11.1.9 minn Alfred Sant
[Din hi t-tielet parti. It-tieni parti tista' taraha hawn.]
F’dan l-istudju maqsum fuq erba’ partijiet, Alfred Sant jagħti ħarsa lejn ir-relazzjoni bejn ir-reliġjon b’mod istituzzjonalizzat u l-awtorità ċivili; kunflitti, eġemonija, tensjonijiet u bilanċi fl-istorja ta’ pajjiżna u lilhinn.
Tliet teżijiet
Aktar mid-dettalji tal-ġrajjiet li seħħew bejn is-snin sittin tas-seklu l-ieħor u llum, hawn jinteressani kif żviluppaw il-linji ta' ħsieb fi ħdan ir-reliġjon organizzata quddiem ġrajjiet li kienu jidhru resqin jew li twettqu. Nistgħu nirreferu f'das-sens għal tliet studji li dehru f'dati sinifikattivi - l-1973, l-1991 u l-2001 - kollha marbuta ma' aspetti taż-żwieġ f'sistema Kattolika.
Fl-1973, George A . Frendo O.P. ippubblika t-teżi tad-dottorat tiegħu fl-Università Pontifika San Tumas ta' Ruma, “Indissolubility and Divorce in the Theology of Thirteenth Century Scholastics”.
Fl-1991, Joe Vella Gauci ppubblika studju magħmul fi ħdan l-Università ta' Londra bit-titlu “Islamic Law and Mixed Marriages in Malta”.
Fis-sena 2001, Mario Grech ippubblika t-teżi tad-dottorat tiegħu, ukoll fl-Università Pontifika San Tumas ta' Ruma, “The Harmonization of the Religious and Civil Dimensions of Canonical Marriages in Malta”.
L-għażla tat-temi fl-istudji pubblikati, kif ukoll l-ispostament tal-argumenti li jmexxu l-kittieba, jirriflettu mhux biss il-fond tas-suġġett li ttrattaw, imma wkoll ċerti linji tal-bixra ekkleżjastika fil-mument meta kienu qed jiktbu. B'hekk il-kittieba taw xhieda ta' kif kien jinħass li se jinbidel, qed jinbidel jew inbidel il-bilanċ fit-tensjoni bejn il-poter soċjali tal-awtorità ċivili, u dak tar-reliġjon organizzata bi rwol dominanti fil-pajjiż.
It-teżi ta' Frendo tifli b'analiżi metikoluża u folta, il-kitbiet tat-teologi tal-Knisja tas-seklu tlettax, meta fformat ruħha l-fehma skolastika dwar elementi ewlenin tal-ħsieb kattoliku. Dil-fehma mbagħad saret, l-aktar permezz tal-adozzjoni tal-kitbiet ta' Tumas ta' Akwina, parti fondamentali mit-twemmin u l-prattika tar-reliġjon Kattolika.
Frendo juri madankollu li talanqas fl-iżvilupp tal-kunċetti dwar ir-rabta bejn raġel u mara fiż-żwieġ, it-teologi tas-seklu tlettax ma kellhomx xi fehma li ħarġet magħquda u unika mill-ispekulazzjoni tagħhom. Jikkuntrasta l-fehmiet ta' Tumas ta' Akwina ma' dawk ta' teologi kontemporanji tiegħu jew li ġew ftit qablu, biex juri li ċerti kunċetti dwar in-natura taż-żwieġ u l-indissolubiltà tiegħu xejn ma kienu evidenti, imma kienu jagħtu lok għal tifsiriet differenti. Per eżempju, għalkemm kien hemm qbil fost dawn it-teologi li ż-żwieġ min-natura tiegħu kien indissolubbli, dal-prinċipju spiċċa li ġie definit bħala wieħed li mhux ewlieni, imma sekondarju, hekk li minnu seta' jkun hemm dispensa f'ċerti ċirkostanzi. Kif tingħata did-dispensa kienet xiħaġa li dwarha l-fehmiet kienu differenti.
Dan kien jintqal lil hinn mill-hekk imsejjaħ privileġġ Pawlin, fejn skont it-teologi, żwieġ bejn koppja mhux kattolika jista' jinħall jekk waħda mill-partijiet issir kattolika u l-oħra le. Barra minn hekk, kienu jeżistu diverġenzi ta' opinjoni dwar il-firxa u l-limiti tal-liġi naturali; din kienet tiġi invokata biex tiġġustifika r-riġidità fl-istrutturi taż-żwieġ u r-rabta tagħhom ma' formoli teoloġiċi ewlenin. Per eżempju, argument għall-indissolubiltà taż-żwieġ kien isir bil-paragun bejn żwieġ ta' koppja, u ż-żwieġ “mistiku” ta' Kristu mal-knisja tiegħu, li żgur mhu se jinħall qatt. (Dan hu kunċett li għal kull min jifli l-fenomenu taż-żwieġ minn barra l-perspettiva tat-teoloġija kattolika ftit li xejn jiftiehem, imma hu kruċjali għal ċerti preżentazzjonijiet kattoliċi favur l-indissolubilità taż-żwieġ.) Frendo jargumenta li f'dal-każ, xi teologi kienu poġġew il-karrettun quddiem iż-żiemel; kienet ir-rabta mistika bejn il-Knisja u Kristu li kellha tiġi mqabbla maż-żwieġ, mhux viċi-versa, u għalhekk dir-rabta mistika ma setgħetx tinħall, għax skont il-liġi naturali rabta taż-żwieġ ma tinħallx.
Biss, forsi l-aktar punt interessanti li jqajjem Frendo jirrigwarda d-divorzju. Wara li jifli l-argumenti miġjuba minn Tumas ta' Akwina u sħabu li jiġġustifikaw is-separazzjoni fiż-żwieġ, jikkonkludi li l-istess argumenti japplikaw bl-istess qawwa għad-divorzjuŠ
Pluraliżmu reliġjuż
Min-naħa tiegħu, Vella Gauci jippreżenta informazzjoni dwar il-komunità “ġdida” musulmana f'pajjiżna, magħmula minn Maltin - l-aktar nisa - li kkonvertew għall-Iżlam, bi żwieġhom barranin li ħadu ċ-ċittadinanza Maltija u t-tfal tagħhom, kollha jgħixu magħhom. Hu jifli kif qed tiżviluppa l-ħajja familjari f'din il-komunità fejn ċittadini kattoliċi qed jiċħdu t-twemmin li trabbew fih u qed ikunu soġġetti għal liġi reliġjuża mhux kattolika fir-rigward tal-ħajja miżżewġa tagħhom. Diġà qed jibda jidher sew mill-informazzjoni preżentata f'dan l-istudju li l-qafas legali li fih qed jgħixu dawn il-familji, minkejja l-bidliet fil-liġi taż-żwieġ li daħlu fl-1975, ma kienx qed ikopri għal kollox realtajiet soċjali li bdew jinfirxu.
Fiż-żwiġijiet bejn Maltin Kattoliċi jew eks-Kattoliċi u persuni Iżlamiċi li studja, Vella Gauci sab li l-forom taż-żwieġ meħtieġa taħt il-liġi ċivili Maltija, il-liġi kanonika u dik Iżlamika kienu ġew osservati. Donnu b'sorpriża, jinnota li l-biċċa l-kbira taż-żwiġijiet Iżlamiċi f'Malta li ġew għall-attenzjoni tiegħu kienu stabbli. Hu jikkonkludi li l-komunità Maltija-Iżlamika għalkemm relattivament ġdida, kienet se tkun fattur permanenti tax-xena Maltija, u kienet diġà akbar mill-komunità Protestanta. Jinnota li l-komunità “hi kapaċi li tiffunzjona b'mod effettiv u għandha piż politiku sinifikattiv fi ħdan is-soċjetà Maltija”.
B'kuntrast maż-żewg studji l-oħra, it-teżi ta' Grech toffri ġustifikazzjoni legali għall-ftehim tal-1993 bejn il-gvern Malti u s-Santa Sede li bih fl-1995, il-liġi taż-żwieġ reġgħet inbidlet minn kif kienet issawret għoxrin sena qabel. Bil-bidliet tal-1995, il-liġi saret tagħti għarfien ċivili awtomatiku liż-żwieġ kif ċelebrat reliġjożament u f'kazi ta' żwieġ iċċelebrat b'mod reliġjuż, kull wieħed mill-partijiet ingħata veto fuq il-proċedura li biha żwieġ jista' jiġi annullat; jekk parti waħda tinsisti biex każ tan-nullità jinstema quddiem it-tribunali tal-Knisja, għandu jsir hekk u d-deċizjoni meħuda minn dawn it-tribunali tkun tapplika ċivilment.
Grech jagħti analiżi legali dettaljat tas-sistema l-ġdida, u jsibha koerenti kemm mal-ħtieġa li d-dimensjoni ċivili taż-żwiġijiet ikollha għarfien sħiħ, u kemm mal-esiġenza tal-Knisja li tibqa' tikkontrolla r-regolamentazzjoni taż-żwiġijiet li tiċċelebra hi, minħabba fin-natura sagramentali tagħhom. Dan tal-aħħar ma jikkonfliġġix mal-kompetenza li għandu jkollha l-awtorità ċivili fir-regolamentazzjoni taż-żwieġ. Għal Grech, l-ambigwitajiet fil-mod kif l-iskolastiċi tas-seklu 13 waslu għall-fehmiet tagħhom dwar iż-żwieġ u l-indissolubiltà tiegħu mhix problematika, anki jekk fehmiethom saru parti mill-preżentazzjoni uffiċjali tat-twemmin kattoliku, u hu stess jużahom bħala l-pedament teologiku tal-argument tiegħu.
Hu minnu wkoll, jikteb Grech, li l-emfasi tal-liġijiet ċivili fi żmienna jitpoġġa fuq id-drittijiet tal-bniedem, waqt li l-emfasi fil-liġijiet kanoniċi kif imfassla skont il-ħsieb tas-seklu 13 hu fuq il-ġid spiritwali tal-komunità u tal-individwu. Iżda l-kittieb isostni li dan ma joħloq l-ebda xkiel għall-eżistenza fil-qasam ċivili ta' kompetenza sħiħa u finali mill-awtorità reliġjuża għal Kattoliċi li jaċċettaw il-ġurisdizzjoni tal-Knisja. Effettivament, biex tkun assigurata koerenza aqwa fit-tħaddim tal-poteri reliġjużi u ċivili fil-qasam tar-regolamentazzjoni ċivili taż-żwieġ, Grech jissuġġerixxi bidliet oħra relattivament “minuri” għal-liġi tal-1995, li madankollu jkomplu jsaħħu r-rwol tal-knisja.
Kalkoli ta’ poter soċjali
Interessanti li wieħed jara x'jiddistingwi l-motivazzjonijiet li setgħu wasslu għal dawn it-tliet proġetti ta' analiżi u studju. It-teżi ta' Frendo inkitbet fi żmien fejn l-effetti tal-Konċilju Vatikan it-Tieni kienu għadhom qawwija u l-”kontro-riforma” mnedija mill-Papa Ġwanni Pawlu t-Tieni kienet għadha mbegħda fuq ix-xefaq.
F'Malta, bil-wasla ta' gvern Laburista kien inevitabbli li l-kwistjoni taż-żwieġ ċivili u x'aktarx anki tad-divorzju, se ssir kwistjoni ewlenija bejn knisja u stat. Did-darba l-awtorità ċivili kienet għal kollox ta' oriġini lokali u kienet se titlaq minn premessi differenti ħafna minn tal-Knisja. Barra minn dan, fl-Italja kienu qed jimmobiliżżaw forzi soċjali favur id-divorzju u riformi lajċizzanti oħra.
L-”istrateġija” intelletwali ta' Frendo tista' titqies għalhekk bħala waħda attenta għal fejn eżattament jinsabu d-diverġenzi bejn il-modi “lajċi” ta' kif tħares lejn iż-żwieġ, u l-modi tal-Knisja “tradizzjonali”. Hawn isir fondamentali l-punt li mill-bidu tiegħu, l-iżvilupp tal-fehmiet ekkleżjastiċi dwar iż-żwieġ, ma telaqx minn fehma monolitika, li kienet ċara għal kulħadd. Anzi, kienu jeżistu differenzi importanti ta' opinjoni u apprezzament li sal-lum “intesew”, wara li ġiet addottata l-formola finali tat-”twemmin”.
Tbejjet fil-kitba ta' Frendo, għalkemm dan ma jintqal imkien, hemm xi jgħidlek li tista' tinstab triq tan-nofs, li tkun aċċettabbli għall-partijiet klerikali u lajċi, fil-qasam tar-regolamentazzjoni taż-żwiġijiet. U din it-triq setgħet toħroġ mill-istess kunsiderazzjonijiet li kienu qajmu l-iskolastiċi fis-seklu tlettax, anki jekk uħud minnhom wara twarrbu mill-Knisja uffiċjali. Diġà semmejt waħda mill-konklużjonijiet ewlenin tat-teżi ta' Frendo li taqa' f'din il-linja ta' ħsieb: ħafna mill-argumenti avvanzati fi ħdan it-teoloġija skolastika tat-tlettax-il seklu biex jiġġustifikaw is-separazzjoni bejn il-miżżewġin, jistgħu jintużaw ugwalment biex jiġġustifikaw id-divorzju.
Analiżi bħal din kienet tagħti lemħa lejn “kompromess” fuq bażi ġdida, bejn awtorità ċivili u reliġjon organizzata - wieħed li seta' jippermetti tiġdid tal-influwenza u l-poter soċjali tal-Knisja. Hi ħaġa ċara li l-argumenti ta' Frendo ma kinux japplikaw għal Malta biss
Imma din l-”istrateġija” ma tantx sabet sostenn fi ħdan l-awtorità reliġjuża. Fl-Italja, id-divorzju spiċċa daħal, b'appoġġ popolari qawwi u b'disfatta kbira għall-Knisja Kattolika li ħarġet bil-qawwa kollha kontra, imma kompliet tara l-influwenza reali tagħha fuq iċ-ċittadini u fuq l-istrutturi tal-istat titmermer. (Biex inkunu għedna kollox, fattur ieħor li wassal għal dan kien il-manipulazzjonijiet finanzjarji u politiċi fl-Italja mmexxija minn settur okkult tal-Vatikan, li x'aktarx ma kienx ikkontrollat mill-Papiet infushom.)
Sadattant fi Spanja u l-Portugall, li sfaw l-aħħar bastjuni tal-kattoliċeżmu tradizzjonali, d-digi nfaqgħu b'qawwa spettakolari malli tneħħew l-istrutturi neo-faxxisti ta' tmexxija statali. Il-liġijiet ċivili ħadu awtonomija totali u marru għal kollox lejn tolleranza u għarfien ta' normi ta' ħajja kundannati mill-moralità kattolika. Il-poter soċjali tal-Knisja Spanjola tnawwar bil-kbir, kif deher fl-aħħar elezzjoni ġenerali (2008) ta' Spanja, meta l-partiti tal-lemin appoġġati fil-miftuħ minn sezzjoni influwenti tal-Knisja spiċċaw telliefa.
F'Malta, daħal iż-żwieġ ċivili, imma mhux id-divorzju. U l-Knisja waqt li aċċettat il-prinċipju taż-żwieġ ċivili, baqgħet kif għedna, tinsisti għal bidla li tagħti aktar saħħa lill-proċeduri tagħha.
Wieħed jista' jqis li kienet tkun ħaġa tqila wisq għall-Knisja li tadotta b'suċċess direzzjoni strateġika mnebbħa minn ideat bħal dawk li Frendo kiteb dwarhom. Is-sogru kien li magħha, din id-direzzjoni ġdida, iġġib tnaqqis sostanzjali fil-poter soċjali ekkleżjastiku. Barra minn hekk, il-Knisja kien ikollha twettaq bidla mhux żgħira fil-mod kif issawwar u tippreżenta t-twemmin tagħha, bis-sogru l-ieħor li dan joħloq diżgwid intern serju. Biss min-naħa l-oħra, b'kif imxew l-affarijiet, talanqas fil-pajjiżi “Latini” tal-Mediterran, l-influwenza reliġjuża u l-poter soċjali tal-Knisja xorta naqsu sew, waqt li n-nies li nqatgħu għal kollox mill-maġisteru tagħha żdiedu bil-miljuni.
Minn perspettiva kompletament differenti, l-istudju ta' Vella Gauci bl-iffokar tiegħu fuq il-komunità ġdida Musulmana f'Malta jagħti xhieda ta' realtà soċjali li kienet qed tinbidel bil-kbir, u mhux biss minħabba l-impatt ta' influwenzi ġejjin minn barra. Il-Misilmin li ġew mistħarrġa fl-istudju ma kinux barranin imma ċittadini Maltin. Fejn l-identità Maltija għal sekli sħaħ kienet issawret madwar il-fedeltà lejn id-din Kattoliku, issa kien hemm Maltin li mhux biss m'għadhomx jappartjenu għal dan id-din, talli kienu saru parti minn reliġjon li serviet fl-imgħoddi biex tikkuntrasta l-Malti kattoliku ma' “ħaddieħor”. Dak il-”ħaddieħor” kien issa sar parti mir-realtà Maltija, u se jkollu esiġenzi bħala ċittadin Malti, li jirriflettu t-twemmin tiegħu.
Minkejja li l-metodoloġija tar-rapport ta' Vella Gauci hi pjuttost primittiva u l-aċċess tiegħu għall-komunità Iżlamika Maltija fiż-żmien meta nieda l-istudju kien x'aktarx limitat, joħroġ ċar il-punt li din il-komunità kienet magħmula minn Maltin “normali”, li qed itellgħu lit-tfal tagħhom fil-kult Iżlamiku. Għall-ewwel darba forsi, fil-pajjiż kien qed jinbet korp ta' ċittadini li jagħmlu parti minn reliġjon organizzata li fl-impenn u fl-appell tagħha kienet qed toffri alternattiva serja għall-kattoliċeżimu. Vella Gauci nnifsu jfittex li jiminimizza l-impatt possibbli ta' din il-bidla, imma fl-istess ħin isemmi xenarji li kienu konċepibbli fiż-żmien li kiteb, u li bihom id-daqs u l-importanza tal-komunità Iżlamika setgħu jikbru.
Fil-fatt hekk ġara minn dak iż-żmien lil hawn, għalkemm mhux għar-raġunijiet li bassar hu. Il-komunità Iżlamika llum mhix minoranza negliġibbli u x'aktarx li se tkompli tiżdied kif għamlet fl-aħħar snin, bil-miġja fostna ta' refuġjati u immigranti ekonomiċi mill-Afrika. gur li dawn mhumiex sejrin jemarġinaw ir-reliġjon organizzata dominanti fil-pajjiż, imma l-fatt jibqa' li l-monolitiżmu reliġjuż fost il-Maltin intemm. Iż-żwiġijiet imħallta bejn Iżlamiċi barranin u Kattoliċi Maltin, kif ukoll bejn Iżlamiċi Maltin u Kattoliċi Maltin, huma l-aqwa turija ta' pluraliżmu li ma tistax tinjorah għax qabad l-għerq. Kemm dil-ħaġa ġiet magħrufa u aċċettata mill-awtoritajiet ċivili u mit-tmexxija tar-reliġjon organizzata dominanti hu punt dibattibbli.
B'kuntrast mat-tnejn ta' qablu, l-istudju ta' Mario Grech jagħti impressjoni ta' ottimizmu klerikali dwar l-operat tas-sistema li biha l-awtorità ċivili u l-Vatikan ftehmu fl-1993, dwar bidla fir-regolamentazzjoni taż-żwiġijiet, fejn iż-żwieġ reliġjuż reġa' ħa rikonoxximent sħiħ bħala għodda ċivili, u parti sostanzjali mill-kompetenza fuq l-annullament ta' żwieġ ċelebrat bir-rit Kattoliku ngħatat lura lill- awtorità reliġjuża. L-istudju ta' Grech, kif għedna, jikkonċentra l-aktar fuq aspetti legali tal-kwistjoni kollha. Għandu anki introduzzjoni tal-eks-Prim Imhallef Said Pullicino li jikkonferma l-ħsieb li l-liġi tal-1995, bl-emendi għall-liġi taż-żwieġ tal-1975, kienet pass tajjeb 'il quddiem biex jiġu “armonizzati” d-dimensjonijiet kanoniċi u ċivili taż-żwieġ reliġjuż. Biss, huma interessanti l-presupposti li jwasslu għall-analiżi legali.
L-istat Malti huwa lajk fil-prinċipju, imma għal Grech dal-fatt hu ttemprat b'mod sottili minn fattur soċjoloġiku. Hu inkorrett li tgħid li għax ir-reliġjon Kattolika tissemma fil-kostituzzjoni, dan jimplika xi diskriminazzjoni kontra reliġjonijiet oħra, għax, jinsisti Grech, l-”ubikwità” tal-Knisja Kattolika fil-gżejjer Maltin hu fatt evidenti, “konfermat minn riżultati soċjologiċi riċenti”. Dawn juru kif f'persentaġġ enormi tagħhom, il-Maltin iridu jiżżewġu b'servizz reliġjuż. U allura hu ġust li f'din ir-realtà soċjoloġika, l-istat u l-Knisja jikkoperaw fuq livell istituzzjonali, mingħajr ma b'hekk l-istat isir konfessjonali “fit-tifsira formali u materjali tal-kelma”.
Min-naħa l-oħra, Grech jgħid kif b'xorti ħażina, it-tifsira tal-konfessjonaliżmu tiġi limitata ta' spiss għall-isfera reliġjuża biss. Jiġi injorat il-punt li l-lajċiżmu jista' jitqies bħala forma ta' twemmin, u li meta jiġi emfasizzat isir ideoloġija, intolleranti daqs kwalunkwe reliġjon fundamentalista.
(ikompli...)
No comments:
Post a Comment