Wednesday, 10 October 2012

iNews Malta: Il-qorti tikkunsidra l-mentalità tal-post fis-sentenza tagħha

http://www.inewsmalta.com/dart/20121009-il-qorti-tikkunsidra-mentalit-tal-post-fis-sentenza-tag-ha
12:23 | 09.10.2012


Raġel ta’ 36 sena kien illiberat bil-kundizzjoni li ma jikkommettix reat ieħor fi żmien tliet snin, wara li nstab ħati li kkaġuna feriti gravi fuq Awstraljan wara li laqtu b’daqqa ta’ karozza.

Fid-deċiżjoni tagħha dwar dan il-każ l-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Carol Peralta ħadet inkonsiderazzjoni l-lokalità u l-mentalità tas-soċjetà ta’ dik il-lokalità. Il-każ kien seħħ fil-21 ta’ Marzu tal-2004 fil-Mellieħa fl-4.30 ta' filgħodu.

Mill-provi rriżulta li l-imputat Alan Gauchi saq il-vettura tiegħu għal fuq il-vittma Jeremy Lalic intenzjonalment u dan wara li kien inqala argument bejniethom fiz-Zep’s Bar fil-Mellieħa ftit qabel.

Matul dan l-inċident, l-Awstraljan kien qed jagħmel ħafna storbju u beda joffendi lin-nies li kien hemm preżenti. Huwa kien partikolarment offensiv fil-konfront tal-imputat bili għamillu mossi f’wiċċu u wara daru biex jagħti l-impressjoni quddiem kulħadd li Gauchi huwa omosesswali u li kien qiegħed jistiednu biex imur miegħu.

“L-imputat huwa residenti l-Mellieħa u għalhekk fil-moħħ tiegħu, għandu reputazzjoni x’jiddefendi ġewwa l-Mellieħa u meta dan l-inċident ġara fil-Mellieħa u quddiem il-Melliħin, l-insinwazzjon li forsi l-imputat seta kien omosesswali, waqt li ma hemm xejn ħażin f’dan, forsi fil-moħħ tal-imputat għaċ-ċittadini tal-lokal dan m’mhuwiex wisq aċċettabli,” qalet il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Carol Peralta.

Fix-xhieda tiegħu Dr Andrew Mercieca li kkura lil Lalic fid-Dipratiment tal-Emerġenza, qal li l-vittma kien taħt l-effett tal-alkoħol meta huwa wasal l-emerġenza tal-Isptar wara l-inċident. Apparti minn hekk, ix-xhieda ta’ dawk kollha li kienu fil-bar xehedu li Lalic u sieħbu tkeċċew mill-bar għax kienu qegħdin ikunu offensivi man-nies kollha preżenti u kienu storbjużi.

Wara li l-Awstraljan telaq mill-bar, ċertu Smith, Ingliż li kien hemm preżenti ġab lill-imputat ‘in se’ li l-vittma kien għamel mossi wara dar l-imputat u offendih, iżda l-imputat ma rahx u ma semgħux.

Dak il-ħin, l-imputat telaq lejn id-dar u fi kliemu “bdejt nitbaqbaq minn ġewwa” u bejnu u bejn ruħu beda jgħid li dan “ħaqqu daqqa ta’ karozza”.

Fil-fatt huwa iltaqa' mal-vittma u sieħbu fit-triq, eżattament quddiem l-għassa tal-Pulizija tal-Mellieħa. Lalic kien qed jimxi f’nofs it-triq u intlaqat mill-vettura misjuqa volontarjament mill-imputat. L-imputat induna li kien għamel ħażin u kif wasal id-dar, huwa minnufih sewwa t-tieqa tan-naħa tal-passiġġier li ġiet miksura meta laqat lil Lalic.

Il-Qorti qalet li temmen dak li qal l-uffiċjal Prosekutur li dan l-inċident ma kienx jiġri li kieku ma kienx hemm provokazzjoni min-naħa tal-vittma. Il-Qorti ħadet inkonsiderazzjoni wkoll in-natura gravi u permanenti nflitta fuq il-vittma.

Għaldaqstant il-Qorti filwaqt li sabet lill-imputat ħati tal-akkużi kollha miġjubin kontrih illiberatu bil-kundizzjoni li ma jagħmilx reat ieħor fi żmien tliet snin.

No comments:

Post a Comment