Tuesday, 23 March 2010

It-Torċa: Fr Colin Apap: Eżerċizzi b’differenza 2010 u Queer Mediterranean Memories

[Dan l-artiklu mhux fis-sit tat-Torċa s'issa.]
21.3.10

Hello Mr Apap,

Irċevejt l-e-mail minn xi segwaċi tiegħek il-“poster” tal-Eżerċizzi B’Differenza u xi sessjonijiet ta’ “eżerċizzi spiritwali” li se tagħmlu fil-hotel Excelsior, il-Floriana, minn nhar it-Tnejn 22 ta’ Marzu 2010 fis-7 pm.
Indunajt li fil-poster hemm miktub: “Iż-Żwieġ Possibbli? Adam and Steve”. Forsi qed nasal f’konklużjonijiet ħżiena imma meta min jikteb b’dan il-mod ikun irid iwassal messaġġ kontra r-relazzjonijiet bejn l-omosesswali.
Well, Mr Apap, għandi l-pjaċir ngħarrfek li jiena wara li tlaqt mill-gżira żgħira fil-Mediterran għax kont fgat mill-Knisja Kattolika, jiena, li jien raġel, irnexxieli nidħol f’esperjenza li verament illiberatni u ħelsietni u għamlitni bniedem sħiħ meta żżewwiġt raġel ieħor, hawnhekk fi Spanja fejn qed ngħix.
Aħna żżewwiġna. Huwa r-ragel tiegħi u jiena tiegħu. Ahna familja.
L-uniku dispjaċir li għandi li ma nistax ngħix hekk f’Malta, s’issa, minħabba l-influwenza tal-Organizzazzjoni tiegħek.

Tiegħek,
Brian John Horne
Tenerife, Spanja

Omosesswali u kattoliku?



Napprezza ħafna li ktibtli minn Spanja fejn qed tgħix mas-sieħeb tiegħek u tidher li kemm inti u kemm huwa tinsabu kuntenti.
Nittama mill-qalb li tkomplu tkunu ferħanin mill-qalb u li tkomplu tgħinu lil xulxin u tissapportjaw lil xulxin.
Din hija għażla ta’ bejn adulti – u jiena u l-“Organiz-zazzjoni tiegħi”, kif sejjaħtilha inti, il-Knisja Kattolika, tirrispettaha.
Nista’ niżgurak li t-tema tal-EŻERĊIZZI B’DIFFERENZA 2010 mhux biss mhumiex se jkunu kontra l-omosesswali, anzi se jkunu nklużivi u għal kull min għandu rieda tajba li jfittex ir-rieda t’Alla f’ħajtu u fir-realtà konkreta li qed jgħix.

F’dawn l-eżerċizzi, li ilna nagħmluhom għal dawn l-aħħar għoxrin sena, jattendu dawk kollha li jridu jkunu eqreb lejn Alla – ġieli sejjaħ-nielhom eżerċizzi għall-“imqarbin” (dawk li jridu jkunu iktar qrib lejn Alla u l-imħabba TiegħU).
Nista’ niżgurak li bosta fil-Knisja Kattolika jippruvaw jifhmu lill-omosesswali. Jiddefenduhom. Jagħmlu ħafna mill-ġlidiet tagħhom bħala l-ġlidiet tal-Knisja. Il-Knisja hija l-poplu t’Alla, inkluż min qed ifittex lil Alla li għadu ma jafx u għadu ma ltaqax miegħU. Kemm “tort” tiegħu jew tagħha u kemm “tort” ta’ bosta nies fil-Knisja li flok iwasslu messaġġ ta’ mħabba jwasslu messaġġ proprju l-kuntrarju: ta’ mibegħda, preġudizzju, u persekuzzjoni.
Xi kultant nies fil-Knisja saru l-kelliema uffiċjali ta’ dawn in-nies imsallba. Tawhom vuċi. Iddefendewhom ħarġu għonqom għalihom. U ħallsu prezz.
Ħafna drabi saru martri biex jiddefendu lill-fqir, biex iniżżlu l-fqar minn fuq is-salib. Il-Knisja hija l-Knisja tal-Fqar: hija għal kulħadd, imma b’mod speċjali hija l-Knisja tal-Fqar (Papa Ġwanni XXIII). Trid tkun il-vuċi għal min m’għandux vuċi, il-ponta ta’ quddiem tal-moviment tal-ħelsien tal-bniedem sħiħ.
INĦOBBOK BLA KUNDIZ-ZJONI. Dan huwa l-mod, l-uniku mod, ta’ mħabba vera. Il-mod kif iħobb Alla. Din l-imħabba bla kundizzjoni tfisser li naċċettaw lil xulxin kif aħna, nirrispettaw lil xulxin. Imma tfisser ukoll dik il-libertà li ngħid il-verità kif naraha u d-dritt tiegħi li ngħid għaliex qed nara l-verità b’dak il-mod. Anki l-Knisja għandha dan id-dritt bħalma int, jiena u lkoll għandna dan id-dritt.
L-40 ħsieb tar-Randan li qed nagħmel fuq diversi staz-zjonijiet tat-television għand-
hom it-tema li biex inħobb lil Alla u l-proxxmu rrid nir-rispetta d-drittijiet funda-mentali tal-bniedem. Il-ġid komuni jfisser l-akkumu-lazzjoni tal-ġid tal-individwu li qed jgħix f’soċjetà.
Dan hu l-messaġġ li se nippruvaw inwasslu lil kull min jattendi għal dawn l-EŻERĊIZZI B’DIFFERENZA għada t-Tnejn 22 ta’ Marzu sal-Ħadd 28 ta’ Marzu mis-7 sad-9 pm. Fis-6.30 se niltaqgħu għall-Ewkaristija. Matul il-ġimgħa se jkollna l-FREESPIRIT ACTING ta’ Carlos Farrugia li se jagħtuna siltiet mill-Play TAMARA li mbagħad se ssir fis-City Theatre 27, 28 u 30 ta’ Marzu.

L-omosesswali, il-knisja u l-eżerċizzi b’differenza



Fr, Colin,

L-ewwelnett ikun xieraq li nuri l-apprezzament tiegħi għall-opportunità li qed tagħtini biex inwieġeb il-kummenti tiegħek fl-istess ħarġa tat-TORĊA.
Ir-rabja kontra l-ktieb kienet tkun ġustifikata sakemm, u dejjem sakemm, dak kollu li ntqal minn fuq Xarabank dwar il-ktieb hu minnu. Min jaqra l-ktieb, għallinqas kif nifhimha jien, għandu jasal għall-konklużjoni li dan il-ktieb hu bbilanċjat, forsi bbiljanċjat iżżejjed.

Jien nirrispetta d-dritt ta’ persuna li ma tiddikjarax l-orjentazzjoni (omo)sesswali tagħha. Queer Mediterranean Memories jinkludi ismijiet ta’ persuni omosesswali ħajjin li tawni permess inxandar isimhom. Kontra kif intqal minn fuq Xarabank, ma hemm ebda persuna ħajja li ma tafx u li ma tatnix il-permess tagħha li nsemmiha fil-ktieb.
Il-ktieb isemmi wkoll persuni omosesswali mejtin. Semmejthom għax dawn il-persuni kellhom konnessjoni mal-komunità omosesswali f’Malta. Iktar minn hekk. Kienu parti minn din il-komunità. Ebda persuna m’għandha d-dritt li tibqa’ tinsisti għall-privatezza tagħha meta din il-persuna tibda tiffrekwenta postijiet pubbliċi li jiffrekwentaw l-omosesswali. Fil-fatt dawk kollha li semmejt fil-ktieb kienu magħrufa ma’ Malta kollha. Ħadd m’għandu jkun sorpriż b’dak li jien ktibt.

Hemm xi ftit persuni oħra, mejtin, li jien semmejt għax huma ta’ interess għalina l-omosesswali. Forsi għax issubblimaw l-orjentazzjoni sesswali tagħhom. Forsi għax ħolqu xi organizzazzjoni li kienet jew setgħet kienet tkun kalamita għall-omosesswali.

Ikkritikajt ukoll kummenti ta’ xi persuni prominenti Maltin. Lil dawn jien tajt “the rigħt of reply”. Ir-risposti tagħhom jinsabu fil-ktieb. Għarraft ukoll familjari ta’ xi nies li semmejt fil-ktieb. M’għamiltx dan bl-iskop li nitlob il-permess tagħhom. Jien nemmen li l-istorja ta’ l-omosesswali hi proprjetà tagħna l-omosesswali u mhux tal-familjari iktar u iktar meta hu magħruf li ħafna huma dawk l-omosesswali li jaħbu l-orjentazzjoni tagħhom mill-familjari tagħhom stess.

Min jaħseb li l-omosesswalità hi xi “timbru” li tħammeġ il-persuna – ħajja jew mejta – ikun, b’kull rispett, qed ixandar il-preġudizzju tiegħu stess kontrina.
Il-ktieb jikkonsisti f’diversi studji. Hemm ukoll rakkont tal-komunità omosesswali f’Malta. Kif wieħed ma jistax jikteb studju fuq il-papiet mingħajr ma jsemmi l-papiet, wieħed anqas ma jista’ jikteb l-istorja tal-omosesswali mingħajr ma jsemmi l-omosesswali. Kelli d-dmir u l-obbligu li nkun onest u kredibli mal-qarrej.

Anqas ma naqbel mal-opinjoni tiegħek li qed nuri nuqqas ta’ sensibilità ma’ dak kollu li hu Malti. Malta tal-lum hi iktar demokratika, iktar ċivili u iktar konxja għad-drittiijiet umani speċjalment dawk tal-minoranza omosesswali. Taf daqsi li f’Malta mhux kulħadd jaħsibha l-istess. Hawn diversità ta’ opinjonijiet. Napprezza l-fatt li hawn min ma jaqbilx miegħi. Hu d-dritt tagħhom. B’daqstant ma jfissirx li dak li ktibt hu invenzjoni.

Ma nafx x’wasslek tikkonkludi li jien żvelajt l-ismijiet ta’ xi nies biex il-ktieb jinxtara iżjed. Fuq hiex ibbażajt din il-konklużjoni? Attivista omosesswali jaf jilqa’ l-attakki. Jaf ukoll jattakka. Ma nifhemx kif il-knisja jidhrilha li għandha d-dritt li tattakka l-omosesswali –li tagħmel ta’ sikwit – u tippretendi li l-omosesswali m’għandhomx igawdu d-dritt li jattakkawha. B’kull rispett, dak iż-żmien ilu li spiċċa u għadda.

It-tama tiegħi kienet u tibqa’ li l-ktieb jibda’ dibattitu u mhux kontroversja liema dibattitu għandha jkun f’kuntest Malti. Min jgħid li jħobb l-istorja ta’ Malta għandu jiftakar li l-istorja tal-omosesswali hi parti mill-istorja ta’ din il-gżira.

Joseph Carmel Chetcuti

Alla jħobbok bla kundizzjoni... imma n-nies tal-knisja?



Bħalma jaf kull min jafni sew jiena għamilt għażla preferenzjali f’ħajti li nkun vuċi ta’ min hu bla vuċi, ta’ min hu mwarrab fis-soċjetà, ta’ min qed ibati, ta’ min hu msallab. Għamilt din l-għażla konxjament, bħala bniedem, bħala nisrani u wkoll bħala saċerdot kattoliku.
Ta’ din l-għażla, li hi l-istess bħal ta’ Kristu li Huwa l-Mudell u l-aspirazzjoni tiegħi ta’ Bniedem Sħiħ, naf li rrid inħallas il-prezz anki ta’ min, b’intenzjoni tajba kemm hi tajba, isallab lil kull min ma jaqbilx ma’ din l-għażla. Din il-persekuzzjoni tiġi minn min hu fil-Knisja Kattolika, min hu barra minnha, u minn min ma jappartjeni għal ebda reliġjon. Il-Fundamentalisti m’għandhomx tikketta u ssibhom kullimkien anki jekk jiddeskrivu lilhom infushom bħala “reliġjużi”, “kattoliċi”, “tal-Lemin”, “tax-Xellug”, “anjostiċi”, “ateji”, eċċ. Il-Fundamentalisti ssibhom kullimkien u huma ntolleranti għal kull min jiċċalenġjahom b’xi mod jew ieħor fil-pożizzjoni komda tagħhom. Huma biss għandhom il-verità u l-verità assoluta.
Jiena m’għandix il-verità assoluta. Ninsab f’mixja. Insejħilha mixja ta’ fidi. Ikolli ħafna dubji dwar it-twemmin tiegħi u tal-Knisja li twelidt fiha. Illum jien dak li jien grazzi għal din il-Knisja. Ma nistax nimmaġina lili nnifsi u l-istorja tiegħi barra minn din il-Knisja. Għaġnitni dak li jien. U nirringrazzja lil Alla ta’ dan.
Naf li l-istorja tal-Knisja Kattolika, il-Knisja tagħna lkoll, hi mimlija b’nies ipokriti, juru wiċċ b’ieħor, jużaw lil Kristu u t-tagħlim tiegħu biex imexxu ‘l quddiem l-interessi tagħhom (Apartheid, dittaturi u reġimi militari fl-Amerika Latina, Pinochet, Franco, eċċ., li użaw ir-reliġjon kattolika biex jikkonsolidaw il-poter tagħhom). Anki f’Malta d-drittijiet tal-Bniedem mhux dejjem kienu rispettati f’isem ir-reliġjon. Imma din il-Knisja magħmulha minn ipokriti, għandha post, spazju, għal ipokrità ieħor, bniedem in-konsistenti ma’ dak li jemmen u dak li jgħix – jiena stess!
Imma din il-Knisja Kattolika, il-Knisja tagħna lkoll, hi mimlija wkoll b’nies li huma qaddisin, martri għad-Drittijiet tal-Bniedem, champions li għallmu u mietu għat-tagħlim tagħhom favur il-fqir (Romero, Mother Theresa, Sheila Cassidy, Charles de Foucauld, eċċ.). M’humiex biss social workers jew revoluzzjonarji għal dinja iktar ġusta imma wkoll għax għamlu l-għażla preferenzjali tal-fqar f’isem Kristu. Kristu kien fqir u għex ta’ fqir. Kien sempliċi mastrudaxxa iben mastrudaxxa. U kien theddida għal kull min għandu l-poter. U taf xi ġralu.
Għada fil-Programm “1205 Programm għan-Nies” ma’ Ray Calleja fuq TVM bejn is-2.00 u t-3.00 pm “Favur jew Kontra”, mistieden biex nieħu pożizzjoni dwar dak li ktibt fil-ktieb tiegħek “Queer Mediterranean Memories – Pe-netrating the secret history and silence of gay and lesbian disguise in the maltese archi-pelago”.
Għadni qed naqrah u ma nħossx li hu ġust li nikkum-menta dwar ktieb li għadni ma qrajtux kollu.
Imma għadni ma nħossnix komdu f’dak li ktibt li jekk omosesswali kien jiffrekwenta komunità omosesswali qiesu ma jibqagħlux id-dritt għall-privatezza u ħajja privata tiegħu. Qiesu tilef id-dritt għad-“data protection” u anki kontra qalbu ikun hemm min imur jgħid bil-ħajja privata sesswali tiegħu fil-pubbliku.

No comments:

Post a Comment