Thursday, 25 March 2010

DOI: Studenti Mħeġġa jkomplu jistudjaw

Department of Information (Malta) – 24.03.2010; NO 0516

50 anniversarju mill-ftuħ tal-iSkola Sekondarja Bniet fil-Kulleġġ San Ġorġ Preca

Il-Ministru tal-Edukazzjoni, Xogħol u l-Familja, Dolores Cristina, appellat lill-istudenti biex ikomplu jistudjaw anke wara li jtemmu l-iskola sekondarja tagħhom.

Il-Ministru dalgħodu ħawwlet siġra u kixfet plakka kommemorattiva bħala parti miċ-ċelebrazzjonijiet li qed isiru fl-okkażjoni tal-50 anniversarju mill-ftuħ tal-iskola sekondarja tal-bniet fil-Kulleġġ San Ġorġ Preca, li qabel kienet magħrufa bħala l-Iskola Marija Assunta.

F’kelmtejn tal-okkażjoni l-Ministru Cristina qalet li din l-iskola kienet waħda mill-ewwel skejjel sekondarji tal-bniet li nbniet wara t-Tieni Gwerra u minnha għaddew eluf ta’ tfajliet li ħafna minnhom għamlu karriera u isem għalihom u għal pajjiżna.

Maż-żmien l-iskola tkabbret u kienet modernizzata skont il-ħtiġijiet edukattivi tal-lum u l-aħħar xogħlijiet fiha saru tul is-sajf li għadda meta kienet installata sistema ġdida tal-elettriku fl-iskola kollha u nbidel il-gymnasium.

Il-lum hi l-iskola sekondarja tal-bniet ewlenija fi ħdan il-Kulleġġ San Ġorġ Preca u toffri l-aqwa faċilitajiet ta’ tagħlim lil mijiet ta’ tfajliet kif ukoll ambjent sabiħ u l-bogħod minn kull periklu.

Il-Ministru Cristina qalet li anniversarju ta’ 50 sena hu avveniment ta’ min jiċċlelberah għax ifakkar il-ħidma kbira li saret minn mijiet ta’ għalliema u amministraturi li ħadmu f’din l-iskola tul dawn is-snin kollha kif ukoll il-ġid li sar mal-eluf ta’ studenti li studjaw fiha kemm ilha mwaqqfa.

Kien xieraq għalhekk li l-Prinċipal, is-Surmast u d-diriġenti l-oħra ħasbu biex ifakkru dan l-avveniment importanti b’diversi ċelebrazzjonijiet fosthom fejn se jitħawwlu siġar fil-masġar tal-iskola.

Din il-forma ta’ tifkira – tħawwil ta’ siġar – għandha sinjifikat importanti fi żmien meta kulħadd qed isir aktar konxju mill-importanza li nibżgħu għall-ambjent ta’ madwarna. Is-siġar isebbħu u jsaħħu l-ambjent li ngħixu fih u għalhekk l-appell tal-Ministru lill-istudenti hu li jindukraw dan il-masġar u żżommuh sabiħ, nadif u dejjem iħaddar.

Il-Ministru tal-Edukazzjoni qalet li l-masġar hu dedikat ukoll lil San Ġorġ Preca, l-ewwel qaddis Malti u patrun ta’ dan il-Kulleġġ. Hija tenniet li f’dan hawn messaġġ li ghandna nieħdu. Sfortunatament, dan l-aħħar kien hawn fostna min ipprova jżeblaħ u jkasbar lil dan il-qaddis li fi żmienu tant għamel ġid lis-soċjetà Maltija. Il-Ministru qalet li l-istudenti kollha għandhom ikunu kburin li l-Kulleġġ tagħhom hu dedikat lil dan is-saċerdot qaddis u ghandhon jżommu lil San Gorg Preca bħala mudell fil-ħajja tagħhom u jgħożżu t-tagħlim li għaddielna.

Il-Ministru ħadet l-okkażjoni biex filwaqt li rringrazzjat lill-għalliema dedikati li jagħtu sehmhom f’din l-iskola, awgurat lill-istudenti suċċess fl-istudji tagħhom u ħeġġithom biex jibqgħu jistudjaw anke wara li jispiċċaw minn din l-iskola li qed tippreparahom biex ikunu mhux biss studenti preparati akkademikament imma wkoll biex ikunu ċittadini tajbin.

No comments:

Post a Comment