’ persuni li huma omosesswali f’ħajti. Għaldaqstant biex niddeskrivi dan kollu fi ftit kliem, dan kien avveniment ibbażat fuq l-imħabba ta’ Kristu li ġie mibdul f’xi ħaġa tal-mibgħeda” temm jgħid Manche.
No comments:
Post a Comment