Monday, 22 March 2010

It-Torċa: Jitnieda l-ktieb dwar l-istorja tal-omosesswali

http://www.it-torca.com/news.asp?newsitemid=9294
21.3.10 minn Charmaine Craus

Miktub mill-avukat Joseph Chetcuti, il-bieraħ tnieda uffiċjalment il-ktieb ’Queer Mediterranean Memories’, li jitratta b’mod riċerkat u dokumentat l-istorja tal-komunità ‘gay’ f’pajjiżna u d-diffikultajiet li dawn il-persuni għadhom iħabbtu wiċċhom magħhom sal-lum biex jiksbu l-ugwaljanza u jitħarsu d-drittijiet tagħhom.

Fil-ktieb jingħata rendikont dettaljat ta’ persuni minn kull qasam tal-ħajja li kienu omosesswali jew kellhom tendenzi omosesswali u fih, l-awtur jispekula dwar l-orjentazzjoni sesswali ta’ ċittadini Maltin magħrufin sew, fosthom San Ġorġ Preca.

Fl-ewwel kummenti tiegħu quddiem dawk preżenti waqt it-tnedija tal-ktieb, Joseph Chetcuti qal li huwa għamel hekk biex jgħolli lil dawk il-persuni li semma.

Fi preżentazzjoni li saret, Chetcuti wera numru ta’ rit-ratti, b’uħud minnhom imorru lura sas-sena 1948 li fihom jidhru ritratti ta’ rġiel lebsin ta’ nisa waqt shows imtellgħin fil-ħwienet ta’ Strada Stretta. Qal li dawn ir-ritratti kienu se jintilfu u oħrajn inġabru miż-żibel. Chetcuti qal li wieħed minn dawn, li kien laqqmu Cookie “jiġi minn persuna li dan l-aħħar issemmiet ħafna fl-aħbarijiet u li kunjomha Preca.”

Chetcuti spjega li l-ktieb jippreżenta diversi studji - studji dwar kif il-liġi f’Malta taffettwa lill-persuna omosesswali, id-dekriminalizzazzjoni tal-omosesswalità f’Malta, ir-reazzjoni u l-mossi tal-knisja u tal-Partit Nazzjonalista kontra l-proposta tal-Gvern ta’ Mintoff li jneħħi l-imġiba omosesswali mill-Kodiċi Kriminali ta’ pajjiżna, kif ukoll diskussjonijiet dwar dawk l-aspetti tal-letteratura Maltija li jħarsu lejn l-omosesswalità u rakkont tal-iżvilupp tal-moviment omosesswali Malti.

Fl-introduzzjoni tagħha, Gabi Calleja li hija l-koordinatriċi tal-Malta Gay Rights Movement qalet li fil-ktieb imsemmi, jekk Chetcuti ried jagħti rendikont dwar l-istorja tal-komunità Maltija, ma setax ma jsemmix individwi. Qalet li l-MGRM tappoġġja l-ktieb minkejja li tista’ taqbel jew ma taqbilx mal-konklużjonijiet tal-awtur. Calleja żiedet tgħid li dan huwa ktieb interessanti u ta’ kontribut siewi u ddeskrivietu bħala ċelebrazzjoni tal-kuraġġ ta’ dawn in-nies.

It-tnedija tal-ktieb saret minn Michael Briguglio, chairperson tal-Alternattiva Demokratika.

No comments:

Post a Comment