Sunday, 18 January 2009

L-Orizzont: Abort u zwieg ghall-‘gays’

http://www.l-orizzont.com/news.asp?newsitemid=5029616.1.9; minn Victor Vella

Bl-għan li ssir pressjoni fuq stati membri tal-Unjoni Ewropea biex dawn idaħħlu aktar aċċess għall-abort u għaż-żwieġ bejn il-‘gays’ u dan skont iċ-Ċharter tad-Drittijiet Fundamentali tal-Bniedem, fl-aħħar jiem għaddiet riżoluzzjoni li titlob dan fil-Parlament Ewropew.

Ir-riżoluzzjoni tħejjiet mill-Membru Parlamentari tal-Partit Komunista Taljan, Giusto Catania. Din ir-riżoluzzjoni qed tiġi kkritikata ħafna u qiegħda tkun deskritta bħala li l-għan tagħha hu li ddaħħal l-abort b’mod aktar faċli fil-pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea fosthom dawk bħal Malta fejn l-abort hu illegali.

Ir-riżoluzzjoni qiegħda titlob li l-istati membri jiggarantixxu b’mod legali aċċess għad-drittijiet riproduttivi u sesswali. Ir-riżoluzzjoni titkellem ukoll fuq ix-xenofobija, id-drittijiet tat-tfal u r-refuġjati. Parti tar-riżoluzzjoni titkellem fuq il-bżonn li tiżdied il-kuxjenza biex in-nisa jkollhom aktar drittijiet fuq is-saħħa sesswali.

Ir-riżoluzzjoni titlob ukoll li jkun hemm fondi pubbliċi disponibbli f’kull pajjiż biex jiżguraw li nisa minn gruppi etniċi, ikollhom aċċess għas-servizzi kollha. Ir-riżoluzzjoni titlob ukoll biex l-istati membri jirrikonoxxu ż-żwieġ bejn persuni tal-istess sess u li dawn ikollhom l-istess drittijiet bħal persuni eterosesswali. Fid-dibattitu li sar ma ġewx imressqin emendi ‘favur il-ħajja’ mid-Deputati preżenti. Ir-riżoluzzjoni, issa trid tmur quddiem il-Kunsill tal-Ministri qabel issir liġi.

Kritiċi ta’ din il-mozzjoni qegħdin isostnu li din ir-riżoluzzjoni se tagħmel pressjoni kbira fuq il-gvernijiet Ewropej biex jabolixxu r-restrizzjonijiet eżistenti fil-liġijiet dwar l-abort.

Anthony Ozimic, is-Segretarju tas-Soċjetà għall-Protezzjoni tat-Trabi mhux Imwielda (SPUC), fil-kummenti li għadda fuq din ir-riżoluzzjoni qal li “din tikser drittijiet nazzjonali fuq l-abort. Ir-riżoluzzjoni qed titlob li jkun rikonoxxut id-dritt għall-abort, imma sa issa l-ebda trattat internazzjonali jew Qorti tad-Drittijiet Umani, għadha ma rrikonoxxiet dan id-dritt”, qal Ozimic.

Ozimic enfasizza li “mexxejja reliġjużi u dawk favur il-ħajja madwar l-Ewropa, għandhom jieħdu azzjoni kontra din ir-riżoluzzjoni f’pajjiżhom. Il-messaġġ li rridu nisimgħu minn kull pajjiż hu dak li d-dritt tal-ħajja hu dritt fundamentali tal-bniedem”.

69 Malti marru r-Renju Unit jagħmlu abort

Ta’ min jgħid l-għadd ta’ nisa jew tfajliet Maltin li matul is-sena 2007 marru jagħmlu abort fir-Renju Unit, b’mod partikolari fi sptarijiet f’Londra, laħqu 69. Din hi l-ogħla rata ta’ Maltin li marru jagħmlu aborti fir-Renju Unit fl-aħħar snin. Din il-figura turi li l-aborti minn Maltin żdiedu bi 3 fil-mija fuq is-sena ta’ qabel. Jekk wieħed jara kemm saru aborti minn persuni barranin fir-Renju Unit isib li kien hemm 7,099 każ. L-aborti tal-Maltin jammontaw għal 1 fil-mija tal-għadd tal-aborti minn persuni barranin.

L-aborti minn persuni Maltin għas-sena 2006 kienu jlaħħqu 55. Is-sena ta’ qabel jiġifieri 2005, l-għadd ta’ Maltin li għamlu abort legali fir-Renju Unit kien 54, waqt li fis-sena 2004 kien hemm 67 persuna li għamlu abort. Din l-istatistika turi li hemm għadd konsistenti ta’ tfajliet Maltin li jmorru jagħmlu abort fir-Renju Unit, għalkemm mhux magħruf kemm imorru l-Italja jew f’postijiet oħrajn bħal Spanja.

Xi xhur ilu kien inħareġ rapport intitolat “L-Evoluzzjoni tal-Familja Ewropea fl-Ewropa fis-sena 2008.” Dan analizza s-sitwazzjoni tal-familja fis-27 pajjiż membru tal-Unjoni Ewropea u ħareġ statistika li tqieset bħala xokkanti. Dan għax kull sena 1,167,683 tarbija jispiċċaw f’abort.

Dan ifisser li kważi tarbija minn kull ħamsa tispiċċa f’abort. Ir-rapport jgħid li r-rata annwali tal-abort fl-Unjoni Ewropea hi ekwivalenti għall-popolazzjoni tal-Lussemburgu u Malta flimkien u hu l-akbar kawża ta’ imwiet fil-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea. Ir-rapport kien ġie ppreżentat fil-Parlament Ewropew fi Brussels, u jiddeskrivi r-rata tat-twelid tat-trabi fl-Ewropa bħala “kritika”. Jgħid li fil-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea twieldu 920,089 inqas trabi fis-sena 2007 meta mqabbel mas-sena 1980.

No comments:

Post a Comment