Wednesday, 25 May 2011

L-Orizzont: Malta t-tieni l-inqas pajjiż fl-UE “friendly” għall-gays

[Dan l-artiklu mhux fuq is'sit ta' l-Orizzont s'issa]
19.5.2011

Stħarriġ li sar fl-UE poġġa lil Malta fit-tieni post tal-iktar pajjiżi li m’humiex “friendly” mal-gays. Fit-tieni post flimkien ma’ Malta ġew l-Italja u l-Latvja waqt li t-titlu tal-iktar pajjiż fejn il-gays m’humiex stmati mar għand Ċipru.
L-istħarriġ sar mill-Assoċjazzjoni Internazzjonali tal-Gays u l-Lesbjani (ILGA) fl-okkażjoni tal-Jum Internazzjonali kontra l-Omofobija li jiġi iċċelebbrat fis-17 ta’ Mejju.

Konxju jew le tal-pożizzjoni ta’ Malta f’dan l-istħarriġ, il-Malta Gay Rights Movement (MGRM) il-bieraħ stess organizza attività fil-Belt fejn quddiem il-bini tal-qorti qassam madwar 400 qronfla lill-pubbliku bħala turija ta’ ħbiberija.

Bernard Muscat, kelliem għall-MGRM, iddeskriva l-omofobija bħala “marda soċjali li l-MGRM ilha taħdem kontriha minn mindu twaqqfet fl-2001” u sostna li għalkemm huma ilhom jaħdmu b’risq il-gays u l-lesbjani u sar xi titjib fil-pajjiż madanakollu għad baqa’ ħafna x’isir.

Sadanittant, ir-rapport tal-ILGA poġġ lil Ċipru fiz-“zona l-ħamra” ma’ ħames pajjiżi li m’humiex membri tal-UE imma li huma wkoll magħrufa għan-nuqqas ta’ drittijiet fejn jidħlu l-gays – Armenja, Ażerbajġan, Maċedonja, Russja u Turkija.

L-agħar pajjiżi Ewropej għall-persuni gay huma l-Belarus, il-Moldova u l-Ukrajna u dan wassal lill-ILGA biex tgħid li l-pajjiżi reliġjużi fil-Lvant tal-Ewropa jittrattaw lill-gays agħar minn dawk fit-Tramuntana u l-Punent tal-kontinent.

L-istudju sab ukoll li l-iktar pajjiżi progressivi fejn jidħlu d-drittijiet tal-gays huma Spanja, l-Isvezja u r-Renju Unit għalkemm pajjiżi bħall-Ġermanja u l-Portugall għamlu titjib kuntrarju għal-Litwanja u l-Ungerija li marru lura.

No comments:

Post a Comment