Wednesday, 10 October 2012

Malta Right Now: Malti ħati li tajjar Awstraljan fil-Mellieħa għax għajru omosesswali

http://www.maltarightnow.com/?module=news&at=Malti+%26%23295%3Bati+li+tajjar+Awstraljan+fil-Mellie%26%23295%3Ba+g%26%23295%3Bax+g%26%23295%3Bajru+omosesswali&t=a&aid=99841211&cid=39
9 t' Ottubru, 2012 13:55 CET minn Ray ABDILLA

Raġel ta' 36 sena mill-Mellieħa kien illiberat bil-kundizzjoni li ma jagħmilx reat ieħor fi żmien tliet snin mill-Maġistrat Carol Peralta wara li nstab ħati li kkaġuna feriti gravi fuq Awstraljan wara li tajjru bil-karozza. L-inċident seħħ wara li nqala' argument f'ħanut tax-xorb fil-Mellieħa meta Awstraljan qagħad jiddieħaq bil-Malti u dan rah fit-triq u tajjru bil-karozza.

Fid-deċiżjoni tagħha dwar dan il-każ l-Qorti ħadet inkonsiderazzjoni l-lokalità u l-mentalità tas-soċjetà tal-lokalità tal-Mellieħa. Il-każ kien seħħ fil-21 ta' Marzu tal-2004 fl-4.30 ta' filgħodu. Mill-provi rriżulta li Alan Gauci saq il-karozza tiegħu għal fuq il-vittma Jeremy Lalic għal ta' l-apposta, u dan wara li kien inqala argument bejniethom fiz-Zep's Bar fil-Mellieħa ftit qabel.

X'ħin Gaici kien sejjer lejn id-dar f'moħħu beda jberren u jaħseb, “dan ħaqqu daqqa ta' karozza” u fix-xhieda qal ukoll li dak il-ħin, “bdejt nitbaqbaq minn ġewwa”. B'kumbinazzjoni rah għaddej mit-triq u tah daqqa ta' karozza.

Fil-ħanut l-Awstraljan kien qed jagħmel ħafna storbju u beda joffendi lin-nies li kien hemm preżenti. Madankollu l-aktar li beda joffendi kien lil Alan Gauci, fejn għamillu mossi kemm quddiem wiċċu u anke minn wara daru biex jagħti l-impressjoni quddiem in-nies kollha li kien hemm fil-ħanut li Gauci huwa omosesswali u li kien qiegħed iħajjru biex imur miegħu.

Il-Qorti qalet fis-sentenza tagħha, “Gauci huwa residenti l-Mellieħa u għalhekk, fil-moħħ tiegħu, għandu reputazzjoni x'jiddefendi fil-Mellieħa u meta dan l-inċident seħħ fl-istess lokalità u quddiem il-Melliħin, l-insinwazzjon li forsi l-Gauci seta kien omosesswali, waqt li ma hemm xejn ħażin f'dan, forsi fil-moħħ tiegħu għaċ-ċittadini tal-lokal dan m'mhuwiex wisq aċċettabli.”

Fix-xhieda tiegħu t-tabib Andrew Mercieca li nvista lil Lalic fid-Dipartiment tal-Emerġenza, qal li l-vittma kien taħt l-effett tal-alkoħol meta huwa wasal l-Isptar. Apparti minn hekk, ix-xhieda ta' dawk kollha li kienu fil-ħanut qalu li Lalic u sieħbu tkeċċew mill-“bar” għax kienu qegħdin joffendu lin-nies kollha preżenti u bdew jagħmlu l-istorbju.

Kien ukoll wara li l-Awstraljan telaq mill-ħanut, li ċertu Smith, Ingliż li kien hemm preżenti, kien qal lill-Malti li Lalic kien għamel mossi minn wara daru u li beda joffendih, iżda Gauci ma rahx u ma semgħux.

Mill-provi rriżulta wkoll li Gauci induna li kien għamel ħażin u kif wasal id-dar, huwa minnufih sewwa t-tieqa tan-naħa tal-passiġġier li nkisret meta laqat lil Lalic. Il-Qorti qalet li temmen dak li qal l-uffiċjal Prosekutur Michael Mallia li dan l-inċident ma kienx jiġri li kieku ma kienx hemm provokazzjoni min-naħa tal-vittma. Il-Qorti ħadet inkonsiderazzjoni wkoll in-natura gravi u permanenti tal-ġrieħi kkawżati lill-vittma.

No comments:

Post a Comment