Roberta Fenech | 08:05 | 22.10.2012
“Mill-konsultazzjoni li għamlet il-Malta Gay Rights Movement (MGRM) jidher li hemm qbil li din il-liġi m'hijiex dak li l-komunità gay hawn Malta qiegħda titlob... li hija l-ugwaljanza fiż-żwieġ. Minbarra hekk din il-liġi ma tofriex ir-rikonoxximent u dinjità li koppji tal-istess sess jixitiequ u jixirqilhom bi dritt.”
Dan kien il-kumment tal-kordinatriċi tal-MGRM dwar it-tieni abozz tal-liġi tal-koabitazzjoni, li issa ngħatat l-isem ta' Civil Partnerships and Cohabitation Law.
Fis-sajf il-Ministru tal-Ġustizzja Chris Said nieda liġi dwar il-koabitazzjoni. Din kienet suġġett ta' kritika qawwija b'mod speċjali għaliex il-komunità gay qalet li dak propost minn Chris Said ma ta xejn ġdid lill-koppji omosesswali
Għal Cyrus Engerer, anke t-tieni abbozz mhuwiex dak mixtieq.
“Ħlief l-isem ma fiha differenza kważi f'xejn,” qal Engerer attivist favur id-drittijiet tal-persuni omosesswali. “Qrajtha kollha u mal-ewwel daqqa t'għajn l-uniku differenza hi li persuna Maltija li tkun f'relazzjoni ma' persuna mhux mill-Unjoni Ewropea se tingħata d-dritt ta' residenza, il-bqija xejn,” kompla Engerer.
Tal-istess fehma hi Calleja li qalet li għalkemm l-isem u l-format tal-liġi nbidel xi ftit din il-verżjoni tal-liġi ftit żiedet mal-ewwel verżjoni. “Il-forma ta' rikonoxximent li toffri lil koppji tal-istess sess jibqa' bil-wisq inferjuri għal dak taż-żwieġ. Infatti l-liġi tistipula li civil partnership awtomatikament jispiċċa jekk xi wieħed jew waħda mill-partijiet jiżżewġu. Filwaqt li fil-każ ta' koppji eterosesswali din ħafna drabi tista' tfisser li koppja li kienet tikkoabita tiddeċiedi li tiżżewweġ, fil-każ ta' koppja tal-istess sess, dan mhuwiex il-każ,” spjegat Calleja.
Fuq din il-liġi inewsmalta.com ħa l-kummenti wkoll tal-Membru Parlamentari Indipendenti Jeffrey Pullicino Orlando li ddeskriva t-tieni draft tal-abbozz tal-Liġi tal-Koabitazzjoni u Civil Partnerships bħala pass ieħor fid-direzzjoni t-tajba. “Kelli numru ta' laqgħat mal-Ministru Chris Said dwar l-aktar punti li għandhom ikunu inklużi f'din il-liġi. Dawn il-punti kont iddiskutejthom mal-MGRM, LGBT Labour u nies oħra li huma attivisti f'dan il-qasam. Jien ftehmt ma' dawn l-organizzazzjonijiet li hekk kif din il-liġi tkun preżentata l-Parlament se jkollhom iċ-ċans jifluha u jekk ikun hemm bżonn ta' xi emendi, nikkunsidrawhom,” qal Pullicino Orlando.
Id-deputat Parlamentari Indipendenti qal li permezz ta' din il-liġi koppji omosesswali se jkunu jistgħu jirresġistraw ir-relazzjoni tagħhom. “Barra minn hekk persuna li tkun f'relazzjoni ma persuna barra l-Unjoni Ewropea xorta se jingħata l-istess drittijiet,” kompla Pullicino Orlando. Mhux tal-istess fehma Calleja li qalet li l-MGRM huma diżappuntati wkoll li r-riferenza għal dawk li s-sieħeb jew sieħba tagħhom ġej minn pajjiż terz mhijiex qegħda espliċitament fil-liġi.
Fuq nota pożittiva Calleja qalet li elementi ġodda f'din il-liġi bħall-applikazzjoni tal-kodiċi 633 u 635 tal-kodiċi kriminali huma tajbin. “Permezz ta' dan koppja li qed tikkoabita ma tistax tkun obbligata tixhed kontra s-sieħeb jew sieħba tagħha,” spjegat Calleja.
Min-naħa tiegħu Engerer żied jgħid li mhux sew li tbiddel l-isem u ma tbiddel xejn aktar. “Jien għalija huwa insult li rrid nirreġistra r-relazzjoni tiegħi quddiem nutar u wara li nkun ħadd parir legali kemm waħdi u kemm bħala koppja. Meta koppja mhux omosesswali li jkunu se jiżżewġu ma jieħdux pariri legali. Jekk isaqsi lili personali le ma murx għaliha, nistenna liġi aħjar li tkun tinkludi unjoni ċivili,” kompla Engerer.
No comments:
Post a Comment