http://www.it-torca.com/news.asp?newsitemid=11578
8.5.11 minn Colin Apap
Fr Colin,
Għaliex il-Knisja Kattolika qiegħda tkompli tkabbar il-mibegħda kontra l-gays? Għaliex għadkom issejħulna "perversi" u "annimali". Qegħdin isejħulna "morda" u jużaw lil Kristu biex ikomplu jkabbru l-"hate language"?
Issa kien hemm dak l-"Evan-ġelist" (iħabbar il-Vanġelu?) li qal li qed jirnexxilu li min hu gay minn ġuf ommu jġibu "straight". Safejn naf jien dan imur eżattament kontra t-tagħlim tax-xjenzjati u l-mediċina li tgħallem li ebda miraklu ma jista' jagħmel bniedem verament gay u jbiddlu fi straight. Imma dan qegħdin jagħmluh kollox f'isem Kristu u l-Kelma t'Alla, l-Iskrittura.
Jiena naf lil Gordon-John Manche' l-Evanġelist li jidher fuq Smash TV. Qed iwassal "hate language" kontra minoranzi, kontra l-omosesswali, kontra l-leżbjani u dak li hu agħar hu li juża l-Kelma t'Alla biex jinterpreta kif jaqbel lilu.
Jiena rajt il-programm meta poġġew f'dawl ikrah lill-Palestinjani u bdew jgħidu li t-tbatijiet kollha li għaddew minnhom huma kollha għalxejn għax Alla l-Imbierek ta l-artijiet okkupati minn Iżrael biex iżommuhom għalihom u jkeċċu lill-Palestinjani minn arthom. Allura tista' tgħidli x'jiswew id-dikjarazzjonijiet kollha li għaddew mill-Ġnus Magħquda? Kollha jmorru kontra l-Iskrittura?
Issa sirna nafu li anki l-pulizija qegħdin ikomplu joħonqu l-libertà tal-assemblea għax qegħdin jheddu pubblikament lil min jieħu sehem fil-protesti li qamu kontra din il-"hate language" se jkunu arrestati għax m'għandhomx permess tal-pulizija biex jippro-testaw!
Mela biex tmur tipprotesta trid il-permess tal-pulizija?
Mela min jista' jxerred mibegħda lejn l-omosesswali kollox sew? Hu jista' jgħid li jrid u aħna le?
Gay no more – Made new by the power of Christ tar-River of Love Christian Fellowship f'Ħaż-Żebbuġ turi kemm hawn injoranza minn nies li suppost huma intelliġenti. Qegħdin jgħidu li sabu tliet omosess-wali u permezz tal-psikoloġija ta' moħħhom – "reparative treatment" – dawruhom straight. Jien qatt ma smajt bi psikoloġija bħal din. Tajjeb li jgħidulna minfejn sabuha u xi provi għandhom.
Qed jikkwota l-iskrittura imma ma jgħidilniex li min jifhem fl-Iskrittura jgħidilna li kull kelma fiha trid tittieħed skont iż-żmien li ntqalet, il-kuntest tal-Komunità nisranija li fiha ntrawmet il-Kelma t'Alla.
Min juża l-Iskrittura biex iħammeġ lil bnedmin xbieha t'Alla li ħalaqna jkun qed jagħmel servizz ħażin mhux biss lil Alla imma l-ħolqien tiegħu ukoll!
Joseph C
Id-dritt li tipprotesta kontra "hate language"
• L-omofobija u l-mentalità ta' "aħna" kontra "huma", diżgrazzjatament, għandha għeruq qawwi fil-qlub u l-moħħ ta' bosta Maltin u Għawdxin.
Il-Knisja Kattolika qatt ma qalet li l-omosesswalità hija dnub. Titlob lill-omosesswali, bħal kull persuna oħra, anki l-eterosesswali, li s-sesswalità hija don u trid tintuża b'res-ponsabbiltà.
Kontra dak li ntqal fl-aħbarijiet il-Pastor Gordon Manche' m'għandu x'jaqsam xejn mal-Knisja Kattolika – anzi issa sar jitkellem ħafna kontra tagħha fl-apert. Mhux veru li s-sur Manche' huwa saċerdot kattoliku kif kien irrapportat.
Il-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ ikkundanna dan għax ma tistax tippreżenta lil min hu gay bħala marid u għandu bżonn li jitfejjaq mill-orjentament sesswali li twieled fih.
Naqbel mal-istqarrija li ħareġ il-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ dwar l-isfidi diffiċli li l-membri tal-LGBTQ (Lesbians, Gays, Bisexual, Transesswali). Biżżejjed għandhom diffikultajiet li toħolqilhom soċjetà Maltija li hija bigotta, ipokrita fejn jidħol is-sess, u turi wiċċ b'ieħor. Minn naħa tgħidilhom kemm għandna soċjetà mif-tuħa, tolleranti u min-naħa l-oħra twarrabhom u tuża l-Kelma t'Alla biex tkompli ssawwathom.
Ma nistax nifhem kif il-Pulizija daħlu f'din l-istorja. Inħoss li kulħadd għandu dritt jipprotesta u jsemma' leħnu skont il-liġi. Safejn naf jien kull grupp ta' inqas minn għaxra jista' jiltaqa' mingħajr permessi tal-Pulizija u jsemma' leħnu.
Issa anki d-dritt tal-protesti qegħdin niddiskutu?
Ninsabu f'nofs tibdil qawwi soċjali u wħud iridu jmexxu l-arloġġ lura u mhux jindunaw li ż-żminijiet qegħdin jitbiddlu, il-liġijiet qegħdin jitbiddlu, il-Qrati qegħdin jagħtu iżjed
drittijiet lill-minoranzi u li l-Kelma t'Alla eterna qegħ-din nifhmuha aħjar illum mill-bieraħ. Il-messaġġ ta' solidarjetà, mogħdrija u dinjità tal-bniedem għandhom kollha s-sors tagħhom fil-Kelma t'Alla mifhuma u mgħixa sew.
No comments:
Post a Comment