Monday, 22 March 2010

Il-ĠensIllum: Ittri fuq Xarabank u Queer Mediterranean Memories

Jgħid li 'Xarabank' jiżgura diskussjoni bilanċjata u serja

20 ta' Marzu 2010 minn Norman Vella, Gwardamanġa, Manager ta' Xarabank tim
Sur Editur,

It-tim ta’ Xarabank jaqbel ħafna mat-titlu tal-editorjal tiegħek: “Xarabank verament ma jitlifx okkażjoni!” Xarabank ma tilifx l-okkażjoni li jkun l-ewwel, u sal-lum l-uniku programm fid-dinja li jxandar programm live minn Pjazza San Pietru fil-Vatikan fl-okkażjoni tal-kanonizzazzjoni ta’ San Ġorġ Preca. Xarabank ma tilifx l-okkażjoni li ġimgħa wara dan l-avveniment storiku jxandar programm ieħor dwar dak li kien qed jiġri fil-Vatikan f’din l-okkażjoni tant speċjali.

Xarabank ma tilifx l-okkażjoni lanqas meta l-ewwel f’Għawdex, imbagħad f’Malta nħatru Isqfijiet ġodda. Xarabank lanqas ma tilef l-okkażjoni meta fil-Jum tal-Milied li għadda wassal programm dwar il-vokazzjonijiet u wassal fid-djar tal-Maltin u l-Għawdxin x’jiġri fis-Seminarju u fil-Konkatidral ta’ San Ġwann meta jiġu ordnati saċerdoti ġodda.

Xarabank ma tilifx l-okkażjoni li jingħaqad fis-sogħba tad-dinja Kattolika meta miet il-Papa Ġwanni Pawlu II, tant li konna preżenti live mill-Pjazza tal-Vatikan. Bl-istess mod, Xarabank mhux se jitlef l-okkażjoni li jwassal iż-żjara tal-Papa Benedittu XVI f’Malta x-xahar id-dieħel.

Xarabank lanqas ma jitlef l-okkażjoni meta jiġi biex jgħin organizzazzjonijiet u għaqdiet filantropiċi fi ħdan il-Knisja. Per eżempju, għamilna erba’ programmi sħaħ bi sħab ma’ Caritas Malta li fihom ġbarna eluf kbar ta’ ewro għall-vittmi tad-droga li din l-organizzazzjoni tant tieħu ħsieb b’ħafna dedikazzjoni.

Programmi bħal dawn nista’ nsemmi ħafna aktar, għax kif intqal fl-editorjal, Xarabank qatt ma jitlef l-okkażjoni li jkun kurrenti, analitiku, investigattiv u, fuq kollox, forum ta’ diskussjoni fejn kulħadd huwa meqjus bl-istess mod.

Xarabank ma tilifx lanqas l-okkażjoni li jiddiskuti ktieb kontroversjali ppubblikat dan l-aħħar dwar l-omosesswalità f’Malta. Għal dan il-programm kien mistiedna l-istess awtur ta’ dan il-ktieb, li ġie intervistat u mistoqsi dwar il-punti kollha ta’ kontroversja li fih dan il-ktieb, kemm dwar dak li jikkonċerna l-Knisja, kif ukoll dwar dak li jikkonċerna persuni oħrajn.

Kif jaf kulmin ra l-programm, id-diskussjoni fuq il-panel kienet waħda mill-aktar bilanċjata. Fil-panel kien hemm jiddefendu l-ktieb l-istess awtur Dr Joseph Carmel Chetcuti u Gabi Calleja mill-Malta Gay Rights Movement. Jikkontestawh kien hemm Karl Engerer, persuna li ddikjarat li hija omosesswali u li tħaddan ir-reliġjon Kattolika, u lil Fr Joe Borg, saċerdot u espert tal-midja. Il-formazzjoni tal-panel ċertament kienet waħda li tiżgura bilanċ sħiħ.

B’dan il-programm, Xarabank ta prova oħra li huwa programm li jiżgura diskussjoni bilanċjata u serja, fuq kollox li żgur qatt mhu se jkun programm li jipprattika l-omertà fuq suġġetti li xi wħud iqisu li m’għandhomx jiġu diskussi.

L-editorjal ta’ IL-ĠENSILLUM online li qed inwieġeb dwaru, ukoll ta opinjoni dwar il-ktieb in kwistjoni u jagħmel riferenza ċara u diretta għall-iktar punti kontroversjali tiegħu, b’enfasi dwar dak li nkiteb dwar qaddisin tal-Knisja Kattolika. Id-diskussjoni dwar dak li jkun qed jiġri madwarna hija dritt ta’ kull individwu fis-soċjetà. Għalina l-ġurnalisti huwa wkoll dmir, u dan il-prinċipju jgħodd għal Xarabank u għal IL-ĠENSILLUM online bl-istess mod.

Xarabank weġġagħni għal erba' raġunijiet


20 ta' Marzu 2010 minn John Zammit, Birkirkara
Sur Editur,

Il-programm Xarabank ta' nhar il-Ġimgħa 12 ta' Marzu lili weġġagħni għal erba' darbiet: weġġagħni bħala Malti, bħala Kattoliku, bħala membru koperatur tas-Soċjietà tad-Duttrina Nisranija (MUSEUM), iżda l-aktar bħala missier ta’ seminarista li wasal fl-aħħar tal-formazzjoni saċerdotali tiegħu; qiegħed fil-ħames sena.

Weġġagħni meta Dr Chetcuti qal li llum tbattlu l-kunventi għaliex l-omosesswalità saret fil-miftuħ u allura ma għadx hemm il-bżonn li wieħed jidħol reliġjuż sabiex ikollu l-iżvog sesswali tiegħu.

Weġġajt meta Gabi qalet li 30 fil-mija tas-seminaristi huma ta' orjentazzjoni
omosesswali. Dan il-kliem ma huma xejn ħlief qlajjiet biex iħammġu lill-Knisja inġenerali u lir-reliġjużi in partikulari.

Nibda bl-ewwel waħda. Ħija ta' qabli għamel għaxar snin Ġiżwita; kien novizz Loyola House, in-Naxxar, u l-Kulleġġ San Alwiġi f’Birkirkara, imbagħad mar jistudja f'Heythrope College, barra minn Londra fl-Ingilterra. Kelli okkażjoni nitkellem miegħu u qalli li fl-għaxar snin li dam Ġiżwita qatt ma ltaqa' ma’ omosesswali fil-kunventi fejn kien. Biss, ħaġa waħda rrid ngħid. Li ħija ma għandu l-ebda 'chip on his shoulder' kontra l-Ġiżwiti, anzi għall-kuntrarju għadu ħabib tagħhom. Illum ħija huwa miżżewweġ u missier.

Niġi issa għas-seminarju ta' Malta. Bħalma naħseb li taf int, qabel ma jiġu aċċettati, is-seminaristi jridu jgħaddu minn psychometric test; iridu jgħaddu minn test simili wara s-sena intermedjarja, jiġifieri qabel ma jibdew il-ħames sena li fiha jiġu aċċettati mill-Arċisqof f'isem il-Knisja bħala rġiel li qed iħejju ruħhom għas-saċerdozju.

Nista' nserraħ ras Gabi, li dawn it-testijiet jitmexxew minn psikjatra professjonali, u kandidati li fil-fehma tiegħu ma jkunux adattati biżżejjed għas-saċerdozju, ma jitħallewx ikomplu.

Lil Dr Chetcuti nista' ngħidlu wkoll li ltqajt ma’ eks-pulizija li għal seba' snin kien wieħed mix-xuffiera tal-eks-Kummissarju Viviene de Gray. Dan qalli li hu qatt ma ra xi għajn ħażina minn din il-persuna, u f'dak iż-żmien hu kien għadu żagħżugħ fl-għoxrinijiet.

Naħseb li jkun żball jekk inħallu l-kurżità tegħlibna u nixtru l-ktieb ta' Dr Chetcuti, għaliex b'hekk inkunu waqajna fin-nassa tiegħu li jakkwista kemmxa flus sewwa.

Fir-rigward tal-programm Xarabank, naħseb li jkun tajjeb li tittieħed xi forma ta' azzjoni kontra dan il-programm. Da parti tiegħi qiegħed inħeġġeġ lin-nies li niltaqa' magħhom sabiex jagħmlu dan.

Xarabank: Kummissjoni jew paniku?

http://www.il-gensillum.com/news.asp?newscat=9&news=2890
20 ta' Marzu 2010, minn Ronald Pisani L-Imsida

Sur Editur,

L-aħħar parti ta' Xarabank ta' nhar il-Ġimgħa, 13 ta' Marzu, verament kien nieqes minn kull sugu ġurnalistiku. Kellu biss riħa ta' sensazzjonaliżmu u xejn aktar. Ngħid għaliex wasalt għal din il-konklużjoni.

Nies li suppost waqgħetilhom żokorthom fil-ġurnaliżmu suppost jafu li qabel jittrattaw storja, għandhom jagħrblu l-valur ta' aħbar. Mela billi ġie ppubblikat ktieb b'titlu kemmxejn kontroversjali, naqbdu u noħorġu nperrċuh bl-addoċċ? Lanqas ħaqq il-ħsibijiet u d-dubji li jiddaħħlu fl-imħuħ ta' Ċikku l-Poplu. Dan wieħed seta' jisimgħu l-għada minn kif xi wħud iddiskutew din il-parti tal-programm. U dan huma responsabbli għalih, quddiem Alla!

Ħaġa waħda donnu ħafna li tkellimt magħhom qablu magħha. Li bl-istorbju kollu li għamel Peppi bħala propaganda għall-programm, ma ħareġ xejn tanġibbli. Pjuttost bi kliemhom bdew iwaqqgħu għaċ-ċajt lill-awtur u lill-preżentaturi ta' Xarabank. U ma tagħtihomx tort għaliex verament ħlief suppożizzjonijiet imniżżlin fil-ktieb imsemmi ma ħarġux.

Possibbli Peppi Azzopardi, li waqgħetlu żokortu fix-xandir, ma jirrealizzax li din ma kien fiha ebda sugu?

No comments:

Post a Comment