http://www.orizzont.com.mt/FullArticle.php?ID1='Ahbarijiet'&ID2=96669
8.10.12 minn Sammy Sammut
Il-Kummissjoni Ewropea kienet imħeġġa tipproduċi “roadmap” li tippromwovi drittijiet għal persuni gay u leżbjani. Dan l-appell sar fi tmiem ta’ laqgħa li saret fil-Parlament Ewropew dwar kwistjonijiet li jolqtu mill-qrib persuni trans u intersesswali.
Il-laqgħa, organizzata mill-Intergroup għad-Drittijiet LGBT fi ħdan il-Parlament Ewropew, saret wara l-pubblikazzjoni ta’ rapport ġdid dwar persuni trans u intersesswali, miktub minn żewġ uffiċjali ta’ ILGA-Europe, il-Malti Silvan Agius u Christa Tobler, li kien ikkummissjonat mill-European Network of Legal Experts fil-qasam ta’ non-diskriminazzjoni.
Ir-rapport tal-Kummissjoni – “Discrimination against trans and intersex people on the grounds of sex, gender identity and gender expression” – għall-ewwel darba jagħti ħarsa lejn il-qagħda li jinsabu fiha persuni trans u intersesswali fl-istati membri kollha tal-UE. L-eżekuttiv diġà studja d-diskriminazzjoni bbażata fuq l-orjentazzjoni sesswali iżda din hija l-ewwel darba li kienu eżaminati fil-fond l-identità tal-ġeneru u l-espressjoni tal-ġeneru.
Fil-laqgħa ħadu sehem għadd ta’ Membri Parlamentari Ewropej kif ukoll rappreżentanti ta’ istituzzjonijiet u għaqdiet mis-soċjetà ċivili, li kollha laqgħu b’mod ferm pożittiv l-analiżi dettaljata li saret dwar l-ordni legali preżenti fl-UE fir-rigward ta’ persuni trans u intersesswali.
L-Ewroparlamentari Awstrijaka tal-Greens, Ulrike Lunacek qalet li b’mod impressjonanti dan is-seminar tefa’ dawl fuq is-sitwazzjoni – li ilha ħafna tkun ttraskurata – li jinsabu fiha persuni transesswali u intersesswali. “L-awturi ta’ dan ir-rapport ipprovdew “għodda ferm importanti” fil-ħidma futura tal-Parlament kontra d-diskriminazzjoni u għal drittijiet sħaħ”.
“Dan ir-rapport jagħmel analiżi serja u profonda b’mod li qiegħed jikkontribwixxi immens kemm legalment kif ukoll politikament” qal l-Ewro-Parlamentari Ingliż Michael Cashman, waqt li saħaq li d-drittijiet fundamentali ta’ persuni trans u intersesswali huma l-istess bħal ta’ kull wieħed u waħda minna, u “dawn jixirqilhom ikunu ħielsa minn kull diskriminazzjoni”
No comments:
Post a Comment