Monday 15 March 2010

Il-Ġens: Xarabank verament ma jitlifx okkażjoni!

http://www.il-gensillum.com/news.asp?newscat=15&news=2797
13 ta' Marzu 2010 minn Fr John Avellino

Xarabank verament ma jitlifx okkażjoni! Mela waqt li bħalissa l-Knisja f’Malta qed tiċċelebra mal-kumplament tal-Knisja Universali s-Sena Pawlina; u waqt li l-Knisja f’Malta qed tħejji biex tilqa’ f’pajjiżna lill-Papa Benedittu XVI biex jiċċelebra magħna lil San Pawl, Peppi Azzopardi jistieden fil-programm tiegħu persuna mgħobbija b’bagoll ta’ preġudizzji kontra l-Knisja biex jitkellem dwar ktieb tiegħu li se jkun imniedi fil-ġranet li ġejjin, li jsostni, fost ħwejjeġ oħra li San Pawl u San Ġorġ Preca kellhom orjentazzjoni omosesswali!

L-awtur ta’ dan il-ktieb kellu wkoll l-idea ġenjali li jħoss li jista’ jikteb dwar persuni li llum m’għadhomx magħna, u li fil-fehma tiegħu setgħu kellhom orjentazzjoni omosesswali.

Fost ħafna ħwejjeġ oħra, Dr Joseph Chetcuti, l-awtur tal-ktieb in kwistjoni, sostna wkoll li fil-ġerarkija tal-Knisja Kattolika “hemm element qawwi ta’ omosesswalità”, u li “l-maġġoranza tas-saċerdoti huma omosesswali”. Skont Dr Chetcuti, il-Knisja Kattolika hi wkoll “l-għadu tal-omosesswali. Hi “tuża l-omosesswalità tagħna biex tiġbed il-qassisin”.

Irridu ngħidu għall-korrettezza li qed nagħmlu dawn il-kumment tagħna wara li segwejna l-programm ta' nhar il-Ġimgħa, u mhux għax qrajna l-ktieb. Naffermaw ukoll li ma għandna xejn kontra li programm bħal Xarabank jiddiskuti ktieb li suppost jittratta l-istorja tal-omosesswalità f’pajjiżna, kif ukoll, b’mod indirett, l-istorja mqallba tal-Knisja, jew l-għemil ta’ dawk li jagħmlu parti minnha. Il-Knisja qatt ma ddejjqet mill-kritika, anki jekk spiss tkun inġustament akkużata li tipprova xxekkel il-ħsieb ħieles.

Imma li fi programm ewlieni fuq l-istazzjon tal-Istat toffri spazju sostanzjali lil ‘awtur’ ta’ ktieb mimli spekulazzjoni, u nieqes minn kull riċerka akkademika jew stħarriġ xjentifiku, hu fil-fehma tagħna nsult lill-poplu ta’ dawn il-gżejjer, li jistenna tal-inqas li s-sentimenti tiegħu jkunu rispettati.

Għax ngħiduha kif inhi, li tikteb ktieb dwar l-istorja tal-omosesswalità biex sempliċiment tpoġġi l-Knisja Kattolika, jew il-mexxej spiritwali tagħha, f’dell ikrah, hu nġust u fl-aħħar mill-aħħar, ma jagħmel ebda ġid lill-kawża ta’ dawk li għandhom orjentazzjoni omosesswali. Kif sostna tant tajjeb Fr Joe Borg, wieħed mill-mistiedna fuq il-programm, “dan hu biss aġir ta’ żufjett lejn il-Papa, u nuqqas ta’ rispett lejn il-kultura tagħna”.

S’intendi, m’għandna ebda dritt niddettaw lit-tim ta’ Xarabank fl-għażla tas-suġġetti li jittrattaw fuq il-programm tagħhom. Kif lanqas m’għandna ebda dritt ngħidulhom lil min għandhom jistiednu fuq il-programm tagħhom, imma nistennew, iva, naqra aktar sensibilità u rispett lejn il-kultura li sawwret dan il-poplu u s-sentimenti li ħaddan tul sekli ta’ storja.

1 comment:

  1. Ikolli nghid li Fr Avellino hasibna qatta' cwiec, jew hasibna ta' subghajna f'halqna.

    Ghal sekli shah il-Knisja hakmet u opprimiet lin-nies u hsibijiethom. Ghal sekli shah, u ghadha sal-lum, gawdiet privileggi f'Malta, fejn ir-religjon kattolika hija r-religjon tal-istat. Minhabba fiha il-Maltin m'ghandhomx id-dritt ghad-divorzju u l-abbort. Il-moralita' werca taghha tahkem tant li l-editur tal-magazin Realta' gie arrestat, pupazz imnezza' f'tieqa ta' hanut kellu jitnehha, disgha min-nies gew arrestati minhabba l-kustum li libsu fil-karnival tan-Nadur, Ghawdex u l-ligi tipprotegi lir-religjon Kattolika mid-dagha iktar mir-religjonijiet l-ohrajn. U l-helu Arcisqof iqabbel l-omosesswalita' mal-bestjalita'. nghidlu jien min j-xi xiex!

    Minkejja dal-poter, malli xi hadd jazzarda jikkritikaha lill-Knisja, araha hi u l-qaddejja taghha jilghabuha tal-vittmi. Lanqas jisthu!

    Iva, il-Knisja hija l-ghadu taghna l-omosesswali. Ghax kontrina tghallem, tipriedka u topponi ligijiet xierqa.

    Iva, kulhadd jisthoqqli r-rispett, u rridu nirrispettaw id-dritt tat-twemmin. Imma dak id-dritt irid ikun id-dritt ta' kulhadd, inkluz ta' min ma jemminx fil-religjon kattolika (jew f'ebda religjon.)Id-drittijiet tal-bniedem huma ghal kulhadd, mhux privilegg ghal Knisja wahda li u tigi titmejjel minn haddiehor.

    Ghalhekk insellem minn qalbi lil habibi Joseph Chetcuti ghall-hila u l-kuragg li wera bil-kitba u l-istampar tal-ktieb tieghu. U bhalu nawgura li jkun hemm ohrajn li jibnu fuq dak li beda hu.

    Michael Schembri
    Sydney, l-Awstralja

    ReplyDelete