Monday, 22 March 2010

It-Torċa: Kampanja ta’ ħmieġ kontra l-Papa qabel jiġi Malta

http://www.it-torca.com/news.asp?newsitemid=9296
21.3.10 minn Brian Meli

Waqt li f’pajjiżna qiegħdin inħejju għaż-żjara pastorali li l-Papa Benedittu XVI se jagħmel fostna x-xahar id-dieħel, għaddejja kampanja kontra tiegħu billi xi wħud qiegħdin jippruvaw jimplikawh f’inċident ta’ saċerdoti pedofeli u omosesswali. Filwaqt li jiddeskrivi din il-kampanja bħala waħda ta’ ħmieġ, l-Arċisqof ta’ Għawdex Mario Grech jisħaq li din mhix biss aggressjoni fuq il-Papa, imma wkoll fuq id-demokrazija.

Fil-priedka li għamel fl-okkażjoni tal-festa ta’ San Ġużepp, l-Arċisqof Grech sostna li t-tajn li qed jitfgħu fuq is-suttana bajda tal-Papa, huwa ħmieġ li jriduh jaqbad mal-Knisja. Għax l-iskop ta’ dan kollu huwa li jindarab ir-ragħaj biex il-merħla tixxerred.

Huwa qal li dan il-ħmieġ qed jitwaddab lejn il-Knisja bil-ħsieb li jkissru l-awtorità morali tagħha u jnisslu dubji serji dwar l-attendibilità tad-duttrina nisranija. Filwaqt li uża kliem il-filosofu Taljan Marcello Pera li jiddeskrivi dan il-fenomenu bħala kampanja tal-lajċiżmu kontra l-Kristjanità, żied jirrimarka li jekk nagħtu ħarsa lejn l-istorja riċenti, nintebħu li maż-żmien tbiddlu l-mezzi li bihom saru l-attakki, imma l-għan baqa’ dej-jem l-istess: il-qerda tat-twemmin nisrani. Fl-istess ħin wissa li jekk il-Kristjaneżmu jinqered, tintilef id-demokrazija.

Fl-istess okkażjoni l-Isqof Grech irrefera għall-pubblikazzjoni ta’ ktieb dwar l-omosesswali li għadu kemm ħareġ f’pajjiżna, fejn jingħad li mhux biss San Pawl kellu orjentament omosesswali, imma anke San Ġorġ Preca. Sostna li dawn huma kalunji serji, waqt li sejjaħ bħala meraviljuża r-raġuni li ngħatat biex tfisser il-fatt li n-numru ta’ seminaristi fi żmienna naqas, għax snin ilu fis-seminarju kienu jidħlu dawk li għandhom orjentament omosesswali.

“F’dan kollu hemm aġenda malizzjuża biex jiskreditaw lis-saċerdot u l-Knisja. Xejn ma nistagħġeb jekk ’il quddiem jiġi xi ħadd u jgħidilna biex ma nibagħtux lil uliedna għad-duttrina jew il-Museum, biex it-tfal tagħna ma jibqgħux jaqdu l-artal bħala abbatini, biex ma nħalluhomx imorru fl-iskejjel tal-Knisja… għax jistgħu jmissuhom!”

Waqt li qal li hu mhux qed jgħid li fil-Knisja ma hemmx dawn il-perikli, l-Isqof Grech żied jirrimarka li jixtieq jara fi ħdan kategoriji u professjo-nijiet oħra fis-soċjetà tagħna, dik l-istess rigorożità u serjetà li għandha l-Knisja llum biex imġibiet bħal dawn ikunu mrażżna.

Filwaqt li għal darba oħra kkundanna kull forma ta’ abbuż sesswali, partikolarment fuq il-minuri, ta l-kelma tiegħu li meta jkun jaf b’imġiba bħal din fil-kamp pastorali, huwa jaġixxi.

Imma nsista li min-naħa l-oħra, mhux ġust li jekk jiżbalja wieħed, miegħu jeħel kulħadd.

No comments:

Post a Comment