[Dan l-artiklu mhux fuq is-sit ta' L-Orizzont s'issa.]
26.3.10 minn CHARMAINE CRAUS
Il-Malta Gay Rights’ Movement (MGRM) iddikjarat li hemm bżonn b’mod urġenti li tiddaħħal leġislazzjoni biex tfal li jgħixu ma’ koppji li huma gay jiġu rikonoxxuti b’numru ta’ drittijiet. Waqt diskusjoni għall-istudenti li saret fuq il-campus tal-Università ta’ Malta orgnizzata mill-għaqda MOVE dwar l-omosesswalità u d-drittijiet tal-persuni omosesswali, Cyrus Engerer mill-MGRM qal li f’pajjiżna għad hawn numru kbir ta’ każi ta’ diskriminazzjoni u nuqqas ta’ ugwaljanza fost il-komunità gay għax il-Gvern għadu ma rrikonoxxiex li koppji gay jistgħu jiżżewġu u jistgħu jadottaw tfal.
Qal li l-iżjed partit li ddikjara l-opinjoni tiegħu fil-miftuħ dwar l-omosesswalità u d-drittijiet ta’ dawn il-persuni hija Alternattiva Demokratika waqt li rrikonoxxa li fi ħdan il-Partit Laburista inħoloq grupp biex jgħin iżjed lil-komunità gay.
Madankollu, żied jgħid filwaqt li l-Partit Laburista għadu ma ddikjarax biċ-ċar xi tkun il-pożizzjoni tiegħu dwar dan is-suġġett ladarba jkun fil-Gvern, agħar minn hekk huwa l-Partit Nazzjonalista li ma għamel l-ebda ċaqlieqa fil-konfront tad-drittijiet tal-komunità gay.
Qal li minkejja li kien hemm moviment żgħir favur dawn id-drittijiet, ikkundanna l-fatt li l-wegħda elettorali tal-ugwaljanza baqgħet fuq l-ixkaffa u sal-lum, ma teżisti ebda aġenzija tal-Gvern li tieħu ħsieb il-promozzjoni tal-ugwaljanza tal-omosesswali.
Cyrus Engerer fakkar li l-MGRM ikkundannat il-fatt li l-Ewro-Parlamentari tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil kien ivvota kontra d-dritt ta’ moviment ħieles ta’ koppji gay fil-pajjiżi membri kollha tal-UE.
Min-naħa tiegħu, Peppi Azzopardi li kien fost dawk li ndirizzaw din id-diskussjoni, qal li kulħadd għandu tendenzi xi ftit jew wisq omosesswali u ma jeskludix il-fatt li jekk raġel jintefa’ fi gżira ma’ raġel ieħor għal 10 snin, dawn jispiċċaw ikollhom x’jaqsmu sesswalment flimkien.
Qal li koppja gay tħossha diskriminata daqt li kieku l-Gvern iqum ġurnata fost l-oħrajn u ma jibqax jaċċetta li raġel u mara jiżżewġu jew li jkollhom it-tfal. Huwa ddeskriva bħala “tal-mistħija” li llum fl-iskejjel għadhom jagħtu eżempji lit-tfal b’raġel u mara u uliedhom biex jispjegaw x’inhi familja. Qal li huwa b’hekk li t-tfal li jkunu ġejjin minn koppja gay iħossuhom emarġinati jew jiġu bullied’ minn sħabhom. Qal li l-edukazzjoni trid tgħallem lit-tfal li dawn huma koppji bħal kulħadd.
Kelliem ieħor qal li l-Partit Laburista kien l-ewwel partit li ħa l-inizjattiva li jwaqqaf grupp li jgħin lil din il-komunità biex tkun il-leħen dirett tal-persuni gay. Dan bl-iskop li kull individwu, irrispettivament mill-orjentazzjoni sesswali tiegħu, ikollu l-istess drittjiet daqs persuni oħrajn.
Intant, lecturer’ fl-Università qalet li l-omosesswalità mhijiex xi ħaġa li l-individwu jagħżel iżda li jinduna biha meta jkun qiegħed jikber. Hija qalet ukoll li ma jeżisti ebda effett negattiv fuq tfal ta’ koppji gay.
No comments:
Post a Comment