http://www.l-orizzont.com/news.asp?newsitemid=60946
5.3.10 minn Sammy Sammut
Il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem iddikjarat b’mod l-aktar ċar li d-definizzjoni ta’ żwieġ bħala għaqda bejn raġel u mara, anke jekk din id-definizzjoni tkun tifforma parti mill-kostituzzjoni tal-pajjiż, bl-ebda mod ma tista’ tiġġustifika li ssir xi forma jew oħra ta’ diskriminazzjoni kontra koppji tal-istess sess. F’deċiżjoni unanima mogħtija din il-ġimgħa mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, preseduta minn sebat imħallfin fosthom wieħed Malti, l-Imħallef Giovanni Bonello, kien iddikjarat li l-Polonja kienet iddiskriminat kontra raġel ‘gay’ fuq il-bażi tal-orjentament omosesswali tiegħu u dan billi kien imċaħħad mid-dritt li tgħaddi f’ismu l-kirja ta’ appartament fejn kien jgħix mas-sieħeb tiegħu, qabel dan tal-aħħar miet. Il-kawża saret minn Piotr Kozak, Polakk ta’ 59 sena mill-belt ta’ Szczecin. Għal diversi snin hu għex mas-sieħeb tiegħu T.B. f’relazzjoni omosesswali f’appartament mikri f’isem T.B. Wara li T.B. miet f’April tal-1998, Kozak applika biex il-kirja tal-appartament fejn kienu jgħixu tinqaleb fuq ismu, liema talba kienet miċħuda. Waqt li l-liġi Polakka tirrikonoxxi xi drittijiet ta’ koppji li jikkoabitaw, l-awtoritajiet u l-qrati Polakki ripetutament ċaħdu l-fehma li l-istess liġijiet japplikaw ukoll għall-koppji tal-istess sess. |
Tul il-proċess legali li nbeda fil-Polonja fis-sena 2000, l-awtoritajiet u l-qrati Polakki ġġustifikaw r-rifjut tagħhom li jirrikonoxxu d-drittijiet tal-kirja ta’ Kozak billi rreferew għal Artiklu 18 tal-Kostituzzjoni Polakka, li jiddefinixxi żwieġ bħala “għaqda bejn raġel u mara”. Konsegwentement insistew li l-unika forma ta’ koabitazzjoni li hija rikonoxxuta mil-liġi hija esklussivament dik bejn raġel u mara.
Min-naħa tagħha, il-Qorti Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem ma qablitx ma’ dan l-argument, u unanimament iddeċidiet li bir-rifjut tagħha li tirrikonoxxi l-koabitazzjoni bejn persuni tal-istess sess, il-Polonja kisret Artiklu 14 (projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni) u Artiklu 8 (id-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja). Fis-sentenza tagħha, il-Qorti Ewropea qalet li “koabitazzjoni matrimonjali de facto” fil-Polonja għandha tinftiehem li tinkludi persuni tal-istess sess li jkunu f’relazzjoni.
Waqt li qalet li taċċetta l-protezzjoni tal-familja bbażata f’għaqda bejn raġel u mara kif provdut fl-Artiklu 18 tal-Kostituzzjoni Pollakka, il-Qorti saħ-qet li l-istess għandu jinżamm bilanċ bejn protezzjoni bħal din mal-protezzjoni tal-familja u d-drittijiet ta’ minoritajiet sesswali kif imħarsin mill-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Dritti-jiet tal-Bniedem. Il-Qorti Ewropea sostniet li l-istati għandhom jieħdu konsiderazzjoni tal-iżviluppi li jseħħu fis-soċjetà inkluż il-fatt li m’hemmx mod wieħed biss kif wieħed imexxi l-ħajja privata tiegħu.
Mitluba tagħti l-kummenti tagħha dwar din id-deċiżjoni, id-Direttur Eżekuttiv tal-Fergħa Ewropea tal-International Gay and Lesbian Association (ILGA-Europe), Evelyne Paradis qalet: “Aħna nilqgħu din id-deċiżjoni tal-Qorti Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem.
“Din hija t-tieni deċiżjoni li tafferma li jekk stat jipprovdi ċerti drittijiet lil koppji ta’ sess differenti li jikkoabitaw, l-istess drittijiet għandhom ikunu disponibbli ugwali lil koppji tal-istess sess.”
Hi spjegat li f’dawn l-aħħar snin, xi pajjiżi Ewropej introduċew provvedimenti fil-Kostituzzjoni tagħhom li jiddefinixxu żwieġ bħala għaqda bejn raġel u mara. Dan għamluh bil-għan li ma jkomplix l-avvanz tad-drittijiet legali għal koppji tal-istess sess.
“F’dan il-każ, il-Qorti Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem ċaħdet l-fehma li definizzjoni Kostituzzjonali ta’ żwieġ bħala għaqda bejn raġel u mara tista’ tintuża biex tiġġustifika ċ- ċaħda ta’ ċerti drittijiet tal-familja lil koppji tal-istess sess li jikkoabitaw,” qalet Evelyne Paradis.
Ta’ min ifakkar li fis-sena 2003, f’kawża simili bl-ismijiet Karner v Austrija, il-Qorti Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem kienet iddikjarat li l-Awstrija kienet kisret il-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, meta ma rrikonoxxietx koppji tal-istess sess fl-applikazzjoni tal-liġi dwar il-kera waqt li għall-kuntrarju, fl-istess ħin irrikonoxxiet koppji mhux tal-istess sess li ma kinux miżżewġin.
No comments:
Post a Comment