28.3.10 minn Aleks Farrugia
Li kieku Joseph Chetcuti ma kienx jeżisti, kien ikun meħtieġ li jinħoloq! Kellu jkun hu li jiġbor il-kuraġġ biżżejjed biex jikteb l-istorja moħbija tal-komunità omosesswali f’Malta. Il-ktieb tiegħu “Queer Mediterranean Memories” qanqal kontroversja sħiħa, l-aktar minħabba li jassoċja lil Dun Ġorġ Preca ma’ din il-komunità. Imma lilhinn mill-kontroversja hemm il-ħajjiet ta’ persuni li kellhom jgħixu taħt id-dell tad-diskriminazzjoni… kultant doppjament, meta d-diskriminazzjoni sesswali kienet imwaħħda wkoll ma’ dik soċjali. ALEKS FARRUGIA tkellem dwar dan ma’ JOSEPH CHETCUTI.
Malli daħal fl-uffiċċju u poġġejna biex nibdew l-intervista, is-suġġett ma setax ma jaqax fuq Dun Ġorġ Preca. Il-ktieb, li tnieda s-Sibt ta’ ġimgħa ilu, qajjem kontroversja sa minn qabel – u dan aktarx minħabba ċerti referenzi li fih għal persuni li għall-ewwel darba hemm imniżżel b’iswed fuq l-abjad li għandhom – jew kellhom, għax illum mejtin – orjentaz-zjoni omosesswali. Fost dawn hemm l-isem tal-uniku qaddis Malti – Dun Ġorġ Preca.
It-tentazzjoni li niftaħ l-intervista dwar dan kienet kbira. Joseph Chetcuti, avukat Malti li jgħix f’Melbourne l-Awstralja, mhux bniedem ġdid għall-kontroversja. Meta kien ġie Malta fl-1994 kien qajjem agħa sħiħ bil-ktieb tiegħu “Il-Ktieb ir-Roża”. Minn dakinhar sal-lum is-soċjetà nbidlet, kif jammetti Joseph Chetcuti nnifsu, u wisq probabbli li ma kienx għal din ir-referenza għal Dun Ġorġ u xi personaġġi oħrajn magħrufin, ma kienx iqajjem wisq trab. Għalkemm l-omosesswali għad jonqoshom x’jaqdfu għad-drittijiet tagħhom, is-soċjetà tagħna żgur li saret aktar miftuħa biex titkellem dwar is-suġġett.
“Jien nemmen li s-soċjetà Maltija qiegħda tinbidel. Jidher li hawn ċerta skuntentizza bl-‘istatus quo’ konservattiv f’dan il-pajjiż. Minkejja li fl-aħħar mill-aħħar huma għadhom jikkmandaw, anke f’istituzzjonijiet bħall-Knisja, fil-poplu tinħass ċerta tama għall-bidla.”
Il-kontroversja
Joseph Chetcuti ma jibżax mill-kontroversja u lanqas ma jħoss li l-agħa dwar l-orjentazzjoni omosesswali ta’ Dun Ġorġ tista’ timmina l-għan aħħari tal-ktieb “Queer Mediterranean Memories”, li hu rendikont storiku tal-omoses-swali f’Malta.
“Fuq bażi ‘short term’ veru, jista’ jkun li l-uniku interess li jkollhom xi wħud hu li jaqtgħu l-għatx tal-kurżità tagħhom u jixtru l-ktieb biex jaraw sewwasew x’jgħid dwar Dun Ġorġ. Imma ‘long term’, wara li l-kontroversja toqgħod, dak li jkun jibda jaqra affarijiet oħrajn – ta’ aktar importanza – li hemm f’dan il-ktieb,” jgħid Joseph Chetcuti.
Il-ħars ikrah u ċerti kliem li ngħad fil-konfront tiegħu ma jdejquhx. Il-filosofija tiegħu hi li “wara tant żmien li minn dejjem konna taħt attakk, għaliex issa m’għandniex inkunu aħna wkoll li nattakkaw?” Madankollu, ‘l-attakk’ li jsemmi Chetcuti għandu mira preċiża: dik li toħroġ il-verità dwar l-omosesswalità f’pajjiżna, li għal żmien twil kienet miżmuma siekta.
“Niftakar li meta kont hawn bil-‘Ktieb ir-Roża’, kont mort għall-purċissjoni tad-Duluri – għax jien il-festi nħobb inżurhom – u lil min kien miegħi għedtlu biex ikun imħejji għall-ħars ikrah u għal xi kumment insolenti fil-konfront tagħna. Li ġara kien bil-maqlub: kull qassis li beda jgħaddi minn quddiemna beda jitbissimli – għad għandi ritratt ta’ wieħed minnhom, iżomm il-lasta ta’ xi fanal jew x’kien, bi tbissima daqsiex fuq wiċċu.”
Jgħid ukoll li l-akbar sor-priża għalih kienet l-appoġġ li sab minn fost persuni anzjani. “Stramba imma vera. L-ewwel rispons li kelli kien minn persuni anzjani, li x’aktarx sabu għall-ewwel darba lil min itihom leħen.”
Storja moħbija
Il-ktieb ta’ Joseph Chetcu-ti huwa rendikont storiku. Mill-ewwel inqajjem il-punt li kien hemm min ikkontesta l-validità storika tar-rakkont tiegħu.
“Ejja nibdew mill-ewwel punt,” iweġbini mingħajr tlaqliq Chetcuti, “Irridu nitilqu mill-fatt li din hija l-istorja ta’ komunità mistura. M’hemmx dokumenti, jew fejn hemm huma skarsi ħafna. Hawn kelli niddependi ħafna fuq ir-rakkonti ta’ individwi, li jiftakru ċerti affarijiet, jew li kienu nvoluti fihom huma stess. Għandi kemm trid rekordings ta’ persuni li tkellmu miegħi. Oħrajn ma ridux ituni intervista, imma tkellmu miegħi xorta waħda.
“Din id-dipendenza fuq l-istorja orali tagħmilha diffiċli biex wieħed jippreżenta xi ħaġa bħala ‘evidenza’ iswed fuq l-abjad.
“Imma dan huwa l-mod kif tinkiteb l-istorja ta’ komunità, bħal dik tal-omosesswali f’Malta, li kellha tgħix moħbija biex taħrab mill-persekuzzjoni. Tant hu hekk, li d-daħla tal-ktieb hija ta’ Graham Willet, li huwa storiku ewlieni fl-Awstralja. Storiku ieħor li apprezza l-validità storika tal-ktieb huwa Gary Weatherspoon.”
Insemmilu l-kritika li saritlu dwar ċerta spekulazzjoni li hemm fir-rakkont.
“Iva, forsi dan il-punt tqaj-jem għax jien ħarist lejn l-istorja mill-perspettiva li mdorrijin inħarsu biha aħna fl-Awstralja u f’pajjiżi oħrajn bħall-Ingilterra u l-Istati Uniti.
“Ma tantx tista’ tifred l-istorja minn ċertu element ta’ spekulazzjoni. L-istorja fiha nnifisha tivvinta l-imgħoddi, għax ma tistax terġa’ tgħixu; l-istorja wieħed irid jibniha – ir-restawrazzjoni tal-memorja tagħna. L-ispekulazzjoni mhijiex li wieħed joħloq minn żniedu, imma li jsawwar l-evidenza biex jagħti stampa mill-aktar sħiħa.”
Induru għall-kwistjoni tal-privatezza tal-ħajja sesswali tal-individwi.
“Il-privatezza hija dritt bażiku; imma bħal kull dritt ieħor, għandha wkoll il-li-mitazzjonijiet tagħha. Ħafna drabi l-privatezza hija biss skuża biex issodd ħalq dawk li huma oppressi. Tintuża biex twaqqafna milli nirrakkontaw din l-istorja ta’ ripressjoni.
“La darba persuna tagħżel li tibda tinvolvi ruħha b’mod attiv fil-komunità omosesswali ma tistax tippretendi li l-orjentazzjoni tagħha ma tkunx identifikata.”
Il-bagalja tal-valuri konservattivi
Ngħidlu li mhux l-omoses-swali kollha jaqblu mal-ktieb tiegħu.
“Għandek raġun, imma anke l-komunità omosesswali għandha persuni b’opinjonijiet diversi. Hemm min għamel ir-reazzjoni tiegħu dwar il-ktieb u ma qrahx – u dan mhux fost l-omosesswali biss! Imbagħad hemm dawk l-omosesswali li ma jintebħux li huma vittmi ta’ diskriminazzjoni.
“Ċerti omosesswali tarahom b’dik li l-poeta Amerikan Alan Ginsberg kien isejjaħ bħala ‘wounded look’, li hija l-ħarsa ta’ xi ħadd li sikwit iħossu bħala l-vittma. Illum, l-attivisti omosesswali neħħewha din il-ħarsa – m’għadhomx iħossuhom vittmi.”
Imbagħad il-kliem jerġa’ jaqa’ fuq il-kwistjoni tal-privatezza:
“Il-kwistjoni tal-privatezza turi l-ipokrisija tal-konservattivi f’dan il-pajjiż. Il-konservattivi għandhom bagalja ta’ valuri li joħorġuhom biss meta jkun komdu għalihom. Fis-snin sebgħin, meta Mintoff kien neħħa l-omosesswalità minn fost ir-reati kriminali, il-konservattivi dakinhar ma kinux jemmnu f’dan id-dritt tal-privatezza u riedu li dak li jseħħ fid-dar privata tal-individwi jkun materja pubblika, suġġetta għal-liġijiet kriminali tal-pajjiż.”
Ix-xorti ‘soċjali’
Inressaq il-punt li, fost dawk li fl-imgħoddi li kienu magħrufa għat-tendenzi omosesswali tagħhom, kien hemm persuni li kienu parti sħiħa mill-istabbiliment konservattiv ta’ pajjiżna.
“Ara, hemm diversi stadji tal-istorja tal-omosesswalità f’pajjiżna. L-ewwel stadju kien ta’ dawk l-irġiel li kienu jħobbu jilbsu ta’ nisa fil-ħwienet tax-xorb fejn kien ikun hemm il-baħrin. Dawn kienu ġejjin mill-klassijiet soċjali ta’ isfel. Kellhom rwol importanti ħafna għax taw wiċċ lill-omoses-swalità f’pajjiżna.
“Imbagħad, kellek persuni oħrajn li kienu mlaħħqa u f’pożizzjonijiet importanti bħalma hija l-ġudikatura. Dawn kienu omosesswali, baqgħu ma żżewġux, imma xorta waħda laħqu l-quċċata tal-karriera tagħhom. Dawn insibuhom bħala ‘the good girls’.
“Tgħidli: imma kif imxew ‘il quddiem u laħqu xorta waħda? Ngħidlek li kienet il-klassi soċjali li qalgħethom u li mexxiethom ‘il quddiem. Mhux talli hekk; talli filwaqt li omosesswali li kien jinqabad fl-att – anke jekk fil-privatezza ta’ daru – kien saħansitra jeħel il-ħabs, dawn il-persuni – għax kienu soċjalment privileġġjati – kienu jużaw il-liġi biex iġibu lill-ħabib tagħhom minn barra ħalli jgħix magħhom.
“Flimkien mal-inġustizzja minħabba l-orjentazzjoni sesswali tagħhom, ċerti omosesswali kienu suġġetti wkoll għall-inġustizzja soċjali.”
Hawnhekk, Joseph Chetcuti jisħaq dwar id-dimensjoni soċjali tal-ġlieda tiegħu.
“Hemm omosesswali li m’għandhomx interessi oħrajn għajr il-parties, id-drogi u li jaqbdu ma’ xi barrani. M’għandhomx kultura tal-omosesswali. M’għandhom ebda interess fl-istorja tagħna, fl-affarijiet li jaffettwawlna ħajjitna.
“Lanqas biss jirrealizzaw li din mhijiex biss ħaġa ta’ sess, imma kultura ta’ minoranza. Hemm omosesswali li qiegħdin komdi għax għandhom il-kuntatti. Jien mhux għal dawk qed niġġieled, imma għal dawk li jħossuhom oppressi, li huma diskriminati, li qiegħdin jgħixu fid-dwejjaq għax huma differenti.”
Fil-fatt, Chetcuti jaqbel ħafna mas-sezzjonijiet għall-omosesswali li għandhom kemm il-GWU u anke l-Partit Laburista. Jaqbel li l-akbar kontribuzzjoni li jistgħu jagħtu dawn is-sezzjonijiet hija l-viżibilità lill-omosesswali.
Iz-ziju ried jara t-trasvestiti
Dakinhar li nieda l-ktieb tiegħu, Joseph Chetcuti sellem b’mod partikolari lil dawk li kienu jilbsu ta’ nisa fil-ħwienet tax-xorb għall-baħrin u li sikwit kienu jissejħu bħala ‘female impersonators’. Waqt l-intervista insemmilu l-kontribut li ta l-kittieb Naxxari Victor Scerri biex dawn il-persunaġġi jibqgħu ħajjin fl-imħuħ tan-nies.
“Iva, lil Victor Scerri ltqajt miegħu wkoll. Għalkemm Victor ma jirreferix għall-orjentazzjoni sesswali ta’ dawn il-persunaġġi, bħall-Cookie u l-Golliwog, din toħroġ b’mod impliċitu. Jien iltqajt ukoll ma’ uħud minn dawn il-‘female impersonators’. Naħseb li Victor ħareġ b’mod tajjeb ħafna l-element uman u anke t-talent li kellhom dawn il-persuni.”
Imbagħad jaqleb il-kliem fuq zijuh, ir-rumanzier soċjali Ġużè Chetcuti, u jirrakkontali aneddotu ċkejken: “Meta z-ziju ġie Melbourne qalli: ‘Ħudni nara t-trasvestiti’. Iz-zija ħarset lejh bl-ikrah u staqsietu biex inhu ħiereġ. Kien qed jikteb xi ħaġa fuq trasvestiti u ried jara b’għajnejh biex ikun jaf fuq xiex jikteb.
“Meta ġie biex joħroġ wie-ħed mill-kotba li kiteb dwar ħajtu u r-relazzjoni li kellu ma’ awturi ħbieb tiegħu ried isemmini. Jien aċċettajt, imma ma ridtux jikteb dwar il-poeżiji li kont nikteb meta kont żgħir. Ridtu jikteb dwar il-‘Ktieb ir-Roża’. Iz-ziju kien moħħu miftuħ, kien jitkellem miegħi u jismagħni. Fil-ktieb tiegħu semmieni kif xtaqt jien.”
U Dun Ġorġ kien gay?
Ma jistax jonqos li nduru wkoll fuq l-orjentazzjoni omosesswali ta’ Dun Ġorġ Preca.
Joseph Chetcuti jippreċiża: “Qed nitkellem fuq orjentazzjoni, fil-ktieb. Fuq ċerti elementi fil-persuna, li jindikaw xeħta ta’ tendenza omosesswali. Ħalli nkunu ċari, qatt ma kont se nikteb dwar Dun Ġorġ qabel ma kien kanonizzat. Għax kieku żgur li kienet tinħoloq problema għall-kanonizzazzjoni tiegħu. Semmejtu b’ammirazzjoni, bħala waħda minn dawk il-persuni li jissublimaw, li juru li f’pajjiżna kellna persuni b’tendenzi omosesswali li għamlu affarijiet importanti f’ħajjithom.
“Madankollu, xorta nħoss li l-knisja nħasdet li semmejt lil Dun Ġorġ. Biss ma nemminx li ma kienx hemm min diġà kellu dan il-ħsieb. L-istess Alexander Bonnici, li kiteb dwar il-ħajja ta’ Dun Ġorġ, jipprova jissuġġerixxi dan, b’mod indirett ħafna. Per eżempju jgħid li Dun Ġorġ kien jimmaġina l-affarijiet. Din hi xi ħaġa serjissima għax jiġifieri li saqajh ma kinux fl-art. Bonnici jagħmel emfasi fuq li ċerti membri tal-Mużew ma ridux jagħtuh id-dokumenti li kellhom ta’ Dun Ġorġ. Isemmi li Dun Ġorġ kien aktar interessat fis-subien. Hemm ukoll is-senswalità li biha jiddeskrivi lil Kristu. Bonnici jinħass li kien hemm xi ħaġa skomda għalih fil-kitba tiegħu dwar Dun Ġorġ Preca.
“Hemm ukoll affarijiet oħra, ngħidu aħna l-istmerrija kbira li kellu lejn il-ġisem. Hemm ukoll doża ta’ misoġiniżmu, bħalma wara kollox juri San Pawl. Nafu li l-għira tal-omosesswali lejn in-nisa hija kbira, l-aktar fejn l-omosesswalità hija ripressa.”
Chetcuti jsemmi wkoll persuni oħrajn li kienu fil-Mużew u li aktarx kienu ta’ tendenza omosesswali. Jgħid li għandu każi f’idejh fejn ċerti membri tal-Mużew ma setgħux jgħaqqdu flimkien is-sesswalità tagħhom mal-ħajja reliġjuża u spiċċaw f’xifer il-ġenn. Jemmen li waħda mir-raġunijiet għaliex naqsu l-vokazzjonijiet hija l-ftuħ li nħoloq fis-soċjetà għal persuni omosesswali biex ikunu jistgħu jgħixu s-sesswalità tagħhom fil-miftuħ.
Nagħlaq l-intervista billi nistaqsi lil Joseph Chetcuti dwar kif inhu sejjer il-bejgħ tal-ktieb…
“Il-bejgħ sejjer tajjeb, naħseb aħjar milli stennejt. Fil-fatt jidher li se jkolli noħroġ re-run tiegħu…”
Lilhinn mill-kontroversji li qala’ “Queer Mediterranean Memories” jidher li se jinqara sew. U dik li sa ftit ilu kienet l-istorja ta’ komunità moħbija, mhijiex se tibqa’ daqstant mistura.

No comments:
Post a Comment