Dan l-artiklu mhux fuq il-website tat-Torċa s'issa.
4.1.9; minn Alfred Sant
It-tieni parti
F’dan l-istudju maqsum fuq erba’ partijiet, Alfred Sant jagħti ħarsa lejn ir-relazzjoni bejn ir-reliġjon b’mod istituzzjonalizzat u l-awtorità ċivili; kunflitti, eġemonija, tensjonijiet u bilanċi fl-istorja ta’ pajjiżna u lilhinn.
[L-ewwel parti tista' taraha hawn.]
Rabtiet barranin
Meta l-poter kolonjali spiċċa, kienet ħaġa diffiċli biex l-istess proċessi li bihom ġew iddisinnjati l-kontroll u l-influwenza tar-reliġjon organizzata jibqgħu jitħaddmu bħal qabel. L-awtorità ċivili ġiet trasformata f'waħda purament lokali. F'demokrazija parlamentari, din l-awtorità kienet se tibda tirrispondi għal influwenzi li l-aktar iqumu fi ħdan is-soċjetà lokali. Dan żgur ma kienx jiġri fil-każ ta' l-awtorità kolonjali. Għal soċjetà kolonjali, iċ-ċaqliq fl-istrutturi ta' poter soċjali u ekonomiku li jseħħu bl-alternanza demokratika parlamentari mhux daqshekk importanti, għax l-aqwa awtorità ċivili tibqa' tirrispondi għall-istess esiġenzi ta' nteress nazzjonali tal-pajjiż-“omm”, ikun hemm min ikun hemm imexxih.
Il-bidla fl-istrutturi tat-tmexxija interna seħħet fl-istess żmien, mis-snin sittin tas-seklu l-ieħor 'il quddiem, li matulu fatturi ta' żvilupp ekonomiku u soċjali rrankaw. Waqt li s-soċjetà tagħna minn waħda pjuttost magħluqa, infetħet bil-kbir u saret tiddependi minn rabtiet dejjem aktar mifruxa u diversifikati mal-barrani, seħħ progress soċjali sinifikattiv fl-oqsma tal-edukazzjoni, is-saħħa u l-ħarsien soċjali li taw lill-Maltin viżjoni dejjem aktar awtonoma tal-ħajja. Il-qawwa ta' Knisja eġemonika biex tifforma u tinfluwenza l-mentalitajiet naqset b'ħeffa kbira, u dan indipendentement mill-konflitt bejn il-Partit Laburista u l-Knisja tas-snin sittin, li mmina parti sostanzjali mill-appoġġ popolari li l-Knisja kienet tgawdi fost il-poplu.
Bil-firxa f'pajjiżna tal-mezzi awdjoviżivi moderni, mir-radjo sat-television, l-apparati ta' video, u aktar qrib lejn żminijietna, ta' DVD, l-internet u l-bqija, immoltiplikaw ruħhom il-metodi li bihom il-Maltin setgħu jirċievu l-informazzjoni, jiddevertu u jsiru jafu bl-istil ta' ħajja ta' popli oħra. Bit-turiżmu nfetħet xmara sħiħa ta' kuntatti u negozji li bidlu l-modi tal-għajxien tal-poplu u ressquh eqreb lejn l-istili ta' ħajja ta' Ewropej oħra. Bil-politika ta' ftuħ ta' negozji u kuntatti mad-dinja Għarbija u Afrikana, daħal għarfien ġdid tad-dinja Musulmana u fostna bdiet tikber komunità Iżlamika.
Id-dħul ta' Malta fl-Unjoni Ewropea kompla jħarrek l-interazzjoni bejn istituzzjonijiet qawwija ta' xeħta kontinentali u istituzzjonijiet lokali b'mod li bilfors jibdel u se jkompli jibdel, l-orjentament fil-valuri tal-istituzzjonijiet lokali. F'das-sens, is-sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea ma tatx lir-reliġjon organizzata, kif kien ġara fi żmien ir-rabta kolonjali, opportunità biex bi ftehim mal-awtorità barranija, tkun tista' tissalvagwardja l-pożizzjoni interna tagħha.
Ir-relazzjoni Ewropea hi ta' tip kompletament differenti. Aktar qed isservi biex iddgħajjef l-istennija u l-aspirazzjonijiet soċjali tar-reliġjon organizzata fostna, milli biex issaħħaħhom. Eżempju ta' dan jinsab fil-mod effettiv u relattivament imħarrek kif qed jiġu rikonoxxuti d-drittijiet ta' persuni b'orjentament omosesswali divers.
Il-prattika reliġjuża
Bħala riżultat, fi proċess li għadu u se jkompli għaddej, l-istil ta' ħajja ta' numru kbir ta' Maltin, biex ma ngħidx tal-maġġoranza, m'għadux determinat unikament jew b'mod predominanti, mir-reliġjon Kattolika. Anki l-eżerċizzju tal-kult, li jista' jinħass bħala l-aqwa sinjal tal-preżenza effettiva ta' reliġjon, fl-aħħar tletin sena, majna. L-attendenza għall-quddies ta' kull ġimgħa saret prattika ta' persentaġġ tal-poplu li qiegħed jiċkien, talanqas skont l-aħħar stħarriġ pubblikati. It-twemmin sħiħ fid-dommi tal-knisja Kattolika dwar oqsma importanti tal-maġisteru tagħha -bħal twemmin fis-sagramenti, l-aktar il-qrar - sar fietel, jew kondizzjonat b'riżervi personali, jew naqas għal kollox.
B'mod konkret imbagħad, meta nqisu kif fil-prattika jiġu segwiti l-valuri ppriedkati mill-Knisja Kattolika, insibu li hemm qabża kbira bejn it-twemmin formali u dak li qiegħed jiġri tassew. Imkien din id-diverġenza ma tinħass bil-qawwi daqs kemm fl-oqsma tal-valuri sesswali u tal-familja.
Relazzjonijiet sesswali qabel u barra ż-żwieġ saru komuni u soċjalment aċċettati. Fis-sena 2006, 22.3 fil-mija tat-trabi twieldu barra r-relazzjoni taż-żwieġ. Fl-istess sena, 9.2 fil-mija tal-missirijiet ta' dawn it-trabi baqgħu mhux magħrufa. Diċ-ċifra telgħet għal kważi 20 fil-mija fl-2007. 37.6 fil-mija ta' studenti fl-iskola bejn l-etajiet ta' ħdax għal ħmistax-il sena jgħixu f'familja b'ġenitur wieħed. Il-persentaġġ ta' żwiġijiet ċivili bejn il-Maltin, għalkemm għadu relattivament ċkejken, laħaq is-6 fil-mija fl-2006.
Ħafna ċittadini qed jersqu lejn ir-reliġjon organizzata b'mentalità à la carte - li jsegwu u jaċċettaw dawk il-linji ta' twemmin u mġiba li jaqblu magħhom jew li jogħġbuhom, waqt li jinjoraw lill-oħrajn. Sadattant, il-manifestazzjoni minn barra, fid-deher, tar-reliġjon organizzata tagħti xhieda ta' kontradizzjonijiet kbar, uħud minnhom ironiċi fl-effett tagħhom.
Il-preżenza fiżika tar-reliġjon organizzata bil-bini ta' knejjes u l-ftuħ ta' parroċċi f'żoni urbani ġodda u qodma, baqgħet tinfirex fl-aħħar snin daqskemm kienet tagħmel fis-snin ta' qabel, jekk mhux aktar. Dan kien akkumpanjat minn miżuri pastorali meħuda mill-Knisja maħsuba biex iżommu preżenza ġenwina fost il-poplu, bħal fil-prattika li ġiet inforzata biex il-kappillani jibdew kollha kemm huma, joqogħdu fil-parroċċa li jmexxu. Madankollu, l-għadd tal-kleru u ta' voluntiera reliġjużi naqas b'mod sinifikattiv, tendenza li x'aktarx se tibqa' sostnuta.
B'kuntrast, il-ħeġġa għall-festi reliġjużi tal-parroċċi baqgħet tirranka u tikber. Jista' jkun li l-miżura meħuda mill-awtorità ċivili snin ilu, kontra x-xewqa tal-Knisja, biex il-festi jkunu ċelebrati kollha fi tmiem il-ġimgħa kebbset u mhux naqqset il-popolarità tagħhom. Tant li ċ-ċelebrazzjoni fis-sajf ta' dawn il-festi saret ukoll attrazzjoni turistika. Imma f'ħafna aspetti, il-festi saru għodda ta' divertiment tal-massa aktar milli espressjoni popolari u ġenwina ta' fervur reliġjuż.
F'linja ma' dawn l-iżviluppi, l-iskejjel “tal-Knisja”, ftit saru differenti minn skejjel oħra “lajċi”, bil-preżenza fiżika ta' għalliema reliġjużi li hi mill-iċken. Il-biċċa l-kbira tat-tagħim hu mogħti minn għalliema lajċi mħallsa minn fondi pubbliċi, fil-qafas ta' kurrikulum fejn it-tagħlim u l-prattika tar-reliġjon jingħataw l-istess importanza mal-iskejjel kollha tal-pajjiż.
Ftit jista' jkun hemm dubju li l-profil tar-reliġjon organizzata ġarrab bidliet kbar fostna, li nistgħu anki nsejħulhom fondamentali. Ir-reliġjon organizzata, bħall-awtorità ċivili wara kollox, kellha tinnaviga l-mewġ ta' bidliet profondi li għadhom għaddejja. Dawn mhux biss bidlu l-istrutturi tas-soċjetà kollha kemm hi, talli bidlu saħansitra l-kuxjenza tal-individwu Malti.
Il-poter soċjali
Madankollu r-retorika li tintuża, il-prinċipji li għadhom jissemmew u l-miżuri li għadhom jittieħdu biex bihom jiġu deskritti u biex jitwittew it-tensjonijiet dejjem għaddejja bejn ir-reliġjon organizzata u l-bqija tas-soċjetà, mhux l-anqas l-awtorità ċivili, għadhom jirrikorru b'mod wiesa' għal referenzi li kienu jgħoddu fi żminijiet oħra, meta s-soċjetà Maltija kienet għadha magħluqa, jew meta l-ftuħ tagħha kien għadu fil-fażijiet bikrija tiegħu.
Dil-ħaġa ma tintrabatx biss ma' ħwejjeġ bħar-referenza fil-kostituzzjoni għar-reliġjon Kattolika bħala r-reliġjon ta' Malta, jew mal-preċedenza fil-protokoll tal-pajjiż li hi mogħtija lill-mexxejja tal-Knisja Kattolika. Tintrabat b'mod ħafna aktar profond u sinjifikattiv ma' kif jiġu trattati f'pajjiżna materji ta' etika soċjali u ma' kif problemi nazzjonali bħal fost oħrajn, fil-qasam edukattiv, tas-sahha, tar-regolamentazzjoni tal-familji, jew jiġu injorati jew jiġu deċiżi qisu xejn ma nbidel.
Fl-aħħar mill-aħħar, irridu nqisu it-tensjonijiet bejn reliġjon organizzata u ċivili, u l-bilanċ li jista' jinstab bejniethom, bħala parti minn eżerċizzju ta' poter soċjali. Għarfien ġenwin tal-bidliet li seħħew u qed iseħħu madwarna ma jistax ma jwassalx għall-konkluzjoni li l-bilanċ ġdid li għandu jintlaħaq se jfisser tnaqqis, jew ejja ngħidu bidla, fil-poter soċjali ta' naħa jew oħra; f'dal-każ, tnaqqis żgur fil-poter soċjali tar-reliġjon organizzata. Issa l-ebda organizzazzjoni ma ssibha ħaġa ħafifa li taċċetta tnaqqis bħal dan.
Ma nixtieqx niftiehem li qed ngħid li mhux diġà seħħet bidla fl-istruttura tal-poter soċjali mis-snin sittin lil hawn. Bil-maqlub: insemmi mill-esperjenza tiegħi, episodju li jista' jitqies bħala eżempju minuri, imma li jixhed sew il-bidliet kbar li seħħew fl-istruttura tal-poter soċjali fostna. Fis-sena 1968, meta kont qed nistudja f'Pariġi, kelli nirċievi grad mill-Università ta' Malta (dak iż-żmien, imsejħa “Irjali”) in absentia. Biex ikunu jistgħu formalment jagħtuni l-grad, bagħtuli stqarrija tal-att tal-fidi kattolika, biex naqraha quddiem qassis. Dak iż-żmien, hekk kienu jgħidu r-regolamenti għall-gradwazzjoni fl-Università.
Mort bl-ittra għand patri Ġiżwita, fl-uffiċċju tiegħu biswit il-Pantheon. Mill-istitut fejn kont miktub, qaluli li hu kien jieħu ħsieb l-interess spiritwali tal-istudenti kattoliċi. Meta għedtlu x'kienet il-biċċa u xi xtaqt minnu, bilkemm ried jemmen; qabad u ffirma l-karta mingħajr ma nsista fuq ir-reċta tal-kredu quddiemu. Kontrolli soċjali bħal dawn spiċċaw.
Imma jibqa' l-fatt li l-bilanċ tat-tensjoni bejn awtorità ċivili u reliġjon organizzata għadu jirrifletti f'diversi punti, viżjoni antikwata, biex ma ngħidx arkajka, ta' kif għandu jinbena dal-bilanċ, skont iċ-ċirkostanzi soċjali u ekonomiċi fil-pajjiż. Jekk il-bilanċ ikun qed jirrifletti realtà li spiċċa żmienha, bil-fors se jisfa żlugat.
Niddubita kemm hi attitudni valida, dik li biha nibqgħu nippretendu li aħjar tħalli kollox għaddej kif issibu. Meta l-bilanċ ikun falz, jkun jammonta għal żbilanċ. Allura jiġri li kemm l-awtorità ċivili ma tkunx qiegħda tħares tajjeb l-interessi taċ-ċittadini li qiegħda hemm biex isservi, u kemm ir-reliġjon organizzata ma tkunx qed tikkontribwixxi tassew għat-titjib tal-valuri umani li jagħmlu s-soċjetà tal-bniedem waħda ċivili.
Ir-regolamentazzjoni taż-żwieġ
Nerga' ngħid: il-problema kbira hi ta' kif se jiġi determinat it-tqassim tal-poter soċjali fostna, anki jekk fil-beraħ id-diskussjoni tibqa' dwar kunsiderazzjonijiet u esiġenzi morali.
L-oqsma fejn dil-biċċa l-aktar li tinħass huma dawk tal-edukazzjoni, u tal-liġijiet li jirregolaw ir-relazzjonijiet bejn is-sessi, biż-żwiġijiet fuq quddiem nett. Tal-aħħar jikkostitwixxu pedament qawwi li minnu r-reliġjon organizzata, fis-sura tradizzjonali tagħha, żammet influwenza qawwija fuq il-ħajja taċ-ċittadini.
Il-mod kif żwieġ iseħħ, l-indissolubiltà tiegħu, l-annullamenti u s-separazzjonijiet, id-divorzju, il-konkubinaġġ u l-koabitazzjoni… dawn l-oqsma li jirriflettu l-esperjenzi l-aktar intimi tal-ħajja umana jagħtu lil min għandu xi influwenza fuq ir-regolamentazzjoni tagħhom, poter qawwi fit-tmexxija tas-soċjetà. Għal sekli sħaħ u sa ftit taż-żmien ilu, il-Knisja Kattolika Maltija kellha kontroll sħiħ f'dal-qasam. Fih għadna sal-lum b'distakk qawwi ħafna mal-prattika u l-liġijiet tal-bqija tal-Ewropa, biex ma nsemmix inħawi oħra. Malta hi l-uniku pajjiż fid-dinja li ma jippermettix divorzju. X'inhi r-raġuni għal dan?
Żgur hu li ħassieba u mexxejja lokali tal-Knisja kkunsidraw mill-qiegħ din il-materja, u kienu konxji sew ta' kif kienu qed jinbidlu ż-żminijiet. Tifhem dan meta tagħrbel l-istqarrijiet formali maħruga mill-awtoritajiet tal-Knisja.
Imma tifhem dil-ħaġa aħjar forsi, meta tqis xi jkunu kitbu studjużi u skulari tal-Knisja; nies li waqt li jibqgħu segwaċi fidili tagħha, ikunu qed jagħtu xhieda wkoll ta' ħsieb u analiżi rigorużi li m'għandhomx għalfejn ikunu allineati f'kollox ma' dawk tal-awtorità viġġenti. Ta' spiss, tista' tagħraf fl-argumenti intellettwali u tekniċi li jippreżentaw fl-istudji tagħhom, riflessjoni li tmur lil hinn mis-suġġett li jkunu qed jiddiskutu. Fil-beraħ jew b'mod anqas ċar, b'mod impliċitu jew espliċitu, l-istudji jkunu qed jieħdu f'kunsiderazzjoni punti li għandhom x'jaqsmu maċ-ċaqliq fil-poter soċjali tar-reliġjon organizzata li huma membri tagħha. Inqisha għaldaqstant bħala ħaġa siewja u interessanti li wieħed jifli kitbiet hekk mill-perspettiva ta' xi jkunu qed jiżvelaw dwar il-bilanċ ta' poter soċjali bejn stat u knisja.
Dwar ir-regolamentazzjoni tar-relazzjonijiet sesswali, iż-żwieġ u kif jiġi ċelebrat, is-separazzjonijiet, l-annullamenti u d-divorzju… din il-firxa ta' kwistjonijiet li dejjem kienu fil-qalba tal-kontroll soċjali fostna… l-istorja hi magħrufa sew. Sal-ewwel nofs tas-snin sebgħin, iż-żwieġ li kien prattikat f'Malta u rikonoxxut mill-awtorità ċivili prattikament għaċ-ċittadini Maltin kollha, kien biss dak reliġjuż. Fis-snin sittin, fost il-kwistjonijiet imqajma fil-konfront bejn il-Knisja u l-Partit Laburista, kien hemm is-sejħa Laburista biex jiddaħħal iż-żwieġ ċivili. Dan seħħ f'Awwissu tal-1975, meta taħt Gvern Laburista iż-żwieġ ċivili, jekk mhux id-divorzju, sar parti mil-liġijiet Maltin.
Kull żwieġ biex ikun validu, ried isir quddiem registratur ċivili, anki jekk fl-istess ħin, kien se jiġi ċelebrat iż-żwieġ reliġjuż. Is-separazzjoni u l-annullamenti fid-dimensjoni ċivili tagħhom u allura fl-aspett li kien rikonoxxut mil-istat, saru mija fil-mija kompetenza tal-qrati Maltin. Għal snin twal wara dir-riforma, l-Knisja baqgħet tagħmel pressjoni biex iż-żwiġijiet tagħha awtomatikament ikunu rikonoxxuti anki ċivilment, waqt li riedet li d-dritt tal-annullament taż-żwieġ għal meta dan ikun ġie ċelebrat b'mod reliġjuż, jibqa' regolat mil-liġi kanonika u soġġett għad-deċiżjoni tal-qrati ekkleżjali. Din l-esiġenza tal-Knisja ntlaqgħet f'parti kbira tagħha mill-Gvern Nazzjonalista tal-ewwel nofs tas-snin disgħin bil-liġi li għaddiet fl-1995.
(ikompli...)
No comments:
Post a Comment