Monday, 19 January 2009

It-Torċa: Reliġjon organizzata u awtorita ċivili - Ir-Rabà parti

[Dan l-artiklu mhux fuq it-torca.com s'issa]
18.1.9 minn Alfred Sant

Ir-raba’ u l-aħħar parti parti. Tista tara it-tielet parti hawn.

F’dan l-istudju maqsum fuq erba’ partijiet, Alfred Sant jagħti ħarsa lejn ir-relazzjoni bejn ir-reliġjon b’mod istituzzjonalizzat u l-awtorità ċivili; kunflitti, eġemonija, tensjonijiet u bilanċi fl-istorja ta’ pajjiżna u lilhinn.

L-integrità istituzzjonali tal-Istat

Hu evidenti li fil-ħsieb ta' Grech, il-bilanċ misjub fil-qasam tar-regolamentazzjoni taż-żwiġijiet fl-1995 hu wieħed korrett. L-argumenti tiegħu minnhom infushom jiftehmu wkoll mill-perspettiva tal-ħarsien tal-poter soċjali. Il-preokkupazzjoni dwar kif ir-reliġjon organizzata għandha tilqa' għall-isfidi tal-bidliet soċjali fil-preżent u fil-futur, preokkupazzjoni li tinħass fl-argumenti li jqajmu l-istudji ta' Frendo u Vella Gauci, donnha ingħelbet fil-ftehim tal-1993 bejn l-istat Malti u l-istat tal-Vatikan, li mbagħad ingħata pedament legali formidabbli bil-liġi tal-1995. Dan hu l-każ anki jekk is-sitwazzjoni f'Malta hi unika tista' tgħid fl-Ewropa u barra minnha. Iżda jekk tinbidel ir-realtà soċjoloġika tal-pajjiż kif diġà nbidlet minn meta Grech kiteb it-teżi tiegħu għandu jinbidel l-arranġament bejn Knisja u stat? U jekk wieħed irid jimxi strett kif għandu jagħmel, mal-prinċipji tad-drittijiet tal-bniedem, dan mhux se jfisser ukoll li l-istat se jkollu eventwalment jirrikonoxxi l-istess drittijiet mogħtija lil reliġjon organizzata waħda, lil reliġjonijiet organizzati oħra meta dawn jirrapreżentaw minoranzi sostanzjali ta' ċittadini?

X'aktarx madankollu li s-sodisfazzjon bil-qagħda attwali joħroġ sempliċiment mill-fatt li l-poter soċjali tal-Knisja, li ftit tas-snin qabel deher imhedded bil-kbir, reġa' rkupra. Dan ipprovda lill-awtorità reliġjuża bi spazju minn fejn tista' tikkonsolida aħjar il-qagħda tagħha fl-oqsma fejn tinħass, jew fejn se tqum, tensjoni mal-awtorità ċivili. Għal min jaħsibha b'dal-mod, ma titqiesx bħala kwistjoni rilevanti l-problema li fit-tgawdija ta' qagħda msaħħa, ir-reliġjon organizzata se tkun qed teżerċita poter soċjali li hu mbiegħed mill-problemi u aspirazzjonijiet ta' sezzjoni mhix żgħira tal-popolazzjoni. Biss, attitudni bħal din se jkollha konsegwenzi fuq kif jistgħu jitfasslu soluzzjonijiet moderni, umani u effikaċi għall-problemi dejjem jikbru li s-soċjetà tagħna qed tiffaċċja fil-qasam tal-familja.

Għax lil hinn mill-kalkolu ta' kurjalisti u ta' lajċisti "estremi", hemm bżonn li materji ta' l-akbar importanza kulturali li iva, bir-raġun jitqiesu bħala kruċjali għar-reliġjon organizzata, jiġu kunsidrati f'qafas li jkun verament lajk. Irid ikun qafas li jemfasiżża l-interessi tal-bniedem modern f'soċjetà pluralista -- qafas minn fejn ikunu tnaddfu kunsiderazzjonijiet ta' poter soċjali. F'qafas bħal dan, l-istat irid jafferma l-integrità istituzzjonali tiegħu. U għar-reliġjon organizzata irid jiġi garantit ħelsien sħiħ fil-prattika tal-kult, fir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem kif mifhuma fi żminijietna. Dan irid isir f'koerenza mat-trattament li jirċievu r-reliġjonjiet organizzati kollha.  

Fl-istess ħin, tkun ħaġa stramba u mhux aċċettabbli jekk f'materji ta' żwieġ, per eżempju, biex tinżamm koerenza mal-ftehim tal-1993 mal-Vatikan u mal-liġi tal-1995, reliġjonijiet organizzati oħra jippretendu li jingħataw l-istess drittijiet bħall-knisja Kattolika. Imma bl-arranġament attwali, tkun ħaġa ġusta li dan isir, f'linja per eżempju mal-istqarrijiet ta' l-Arċisqof ta' Canterbury dwar it-tħaddim tal-liġi Iżlamika fir-Renju Unit. Aktar minn hekk, qed tkun ħaġa stramba u inaċċettabbli li nibqgħu naċċettaw qafas ta' istituzzjonijiet li għalkemm suppost jirregolaw l-aqwa relazzjonijiet tal-ħajja tal-bniedem, qed jispiċċaw jinjoraw ir-realtà li fiha tgħix parti sostanzjali tal-popolazzjoni, u mhumiex jirrispondu għall-bżonnijiet profondi ta' ħafna ċittadini fil-ħajja tagħhom ta' kuljum. Ma tkunx ħaġa ta' min jixtieqha jekk bidliet meħtieġa jseħħu, kif x'aktarx se jiġri, minhabba pressjonijiet kulturali u soċjali, biex ma ngħidx ukoll politiċi, mill-Ewropa. Ftit tista' tagħti tort lil uħud li jqisu li jekk ma hemmx mod ieħor kif dawn il-bidliet iseħħu, aħjar jiġru hekk. Imma żgur ikun aħjar jekk riforma vera fil-qafas li jirregola oqsma li għandhom importanza kbira għall-awtorità ċivili, għar-reliġjon organizzata, u fuq kollox għal eluf ta' ċittadini, tiġi deċiża mill-awtoritajiet Maltin bejniethom u fil-kuntest Malti.

Bħala eżempju tat-tensjonijiet bejn awtorità ċivili u reliġjon organizzata, a issa semmejna l-aktar il-qafas tar-relazzjonijiet bejn is-sessi fiż-żwieġ. Biss oqsma oħra għandhom importanza kbira ħafna, fuq quddiem nett l-edukazzjoni. Hawn ukoll, wara għadd ta' burraxki speċjalment fis-snin tmenin, instab bilanċ bejn l-esiġenzi tar-reliġjon organizzata u dawk tal-istat. Fil-pubbliku, ma jitqajmux mistoqsijiet jew riżervi dwar is-sistema preżenti. Kulħadd jidher kuntent b'kif il-bilanċ tal-poter soċjali ġie mħares. Imma x'jirrekjedi bħalissa l-interess nazzjonali?

L-edukazzjoni

Żgur hu li fil-qasam tal-edukazzjoni, jeżistu problemi fondamentali fis-settur primarju, fost oħrajn, li qed ikollhom riperkussjonijiet kbar għas-snin ta' wara fl-edukazzjoni tat-tfal tagħna u aktar tard, fl-iżvilupp tagħhom bħala żgħażagħ, u rġiel u nisa maturi, fid-dinja tax-xogħol u fil-ħajja. Dawn il-problemi fondamentali qed jaffettwaw kemm lill-istudenti t-"tajba" u kemm dawk li "qed jaqgħu lura". Ta' spiss wisq, dawn il-problemi jinkinsu taht it-tapit, jekk ma jindifnux taħt ruxxmata stqarrijiet dwar kif kollox miexi fuq ir-rubini jew kważi. L-istatistika komparattiva Ewropea turi mod ieħor. M'hemmx dubju li għandu jitqies bħala dmir ewlieni tal-awtoritajiet ċivili u tal-mexxejja tar-reliġjon organizzata, li jfasslu strateġija maħduma flimkien biex din il-problema tkun iffaċċjata, mill-iskejjel statali u mill-iskejjel "tal-Knisja", flimkien u bħala sħab fi proġett komuni. Dan jimmira biex ir-riżorsi li għandhom bejniethom u l-fondi pubbliċi li ħergin għaż-żewġ setturi, jintużaw bl-aħjar mod u b'sinerġija organika bejniethom. L-għan ikun li t-tfal kollha ta' pajjiżna jingħataw iċ-ċans ta' żvilupp li jixiriqilhom, f'sistema edukattiva primarja u sekondarja li tħabbatha ma' tal-pajjiżi Ewropej avvanzati. Biss, anki fi kwistjoni bħal din, kunsiderazzjonijiet ta' poter soċjali jqumu miż-żewg naħat, bħala parti mit-tensjoni naturali bejniethom.

Implikazzjonijiet politiċi

Fuq dal-livell illum, mill-perspettiva tar-reliġjon organizzata, jista' jidher li l-aħjar tattika titlaq mill-għarfien li hi m'għadx għandha l-eġemonija tal-imgħoddi. L-aqwa karta tagħha tkun allura li "tilgħab" mal-marġini dojoq li fuqhom jistrieħu ż-żewg partiti politiċi l-kbar biex jimmiraw għal rebħa elettorali. Fi żminijiet oħra, kif rajna, il-Knisja kienet tista' sserraħ fuq l-awtorità kolonjali biex din tiddetta li d-"drittijiet" tagħha jiġu osservati skont xewqatha. Wara, għal xi żmien, il-preżenza dominanti tal-Knisja kienet biżżejjed biex tassigura li bil-vuċi qawwija tagħha tħaffef ir-rebħa politika tal-forzi li kienet tiffavorixxi. Imma fi żminijietna, minkejja l-"ubikwità" tar-reliġjon organizzata, tattika bħal din m'għadhiex daqstant effettiva. Tattika fattibbli u effettiva tkun li bil-leħen tagħha, ir-reliġjon organizzata tfittex li twieżen fuq is-saffi soċjali relattivament ċkejkna li jkunu jistgħu jagħtu r-rebħa deċiżiva lil naħa jew lil oħra. Biss dan jammonta għal eżerċizzju rigressiv tal-poter soċjali, fis-sens li ftit jista' jaspira biex jimbotta ideat ta' tiġdid, imma se jfittex l-aktar li jimblokka bidliet li jidhru riesqa. B'tattika bħal din, effettiva kemm hi effettiva fir-riżultati tagħha, ir-reliġjon organizzata tispiċċa qisha "lobby" ordinarju, bħal tal-kaċċaturi u n-nassaba jew tal-ambjentalisti, u dan ikun ħasra. Għax fl-aħħar mill-aħħar, ngħidu xi ngħidu, l-awtorità ċivili - tkun xi tkun ix-xeħta tagħha, lajka jew konfessjonali - illum ukoll, għandha bżonn preżenza attiva u kostruttiva tar-reliġjon organizzata, preżenza li tmur ħafna aktar 'il ġewwa minn dik ta' "lobby" jew ieħor. Il-valuri umani li r-reliġjon organizzata tirrapreżenta mhumiex tal-imgħoddi. Għad għandhom rilevanza enormi fi żminijietna. Ikun vitali li hi tista' tagħti xhieda tagħhom bl-akbar qawwa, fir-rispett ta' kif stat lajk jorganizza ruħu fil-qafas Ewropew. Għalhekk, l-inkwadrament tar-reliġjon organizzata jista' jseħħ bl-aħjar mod, jekk ir-reliġjon tkun parti essenzjali mis-soċjetà ċivili tal-pajjiż, u mhux billi sservi ta' xi kontra piż għall-awtorità ċivili. Imma ħaġa bħal din tqajjem problemi. Is-soċjetà ċivili fostna għadha qasam pjuttost vag u nieqes minn għarfien nazzjonali qawwi biżżejjed, jew minn rankatura konsistenti ta' tmexxija. ħafna drabi jaqa' vittma għal manipulazzjoni mill-poter statali jew minn interessi kummerċjali. Dan aktar jinħass fil-kundizzjonijiet tal-lum, fejn il-media jagħtu lok għal ġbid makakk u massiċċ ta' spag pubbliċitarju biex jiffermentaw l-opinjoni pubblika. Barra minn hekk, tonqosna struttura tas-soċjetà ċivili li tirrifletti sew il-piż nazzjonali tal-komponenti tagħha fil-ħajja nazzjonali, f'għamla ta' ġerarkija soċjali li tagħti l-akbar importanza lil dawk l-"assoċjazzjonijiet" (biex ninqdew bit-terminologija ta' Weber) li tassew ikollhom l-aqwa għeruq fost il-poplu. Hu permezz tat-tħaddim tal-poter "artab" (soft power) kif tista' tipprovdih soċjetà ċivili effettiva, li l-ħarsien u t-tiġdid tal-valuri umani ewlenin jitwettqu b'mod ġenwin u kostruttiv. Bil-maqlub, l-inforzar ta' ċerti valuri li m'għadx għandhom il-qbil tas-soċjetà bit-tħaddim tal-poter "iebes" (hard power), qisu l-awtorità reliġjuża għadha eġemonika fil-pajjiż, jista' jirnexxi fuq medda qasira ta' żmien, imma x'aktarx jispiċċa kontro-produċenti fuq medda itwal. Hekk juru l-esperjenzi tal-Italja u dis-sena, ta' Spanja.

Is-sehem tar-reliġjon organizzata

Sadattant, bħal organizzazzjonijiet oħra tas-soċjetà ċivili, inkluż aġenziji soċjali u kulturali tal-gvern, l-awtoritajiet reliġjużi jridu jipprovdu s-servizzi tagħhom f'qafas fejn il-volontarjat (u l-vokazzjonijiet) nixfu sew. Ma nafx kemm għadhom jeżistu għaqdiet jew assoċjazzjonijiet reliġjużi li joperaw mija fil-mija fuq bażi volontarja; jekk m'inix sejjer żball, l-għaqda tal-Mużew taħbat l-aħħar bastjun importanti fil-qasam tal-volontarjat reliġjuż. Il-"professjonalizzazzjoni" tal-ħidmiet ispirati mir-reliġjon, bħal ħidmiet "volontarji" oħra, tesponi lir-reliġjon organizzata jew lil partijiet minnha, għal forom ta' pressjoni mill-istat jew mill-forzi tas-suq "ħieles". Bl-użu ta' fondi pubbliċi biex jiffinanzjaw ħidmiet tar-reliġjon organizzata u ta' assoċjazzjonijiet ċivili oħra, tidħol it-theddida li dan jista' jservi biex jinfluwenza d-direzzjoni tal-ħidma. L-istess ħaġa tgħodd fil-każ ta' appoġġ finanzjarju privat f'forma ta' "sponsorships" jew għajnuniet oħra. Hu evidenti li jridu jkunu l-mexxejja reliġjużi nfushom li jaraw kif se jilqgħu għal din l-isfida. Iridu jagħtu xhieda tal-ħila tagħhom biex jaħdmu id f'id mal-awtoritajiet ċivili fi proġetti li huma ta' ġid komuni, mingħajr ma jħallu jidħlu f'ħidmiethom dellijiet partiġġani. Tal-aħħar mhix dejjem ħaġa ħafifa għax parti sostanzjali mill-istrutturi organizzattivi tal-Knisja għadhom sal-lum jitmexxew minn persuni ta' orjentament politiku lemini. U l-ħidma meħtieġa kollha trid issir waqt li jibqgħu jkunu sostnuti s-sens ta' idealiżmu, magħqud ma' viżjoni soċjali altruwista, żewġ elementi li jikkostitwixxu l-aqwa karatteristika ta' kull reliġjon organizzata. Imma mbagħad, il-mexxejja tar-reliġjon organizzata għandu jkollhom kull dritt biex fl-oqsma fejn huma involuti, jingħataw sehem dirett fit-tfassil u fit-twettiq tad-deċiżjonijiet li jittieħdu, anki meta fin-nofs ikun hemm in-nefqa ta' fondi pubbliċi. ‘aġa bħal din mhux biss hi aċċettabbli, imma desiderabbli; dejjem sakemm l-aġenti reliġjużi jirrispettaw il-prinċipju li l-ħidma tal-awtorità ċivili hi differenti minn tagħhom, u bħala tali ma tistax tiddefinixxi ruħha jew titwettaq b'mod konfessjonali. Mhux impossibbli li dawn l-isfidi jintlaqgħu. Fl-imgħoddi riċenti, il-Caritas, per eżempju, kienet fost l-għaqdiet tal-Knisja li rnexxielhom jilħqu ħafna minn dawn l-oġġettivi. Kif huma jaħdmu, jista' jservi bħala bidu ta' mudell għall-futur. Fl-aħħar, ta' min wieħed iqis liema huma l-oqsma barra minn dawk purament tagħha, jiġifieri ta' l-ispiritwalità u tal-kult fejn ir-reliġjon organizzata għandha kontribut kbir x'tagħti lis-soċjetà, u fejn l-aqwa interess tal-awtorità ċivili, lajka kemm tkun lajka, hu li tiżgura li dal-kontribut jingħata. Xieraq li fi tmiem dil-kitba li twalet aktar milli kien maħsub, talanqas insemmuhom, dawn l-oqsma:

Il-promozzjoni ta' valuri li jirrispettaw tassew id-dinjità tal-bniedem u tal-ħajja. Impenn favur imġiba kollettiva li ma tistmax il-validità tal-ħajja umana sempliċiment skont l-esiġenzi tas-suq "ħieles". ħidma altruwista favur dawk iċ-ċittadini li huma l-anqas ixxurtajti fil-komunità.
Xhieda ta' stil ta' għajxien li jikkuntrasta mal-edoniżmu sfrenat li dejjem jinxtered. Preżenza qawwija fl-oqsma tal-ħarsien soċjali, bħal fir-riabilitazzjoni mill-użu tad-droga u minn vizzji oħra; appoġġ lil persuni b'diżabbiltà; kura tal-anzjani. Sehem sħiħ u progressiv fl-edukazzjoni. Kontribuzzjoni għat-tfassil ta' liġijiet serji, fl-isfond tal-etos Ewropew kontemporanju, biex ikunu regolati żviluppi fl-oqsma bio-mediċi, fost oħrajn. Sehem bħal dan, jekk jirnexxi, ikun qiegħed iservi biex iwitti t-tensjoni bejn awtorità ċivili u reliġjon organizzata, li ddeskriva Weber. Aktar minn hekk, jibdel l-istess tensjoni f'dinamika kostruttiva li tippermetti lill-forzi organizzati involuti jħarsu aktar 'il bogħod mill-kontinġenzi li llum u għada se jiddefinixxu d-distribuzzjoni tal-poter soċjali fil-komunità. Tkun dinamika li toħloq l-ispazju meħtieġ biex kull awtorità leġittima ssib kif tilħaq l-għanijiet tagħha, fil-kuntest ta' stat lajk modern, li jibqa' jevolvi skont in-normi ta' imġiba kollettiva kif ikunu mħaddma u qed jiżviluppaw fil-bqija ta' l-Ewropa.

(tmiem)

(Dan l-istudju se jidher fuq il-websajt alfredsant.org. )

No comments:

Post a Comment